Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Diskors fl-okkażjoni tal-preżentazzjoni tal-€50 ġdida

Diskors mill-President tal-BĊE Mario Draghi fl-okkażjoni tal-ħruġ tal-karta l-ġdida tal-€50, Frankfurt am Main, 4 ta’ April 2017

Hu l-pjaċir tiegħi nilqagħkom hawn illum biex nippreżentawlkom il-karta l-ġdida tal-€50. Din mhijiex ħlief il-quċċata ta’ ammont kbir ta’ riċerka u dedikazzjoni min-naħa tal-kollegi tiegħi fil-BĊE u l-Eurosistema, u nifirħilhom talli għal darb’oħra rnexxielhom joħorġu bi prodott tal-aqwa kwalità. Għalkemm il-karti tal-flus forsi ma jiġbdux l-attenzjoni daqs aspetti oħra tal-politika monetarja, huma parti fundamentali minn dak li nagħmlu. U f’ċerti modi sehemhom huwa ħafna iżjed importanti fiż-żona tal-euro milli f’partijiet oħra tad-dinja.

Għalkemm il-ħlasijiet elettroniċi kulma jmorru qegħdin jikbru fil-popolarità, il-flus kontanti jibqgħu l-iżjed mezz ta’ ħlas importanti. Stħarriġ li sar f’isem il-BĊE fuq l-użu tal-flus kontanti li ma jdumx ma jiġi pubblikat juri li iżjed minn tliet kwarti tal-ħlasijiet kollha fil-ħwienet taż-żona tal-euro jsiru bi flus kontanti, li jiġu ftit aktar minn nofs il-valur tat-tranżazzjonijiet kollha. Għalhekk, anki f’din l-era diġitali, il-flus kontanti jibqgħu importanti fl-ekonomija tagħna.

U dan huwa partikolarment il-każ tal-karta tal-€50, li hija l-iżjed denominazzjoni importanti tagħna. Minnha hawn iżjed minn 9 biljuni fl-idejn, li jirrappreżentaw 46% tal-karti kollha tal-euro. Dan huwa iżjed mill-għadd totali ta’ karti tal-flus li ħarġu meta l-euro ġie introdott għall-ewwel darba fl-2002.

Għalhekk jidher ċar li biex l-ekonomija tiffunzjona, in-nies irid ikollhom fiduċja fil-karti tal-flus – iridu jkunu jifilħu għall-użu, tista’ tiċċekkjahom malajr u disponibbli fil-pront. U forsi l-iżjed ħaġa importanti, iridu jkunu siguri: irridu nibqgħu pass qabel il-falsifikaturi li jistgħu jimminaw il-fiduċja tal-poplu fil-flus. Għalhekk aħna npoġġu l-innovazzjoni fil-qalba tal-iżvilupp tal-karti tal-flus u nagħmlu ħilitna biex nużaw l-iżjed teknoloġija reċenti u effiċjenti għall-produzzjoni tal-karti tal-flus.

Hekk, il-karta l-ġdida tal-€50 tinkorpora t-titjib kollu li sar fil-karatteristiċi ta’ sigurtà tal-karta l-ġdida tal-€20 sabiex tkun iżjed reżistenti għall-falsifikazzjoni mill-ewwel sensiela. Persuni neqsin mid-dawl jistgħu jagħrfuha faċilment, billi fin-naħa ta’ quddiem għandha ittri u ċifri kbar u iżjed grassi kif ukoll linji żgħar imqabbżin mat-truf.

U sabiex inkunu ċerti li l-pubbliku jsir midħla tal-karta l-ġdida, l-Eurosistema għamlet kampanja ta’ komunikazzjoni mifruxa fuq diversi mezzi tax-xandir bil-għan li tilħaq l-akbar għadd ta’ nies. B’hekk il-partijiet interessati kellhom it-tagħrif meħtieġ fuq il-karta l-ġdida tal-flus u l-karatteristiċi ta’ sigurtà tagħha.

Iżda hemm raġuni oħra għaliex il-karti tal-flus huma parti fundamentali minn dak li nagħmlu – raġuni li hija iżjed sinifikanti għaż-żona tal-euro milli għal oħrajn. F’unjoni bħal tagħna magħmula minn bosta pajjiżi, huwa iżjed diffiċli toħloq identità komuni milli fi stat nazzjonali wieħed li jkollu l-kultura u l-istorja tiegħu. L-euro huwa tagħna lkoll – huwa simbolu tanġibbli tal-unità Ewropea.

Li jkollok f’idejk karta tal-euro u tkun taf li din tista’ tintuża f’19-il pajjiż hija xi ħaġa li tfakkrek fis-saħħa tal-integrazzjoni Ewropea. Tabilħaqq, meta jistaqsu liċ-ċittadini taż-żona tal-euro liema huma l-iżjed elementi importanti tal-identità Ewropea, l-iktar ħaġa li jsemmu wara d-demokrazija u l-libertà hija l-munita unika. U minkejja d-diffikultajiet ta’ dawn l-aħħar snin, l-appoġġ għall-munita unika bħalissa huwa ta’ 70%, daqs kemm kien fil-perjodu ta’ qabel il-kriżi.

Bil-kollaborazzjoni tal-banek ċentrali nazzjonali, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-manifatturi tal-apparat li jipproċessa l-karti tal-flus, mijiet ta’ eluf ta’ magni u bċejjeċ oħra ta’ tagħmir ġew aġġornati f’dawn l-aħħar disa’ xhur, u dan ifisser li – sa mil-lum – il-karta l-ġdida tal-€50 se tkun f’idejna.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja