Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Ġunju 2013

Is-sitwazzjoni ekonomika, monetarja u finanzjarja

Rapport dwar Kwistjonijiet Strutturali 2013

Fid-19 ta’ Ġunju 2013 il-Kunsill Governattiv approva r-Rapport dwar Kwistjonijiet Strutturali 2013 li tħejja mill-Kumitat għall-Politika Monetarja (wieħed mill-kumitati tal-Eurosistema/SEBĊ). Ir-rapport bl-isem “ Corporate finance and economic activity in the euro area” (Finanzi u attività ekonomika tal-kumpaniji fiż-żona tal-euro) jiddeskrivi l-istruttura korporattiva tal-finanzi ta’ korporazzjonijiet mhux finanzjarji fiż-żona tal-euro, fosthom l-interazzjonijiet tagħha mal-ambjent makroekonomiku, b’enfasi speċjali fuq il-kriżi li bdiet fl-2007-08. Ir-rapport se jixxandar fil-websajt tal-BĊE bħala parti mill- Occasional Paper Series (Sensiela Dokumenti Okkażjonali).

Operazzjonijiet tas-Suq

Operazzjonijiet b’sejħa għall-offerti u perjodi taż-żamma tar-riżervi fl-2014 u l-2015

Fis-17 ta’ Mejju 2013 il-Kunsill Governattiv ħa nota tal-kalendarji indikattivi għall-operazzjonijiet regolari tal-Eurosistema b’sejħa għall-offerti u għall-perjodi taż-żamma tar-riżervi fl-2014 u l-2015. Id-dettalji jinsabu f’żewġ stqarrijiet għall-istampa li xxandru fil-websajt tal-BĊE fl-10 ta’ Ġunju 2103 bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea.

Sistemi ta’ pagament u infrastruttura tas-suq

Rapport Annwali TARGET 2012

Fis-16 ta’ Mejju 2013 il-Kunsill Governattiv ħa nota tar-Rapport Annwali TARGET 2012. Ir-rapport juri li t-TARGET2 għadu strumentali għall-promozzjoni ta’ suq monetarju integrat fiż-żona tal-euro, li huwa prerekwiżit għat-tmexxija effikaċi tal-politika monetarja unika, u jagħti sehmu għall-integrazzjoni tas-swieq finanzjarji taż-żona tal-euro u, fl-aħħar mill-aħħar, għall-istabbiltà finanzjarja. Ir-rapport, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa, ixxandar fil-websajt tal-BĊE fl-24 ta’ Mejju 2013.

Evalwazzjoni ad hoc tal-links indiretti bejn is-sistemi tas-saldu ta’ titoli fiż-żona tal-euro

Fit-23 ta’ Mejju 2013 il-Kunsill Governattiv approva l-eliġibbiltà ta’ tliet links indiretti ġodda biex jintużaw fl-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema. Il-lista sħiħa tal-links eliġibbli tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Adozzjoni tal-Prinċipji CPSS-IOSCO għall-infrastrutturi tas-swieq finanzjarji bħala standards ta’ sorveljanza tal-Eurosistema u bidu ta’ konsultazzjoni pubblika fuq l-abbozz tar-regolament tal-BĊE dwar ir-rekwiżiti ta’ sorveljanza għal sistemi ta’ pagament ta’ importanza sistemika

Fit-3 ta’ Ġunju 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-“Prinċipji għall-infrastrutturi tas-swieq finanzjarji” maħruġa f’April 2012 mill-Kumitat għas-Sistemi ta’ Pagament u Saldu (CPSS) tal-Bank għas-Saldi Internazzjonali u l-Kumitat Tekniku tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (IOSCO) għat-tmexxija tas-sorveljanza tal-Eurosistema fir-rigward tat-tipi kollha ta’ infrastrutturi tas-swieq finanzjarji. Il-Kunsill iddeċieda wkoll li jibda konsultazzjoni pubblika ta’ xahrejn fuq l-abbozz tar-regolament dwar ir-rekwiżiti ta’ sorveljanza għal sistemi ta’ pagament ta’ importanza sistemika li jimplimenta l-Prinċipji CPSS-IOSCO għall-infrastrutturi tas-swieq finanzjarji b’mod vinkolanti. L-abbozz tar-regolament, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa, ixxandar fil-websajt tal-BĊE fis-7 ta’ Ġunju 2013.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal direttiva dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-għanijiet ta' ħasil tal-flus u ta' finanzjament tat-terroriżmu u dwar proposta għal regolament fuq l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi 

Fis-17 ta’ Mejju 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/32 wara talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-protezzjoni ta’ min jissellef b’ipoteka fi Spanja

Fit-22 ta’ Mejju 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/33 wara talba tas-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ekonomiċi u s-Sostenn tan-Negozju ta’ Spanja.

Opinjoni tal-BĊE dwar arranġamenti fuq id-dejn għal individwi midjunin iżżejjed fil-Greċja

Fit-23 ta’ Mejju 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/34 wara talba tal-Ministeru tal-Iżvilupp, Kompetittività, Infrastruttura, Trasport u Netwerks tal-Greċja.

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal Regolament tal-Kunsill fir-rigward ta’ denominazzjonijiet u speċifikazzjonijiet tekniċi tal-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

Fit-23 ta’ Mejju 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/35 wara talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-istatus ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u l-ħolqien ta' kumpaniji ta' finanzjament fi Franza

Fl-24 ta’ Mejju 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/36 wara talba tal-Ministeru għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Finanzi ta’ Franza.

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal direttiva dwar il-protezzjoni tal-euro u ta’ muniti oħrajn kontra l-falsifikazzjoni permezz ta’ liġi kriminali, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2000/383/JHA

Fit-28 ta’ Mejju 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/37 wara talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-Fond Elleniku għall-Istabbiltà Finanzjarja

Fid-29 ta’ Mejju 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/38 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi tal-Greċja.

Opinjoni tal-BĊE dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tas-sistema finanzjarja nazzjonali fir-Rumanija 

Fit-3 ta’ Ġunju 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/39 wara talba minn Banca Naţională a României.

Opinjoni tal-BĊE dwar id-dmirijiet superviżorji ġodda ta’ Magyar Nemzeti Bank  

Fit-3 ta’ Ġunju 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/40 wara talba tal-Ministeru għall-Ekonomija Nazzjonali tal-Ungerija.

Opinjoni tal-BĊE dwar bidliet fil-governanza tal-Bank Ċentrali ta’ Ċipru

Fil-5 ta’ Ġunju 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/41 wara talba tal-President tal-Kamra tar-Rappreżentanti tar-Repubblika ta’ Ċipru.

Opinjoni tal-BĊE dwar pjanijiet għall-irkupru u r-riżoluzzjoni fil-Belġju

Fl-10 ta’ Ġunju 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/42 wara talba minn Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique.

Opinjoni tal-BĊE dwar it-trattament ta' karti tal-flus tal-euro newtralizzati minn apparat kontra s-serq fil-Belġju

Fit-12 ta’ Ġunju 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/43 wara talba minn Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique, f’isem il-Ministeru tal-Affarijiet Interni tal-Belġju.

Opinjoni tal-BĊE dwar taxxa speċjali fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu f’Ċipru

Fid-19 ta’ Ġunju 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/44 wara talba tal-President tal-Kamra tar-Rappreżentanti tar-Repubblika ta’ Ċipru.

Kooperazzjoni Internazzjonali u Ewropea

It-12-il analiżi annwali dwar is-sehem internazzjonali tal-euro

Fid-19 ta’ Ġunju 2013 il-Kunsill Governattiv awtorizza l-pubblikazzjoni tat-12-il analiżi annwali dwar is-sehem internazzjonali tal-euro, li teżamina l-iżviluppi fl-użu tal-euro minn residenti li ma kinux joqogħdu fiż-żona tal-euro fl-2012. Ir-rapport, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa, se jixxandar fil-websajt tal-BĊE fit-2 ta’ Lulju 2013.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja