Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Il-Kunsill Governattiv tal-BĊE jaġġorna l-istrateġija tal-politika monetarja tiegħu

30 ta' Ġunju 2025

  • Il-Kunsill Governattiv jikkonferma l-mira ta’ inflazzjoni simetrika ta’ 2% fuq żmien medju.
  • Is-simetrija teħtieġ risposta tal-politika qawwija u persistenti għal devjazzjonijiet kbar u sostnuti tal-inflazzjoni mill-mira f’kull direzzjoni
  • L-għodod kollha jibqgħu fil-kaxxa tal-għodda u l-għażla, id-disinn u l-implimentazzjoni tagħhom se jippermettu risposta aġli għal xokkijiet ġodda
  • Il-bidliet strutturali bħall-frammentazzjoni ġeopolitika u ekonomika u l-użu dejjem akbar tal-intelliġenza artifiċjali qegħdin jagħmlu l-ambjent tal-inflazzjoni aktar inċert

Il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) illum ippubblika r-riżultati tal-valutazzjoni tal-istrateġija tiegħu, li huma ppreżentati fi stqarrija aġġornata tal-istrateġija tal-politika monetarja.

Wara r-reviżjoni tal-istrateġija li twettqet fl-2020-2021, il-Kunsill Governattiv ħabbar li perjodikament se jivvaluta l-adegwatezza tal-istrateġija tal-politika monetarja tiegħu. Il-valutazzjoni li ġiet ippubblikata llum tissodisfa dan l-impenn, u tiżgura li l-qafas, il-kaxxa tal-għodda u l-approċċ tiegħu jibqgħu tajbin għall-iskop.

L-istrateġija tal-politika monetarja tippermetti lill-Kunsill Governattiv biex jirrispondi b’mod effettiv għall-bidliet maġġuri fl-ambjent tal-inflazzjoni. Dan huwa speċjalment importanti peress li l-bidliet strutturali li jinsabu għaddejjin, bħall-frammentazzjoni ġeopolitika u ekonomika, l-użu dejjem akbar tal-intelliġenza artifiċjali, il-bidla demografika u t-theddida għas-sostenibbiltà ambjentali, jissuġġerixxu li l-ambjent tal-inflazzjoni se jibqa’ inċert u potenzjalment aktar volatili, b’devjazzjonijiet akbar mill-mira ta’ inflazzjoni simetrika ta’ 2%.

Sabiex tinżamm is-simetrija tal-mira, hija importanti azzjoni qawwija jew persistenti tal-politika monetarja b’risposta għal devjazzjonijiet kbar u sostnuti tal-inflazzjoni mill-mira f’kull direzzjoni. Din se tgħin biex jiġi evitat li l-aspettattivi tal-inflazzjoni jsiru deankrati u sabiex id-devjazzjonijiet tal-inflazzjoni mill-mira ma jsirux stabbiliti.

“Jiena kuntenta li nħabbar li l-Kunsill Governattiv matul l-aħħar laqgħa tiegħu approva l-istrateġija aġġornata tal-BĊE dwar il-politika monetarja”, qalet il-President tal-BĊE Christine Lagarde. “Din il-valutazzjoni kienet opportunità siewja biex nisfidaw il-mod kif naħsbu, niċċekkaw il-kaxxa tal-għodda tal-politika tagħna u nikkalibraw l-istrateġija tagħna. Din tagħtina bażi aktar b’saħħitha biex immexxu l-politika monetarja tagħna u nwettqu l-mandat tagħna tal-istabbiltà tal-prezzijiet f’ambjent li qed isir dejjem aktar inċert.”

L-għodda tal-politika monetarja kollha li huma disponibbli bħalissa għall-Kunsill Governattiv se jibqgħu fil-kaxxa tal-għodda tiegħu. L-użu tagħhom fi kwalunkwe ħin se jibqa’ jkun soġġett għal valutazzjoni komprensiva tal-proporzjonalità. L-għażla, id-disinn u l-implimentazzjoni tagħhom se jkunu flessibbli biżżejjed biex jippermettu rispons aġli għall-bidliet fl-ambjent tal-inflazzjoni.

Fid-deċiżjonijiet dwar il-politika monetarja l-Kunsill Governattiv iqis mhux biss l-aktar perkors probabbli għall-inflazzjoni u l-ekonomija iżda wkoll ir-riskji u l-inċertezza assoċjati, inkluż l-użu xieraq ta’ analiżijiet tax-xenarji u s-sensittività.

L-ewwel laqgħa regolari dwar il-politika monetarja tal-Kunsill Governattiv li tapplika l-istrateġija aġġornata se ssir fit-23 u l-24 ta’ Lulju 2025. Il-Kunsill Governattiv beħsiebu jivvaluta perjodikament l-adegwatezza tal-istrateġija tal-politika monetarja tiegħu, bil-valutazzjoni li jmiss mistennija fl-2030.

Għal mistoqsijiet min-naħa tal-media, jekk jogħġbok ikkuntattja lil Stefan Ruhkamp, tel.: +49 69 1344 5057.

Noti

  • Qabel il-valutazzjoni tal-istrateġija tal-2025, il-Kunsill Governattiv ikkonkluda rieżamijiet tal-istrateġija fl-2003 u fl-2021.
  • Matul dawn l-aħħar 12-il xahar, il-Kunsill Governattiv għamel seminars, preżentazzjonijiet, diskussjonijiet u laqgħat iddedikati għall-valutazzjoni tal-istrateġija.
  • Il-valutazzjoni tal-istrateġija hija r-riżultat ta’ sforz kollaborattiv sinifikanti matul dan il-perjodu. Din involviet lill-persunal tal-BĊE u lill-banek ċentrali nazzjonali fiż-żona tal-euro u kienet organizzata f’żewġ proċessi ta’ ħidma separati.
KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja