Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA MILL-KUNSILL GOVERNATTIVA

Bidliet għall-qafas operazzjonali għall-implimentazzjoni tal-politika monetarja

13 ta’ Marzu 2024

  • Il-Kunsill Governattiv se jkompli jidderieġi l-pożizzjoni tal-politika monetarja billi jaġġusta r-rata tal-faċilità tad-depożitu (DFR)
  • Il-likwidità se tiġi pprovduta permezz ta’ firxa wiesgħa ta’ strumenti
  • L-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ewlenin (MROs) se jkollhom rwol ċentrali biex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ likwidità tal-banek u jkomplu jitmexxew permezz ta’ sejħiet għall-offerti b’rata fissa b’allokazzjoni sħiħa kontra l-kollateral wiesa’
  • Il-firxa bejn ir-rata fuq l-MROs u d-DFR se titnaqqas għal 15-il punt bażi sa mit-18 ta’ Settembru 2024
  • Rieżami tal-parametri ewlenin tal-qafas hija mbassra għall-2026, abbażi tal-esperjenza miksuba fil-perjodu li jkun laħaq għadda, jew aktar kmieni jekk meħtieġ

Il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) illum iddeċieda dwar bidliet għall-qafas operazzjonali għall-implimentazzjoni tal-politika monetarja. Dawn il-bidliet se jaffettwaw kif il-likwidità tal-banek ċentrali se tiġi pprovduta hekk kif il-likwidità eċċessiva fis-sistema bankarja, filwaqt li tibqa’ sinifikanti fis-snin li ġejjin, gradwalment tonqos. L-iskop tal-qafas operazzjonali huwa li jidderieġi r-rati tas-suq monetarju fuq żmien qasir mill-qrib skont id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv dwar il-politika monetarja. Ir-rieżami tal-qafas operazzjonali tħabbar f’Diċembru 2022 sabiex jiġi żgurat li jibqa’ xieraq hekk kif il-karta tal-bilanċ tal-Eurosistema tinnormalizza.

Il-Kunsill Governattiv qabel dwar ġabra ta’ prinċipji li se tiggwida l-implimentazzjoni tal-politika monetarja fil-futur:

  • Effikaċja: L-għan ewlieni tal-qafas operazzjonali huwa li tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-pożizzjoni tal-politika monetarja b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat tal-UE. Dan jinkiseb l-aħjar billi r-rati tas-suq monetarju għal żmien qasir jiġu ddireġuti mill-qrib b’mod konformi mad-deċiżjonijiet dwar il-politika monetarja. Xi volatilità fir-rati tas-suq monetarju tista’ tiġi ttollerata diment li ma ċċajparx is-sinjal dwar il-pożizzjoni intenzjonata tal-politika monetarja.
  • Robustezza: Il-qafas operazzjonali jeħtieġ li jkun robust għal konfigurazzjonijiet differenti tal-politika monetarja kif ukoll għal ambjenti finanzjarji u ta’ likwidità differenti, u jkun konsistenti mal-użu tal-istrumenti tal-politika monetarja ppreżentati fl-istrateġija dwar il-politika monetarja tal-BĊE. L-Eurosistema beħsiebha tipprovdi riżervi tal-bank ċentrali permezz ta’ taħlita wiesgħa ta’ strumenti sabiex jiġi offrut sors effettiv, flessibbli u stabbli ta’ likwidità għas-sistema bankarja, biex b’hekk tiġi appoġġata wkoll l-istabbiltà finanzjarja.
  • Flessibbiltà Is-settur bankarju taż-żona tal-euro huwa kbir u diversifikat f’termini tad-daqs tal-banek, il-mudelli tan-negozju u s-siti ġeografiċi. Provvista elastika ta’ riżervi tal-bank ċentrali bbażata fuq il-ħtiġijiet tal-banek hija għalhekk l-aktar adattata biex tidderieġi b’mod effettiv il-likwidità fis-sistema bankarja kollha fiż-żona tal-euro u biex tikkontribwixxi għall-assorbiment flessibbli tax-xokkijiet għal-likwidità.
  • Effiċjenza: Qafas operazzjonali effiċjenti jimplimenta l-pożizzjoni tal-politika monetarja mixtieqa u ma jinterferixxix miegħu, jirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità u jqis l-effetti sekondarji netti, inklużi r-riskji għall-istabbiltà finanzjarja. Barra minn hekk, il-qafas għandu jippreżerva s-sodezza finanzjarja. Karta tal-bilanċ li tkun finanzjarjament soda tappoġġa l-indipendenza tal-banek ċentrali u tippermetti t-tmexxija bla xkiel tal-politika monetarja.
  • Ekonomija tas-suq miftuħ: Id-disinn tal-qafas operazzjonali għandu jkun konsistenti mal-funzjonament bla xkiel u ordinat tas-swieq – inklużi s-swieq monetarji, li huma marbuta aktar mill-qrib mal-implimentazzjoni tal-politika monetarja. Dan jiffavorixxi l-allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi, mekkaniżmu effettiv ta’ skoperta tal-prezzijiet u t-trasmissjoni bla xkiel tal-politika monetarja.
  • Objettiv sekondarju: Sal-punt li l-konfigurazzjonijiet differenti tal-qafas operazzjonali jwasslu ugwalment biex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tal-pożizzjoni tal-politika monetarja, il-qafas operazzjonali għandu jiffaċilita t-tfittxija mill-BĊE tal-objettiv sekondarju tiegħu li jappoġġa l-politiki ekonomiċi ġenerali fl-Unjoni Ewropea – b’mod partikolari t-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika – mingħajr preġudizzju għall-objettiv primarju tal-BĊE tal-istabbiltà tal-prezzijiet. F’dan il-kuntest id-disinn tal-qafas operazzjonali se jimmira biex jinkorpora konsiderazzjonijiet relatati mat-tibdil fil-klima fl-operazzjonijiet strutturali tal-politika monetarja.

B’mod konformi ma’ dawn il-prinċipji, il-Kunsill Governattiv qabel dwar il-ġabra li ġejja ta’ parametri u karatteristiċi ewlenin għall-qafas operazzjonali tiegħu:

  • Il-Kunsill Governattiv se jkompli jidderieġi l-pożizzjoni dwar il-politika monetarja permezz tad-DFR. Ir-rati tal-imgħax għal żmien qasir tas-suq monetarju huma mistennija li jevolvu fil-viċinità tad-DFR b’tolleranza għal xi volatilità diment li ma ċċajparx is-sinjal dwar il-pożizzjoni intenzjonata tal-politika monetarja.
  • L-Eurosistema se tipprovdi likwidità permezz ta’ firxa wiesgħa ta’ strumenti, inklużi operazzjonijiet ta’ kreditu għal żmien qasir (jiġifieri MROs) u operazzjonijiet ta’ rifinanzjament għal żmien itwal ta’ tliet xhur (LTROs) kif ukoll – fi stadju aktar tard – operazzjonijiet strutturali ta’ kreditu għal żmien itwal u portafoll strutturali ta’ titoli.
  • L-MROs se jkomplu jsiru permezz ta’ proċeduri ta’ sejħiet għall-offerti b’rata fissa b’allokazzjoni sħiħa. Dawn huma maħsuba li jkollhom rwol ċentrali biex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ likwidità tal-banek u l-użu tagħhom mill-kontropartijiet huwa parti integrali minn implimentazzjoni bla xiel tal-politika monetarja.
  • L-LTROs ta’ tliet xhur ukoll se jkomplu jsiru permezz ta’ proċeduri ta’ sejħiet għall-offerti b’rata fissa b’allokazzjoni sħiħa.
  • Ir-rata fuq l-MROs se tiġi aġġustata b’tali mod li l-firxa bejn ir-rata fuq l-MROs u d-DFR titnaqqas għal 15-il punt bażi mill-firxa attwali ta’ 50 punt bażi. Il-firxa aktar dejqa se tagħti inċentiv biex isiru offerti fl-operazzjonijiet ta’ kull ġimgħa, b’mod li r-rati tas-suq monetarju għal żmien qasir aktarx li jevolvu fil-viċinità tad-DFR, u se tillimita l-ambitu potenzjali għal volatilità fir-rati tas-suq monetarju għal żmien qasir. Fl-istess ħin, ħa tħalli spazju għal attività fis-suq monetarju u tipprovdi inċentivi għall-banek biex iffitxu soluzzjonijiet ta’ finanzjament ibbażati fuq is-suq. Ir-rata fuq il-faċilità ta’ self marġinali (MLF) ukoll se tiġi aġġustata b’tali mod li l-firxa bejn ir-rata fuq l-MLF u r-rata fuq l-MROs se tibqa’ mhux mibdula b’25 punt bażi. Dawn il-bidliet se jidħlu fis-seħħ bis-sitt perjodu ta’ manutenzjoni tal-2024, li jibda fit-18 ta’ Settembru 2024.
  • Operazzjonijiet ta’ rifinanzjament strutturali aktar fit-tul u portafoll strutturali ta’ titoli se jiġu introdotti fi stadju aktar tard, malli l-karta tal-bilanċ tal-Eurosistema terġa’ tibda tikber b’mod durevoli għal darb’oħra, filwaqt li jitqiesu l-investimenti f’bonds miruta. Dawn l-operazzjonijiet se jagħmlu kontribut sostanzjali biex ikopru l-ħtiġijiet ta’ likwidità strutturali tas-settur bankarju li jirriżultaw minn fatturi awtonomi u rekwiżiti ta’ riżervi minimi. L-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament strutturali u l-portafoll strutturali ta’ titoli se jiġu kkalibrati skont il-prinċipji msemmija hawn fuq u sabiex tiġi evitata interferenza mal-pożizzjoni tal-politika monetarja. B’mod konformi mad-deċiżjonijiet tal-politika monetarja, il-Kunsill Governattiv jistenna li l-portafolji akkwistati taħt il-programm ta’ xiri ta’ assi (APP ) u l-programm ta’ xiri għall-emerġenza pandemika (PEPP) ikomplu jitnaqqsu.
  • Il-proporzjon ta’ riżerva għad-determinazzjoni tar-rekwiżiti għar-riżervi minimi tal-banek jibqa’ l-istess b’rata ta’ 1%. Ir-remunerazzjoni tar-riżervi minimi tiqa’ l-istess b’rata ta’ 0%.
  • Qafas wiesa’ ta’ kollateral se jinżamm għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament.

Hekk kif is-swieq finanzjarji, l-istituzzjonijiet u l-kontropartijiet jadattaw għal bidliet fl-ambjent ta’ likwidità flimkien mat-tnaqqis tal-karta tal-bilanċ tal-Eurosistema, il-Kunsill Governattiv se jimmonitorja bir-reqqa l-evoluzzjoni u d-distribuzzjoni tal-likwidità eċċessiva, il-formazzjoni tar-rati tas-suq monetarju, l-evoluzzjoni tad-domanda tal-banek għar-riżervi, u l-funzjonament tas-swieq monetarji u s-swieq finanzjarji aktar wiesgħin fi ħdan il-parametri mħabbra llum. Abbażi tal-esperjenza miksuba, il-Kunsill Governattiv se jirrevedi l-parametri ewlenin tal-qafas operazzjonali fl-2026 u jinsab lest li jaġġusta d-disinn u l-parametri tal-qafas aktar kmieni, jekk meħtieġ, biex jiżgura li l-implimentazzjoni tal-politika monetarja tibqa’ konformi mal-prinċipji stabbiliti. Se ssir ukoll analiżi fil-fond tad-disinn tal-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ġodda fuq żmien itwal u tal-portafoll strutturali ġdid.

Għal mistoqsijiet min-naħa tal-media, il-persuna ta’ kuntatt hija Lena-Sophie Demuth, tel.: +49 162 2952316.

Noti

  • Filwaqt li l-iskop tal-qafas operazzjonali huwa li jidderieġi r-rati tas-suq monetarju għal żmien qasir mill-qrib b’mod konformi mad-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv dwar il-politika monetarja, il-politika monetarja hija ggwidata mill-istrateġija tal-politika monetarja tal-Kunsill Governattiv.
KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja