Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

X’inhuma l-operazzjonijiet immirati ta’ rifinanzjament għal żmien itwal (TLTROs)?

30 ta' Marzu 2021

Operazzjonijiet immirati ta’ finanzjament għal żmien itwal (TLTROs) huma ċentrali biex jiġi żgurat li l-politika monetarja tagħna tilħaq lin-nies. Permezz tat-TLTROs, il-BĊE joffri self fuq żmien itwal lill-banek bi spejjeż favorevoli u jħeġġiġhom isellfu lin-negozji u lill-konsumaturi fiż-żona tal-euro. Dan iżomm l-ispejjeż baxxi u jappoġġa l-infiq u l-investimenti.

Kif jaħdem dan? It-TLTROs huma differenti mill-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ewlenin tagħna fi tliet modi distinti:

  1. It-TLTROs huma mmirati b’mod speċifiku – kif jgħid l-isem – li jżommu jew iżidu s-self tal-banek lin-negozji u lill-konsumaturi.
  2. It-TLTROs huma kundizzjonali. Il-banek jiksbu kreditu rħis biss mill-BĊE jekk fil-fatt jgħaddu l-flus lill-poplu u lin-negozji fil-forma ta’ self. L-ammont massimu offrut huwa limitat għal sehem mis-self tal-banek lil kumpaniji u unitajiet domestiċi (minbarra s-self għax-xiri ta’ djar). Aktar ma bank ta f’self lil kumpaniji u lil unitajiet domestiċi qabel il-bidu tal-operazzjonijiet, aktar ikun jista’ jissellef taħt it-TLTROs.
  3. It-TLTROs joffru self aktar fit-tul. Għandhom jitħallsu lura biss wara erba’ snin, ħafna itwal mill-istrumenti standard tal-BĊE li jipprovdu likwidità. Dan jipprovdi lill-banek b’finanzjament stabbli u affidabbli.

Għaliex noffru t-TLTROs?

It-TLTROs jgħinu biex iżommu l-ekonomija għaddejja u jiżguraw li n-negozji u l-familji jkomplu jiksbu l-fondi li jeħtieġu biex jibqgħu għaddejjin u jinvestu. It-TLTROs huma wieħed mill-istrumenti ewlenin għall-BĊE biex jippreserva kondizzjonijiet favorevoli ta’ finanzjament. Huma jipprovdu lill-banek b’ċertezza ta’ finanzjament bi spiża favorevoli hekk kif jappoġġaw is-self lill-kumpaniji u lill-unitajiet domestiċi. It-TLTROs jinkoraġġixxi s-self meta l-banek ikunu aktar eżitanti li jagħtu self.

Billi jinkoraġġixxu s-self mill-banek, it-TLTROs jiżguraw li l-ekonomija tibbenefika mill-politika monetarja tagħna. Is-self lill-kumpaniji u lill-unitajiet domestiċi jiffinanzja l-investiment u jappoġġa l-infiq fuq oġġetti u servizzi, speċjalment meta l-ekonomija tiffaċċja diffikultajiet kbar. Dan imbagħad jgħinna nġibu l-inflazzjoni lura lejn l-għan tagħna ta’ taħt, iżda qrib, it-2%.

Il-BĊE nieda tliet serje ta’ TLTROs: TLTRO I fl-2014, TLTRO II fl-2016 u TLTRO III fl-2019.

It-TLTRO III għandu rwol importanti biex tiġi missielta l-kriżi tal-koronavirus

It-TLTRO III hija waħda mill-miżuri ewlenin tagħna biex niġġieldu l-impatt tal-kriżi tal-koronavirus fuq l-ekonomija. Il-banek jistgħu jisselfu fondi mill-BĊE b’rata favorevoli baxxa daqs -1 %. Dan ifisser li jiġu offruti fi 0.5 punti perċentwali taħt ir- rata tal-faċilità tad-depożitu tal-BĊE. Il-banek jiġu ppremjati b’din ir-rata ta’ imgħax aktar baxxa jekk jibqgħu jsellfu lin-negozji u lill-unitajiet domestiċi. Qed noffru lill-banek dawn it-termini aktar attraenti mill-24 ta’ Ġunju 2020 sat-23 ta’ Ġunju 2022.

Dan iħeġġeġ lill-banek biex isellfu aktar u jgħaddu dawn it-termini attraenti lill-kumpaniji u lill-unitajiet biex jgħinuhom jegħlbu aħjar il-kriżi tal-koronavirus. It-tielet programm TLTRO jikkonsisti f’għaxar operazzjonijiet, kull wieħed b’maturità ta’ tliet snin (li qabel kienu TLTROs li kellhom maturità sa erba’ snin). Dan ifisser li l-banek għandhom tliet snin biex iħallsu lura dak li ssellfu. L-operazzjonijiet ta’ TLTRO III bdew f’Settembru 2019, qabel ma l-kriżi tal-koronavirus laqtet l-ekonomija. Il-programm imbagħad ġie adattat biex jirrispondi għall-impatt tal-kriżi f’Marzu, April u darb’oħra f’Diċembru 2020. L-aħħar operazzjoni ser titwettaq f’Diċembru 2021.

ARA WKOLL

Skopri iktar dwar kontenut relatat