Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

L-Eurosistema tiżvela l-karta ta’ €5 tas-sensiela Europa

10 ta' Jannar 2013

Il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) Mario Draghi llum żvela l-karta ta’ €5 tas-sensiela Europa. L-okkażjoni kienet il-qofol tal-inawgurazzjoni tal-wirja “Il-Wiċċ Ġdid tal-Euro” li se tkun miftuħa għall-pubbliku fil-Mużew Arkeoloġiku fi Frankfurt am Main bejn il-11 ta’ Jannar u l-10 ta’ Marzu 2013.

Il-karta l-ġdida ta’ €5 bbenefikat mill-avvanzi li saru fit-teknoloġija tal-karti tal-flus minn meta daħlet l-ewwel sensiela aktar minn għaxar snin ilu. Tinkludi xi karatterisitiċi ta’ sigurtà ġodda u oħrajn li sarilhom titjib. Il- watermark u l-ologramma juru wiċċ Europa, figura tal-mitoloġija Griega li tat isimha li din is-sensiela ta’ karti tal-flus. In-numru aħdar żmerald jolqot l-għajn billi jibdel il-kulur minn aħdar żmerald għal blu skur u juri effett bid-dawl miexi ’l fuq u ’l isfel. Linji qosra mqabbżin mat-truf tax-xellug u tal-lemin tal-karta tal-flus jagħmluha iktar faċli biex din tiġi identifikata, l-aktar minn persuni neqsin mid-dawl.

Dawn il-karatteristiċi ta’ sigurtà għandhom jidħlu fil-karti tal-flus ġodda kollha. Faċli tiċċekkjahom bil-metodu “ħoss-ħares-mejjel”.

Is-sensiela l-ġdida għandha l-istess disinn “żminijiet u stili” u kuluri dominanti bħall-ewwel sensiela. Il-€5 se tkun l-ewwel karta tal-flus li toħroġ, fit-2 ta’ Mejju 2013. Id-denominazzjonijiet l-oħrajn, jiġifieri €10, €20, €50, €100, €200 u €500, se jidħlu fis-snin li ġejjin, miż-żgħira għall-kbira.

Għall-bidu, il-karti tal-flus tal-ewwel sensiela se jibqgħu jiċċirkolaw flimkien mal-karti l-ġodda, iżda mbagħad jitneħħew ftit ftit sakemm ma jibqgħux aktar valuta legali. Id-data meta dan iseħħ titħabbar minn żmien qabel sew. Madankollu, il-karti tal-flus tal-ewwel sensiela se jibqgħu jżommu l-valur tagħhom indefinittivament u jistgħu jissarrfu fil-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro f’kull żmien.

Aktar tagħrif jinsab fil-materjal għall-istampa f’www.wiccgdidtaleuro.eu. Din il-websajt tinkludi wkoll il- Euro Cash Academy, mezz ta’ tagħlim b’xejra ta’ logħba dwar il-€5 ġdida u l-karti tal-flus tal-euro l-oħrajn. Barra dan, f’April li ġej se jitqassmu fuljetti dwar il-€5 ġdida lill-banek, ħwienet u negozji oħrajn fiż-żona tal-euro. Dan kollu għandu jgħin biex il-pubbliku u l-professjonisti li jimmaniġġaw il-flus kontanti jkollhom żmien biżżejjed biex jitgħallmu dwar il-karti tal-flus ġodda u biex is-sensiela Europa tidħol bla xkiel.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja