Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (minbarra d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Awwissu 2010

Kwistjonijiet operazzjonali

Analiżi tal-miżuri tal-Eurosistema għall-kontroll tar-riskji

Fit-28 ta’ Lulju 2010, il-BĊE ħabbar emendi, kif adottati mill-Kunsill Governattiv, għall-miżuri għall-kontroll tar-riskji fir-rigward ta’ assi eliġibbli biex jintużaw bħala kollateral fl-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema. Dawn l-emendi ġejjin mill-valutazzjoni ta’ kull sentejn tal-miżuri tal-Eurosistema għall-kontroll tar-riskji. L-istqarrija għall-istampa fiha wkoll dettalji tal-iskeda l-ġdida tat-tnaqqis fil-valutazzjoni, li se tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2011, skond id-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv tat-8 ta’ April 2010 biex jintroduċi tnaqqis gradwat fil-valutazzjoni fil-każ ta’ assi ta’ klassifika baxxa.

Sistemi ta’ pagament u l-infrastruttura tas-suq

Qafas legali għas-Simulatur tat-TARGET2

Fid-29 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2010/9 dwar l-aċċess għal, u l-użu ta’ ċerta dejta tat-TARGET2. Din id-deċiżjoni tirregola l-aċċess għal, u l-użu ta’ ċerta dejta mis-sorveljanti tat-TARGET2 u mill-operaturi tat-TARGET2 fil-kuntest tas-Simulatur tat-TARGET2, mekkaniżmu li jippermetti analiżi kwantitattiva u simulazzjonijiet numeriċi b’dejta ta’ livell tat-transazzjonijiet biex jiġu żgurati t-tħaddim effiċjenti u s-sorveljanza tat-TARGET2.

Konvenzjoni ġdida dwar is-suq ta’ Strumenti Ewropej fuq Żmien Qasir (STEP)

Fil-5 ta’ Awwissu 2010, wara li qies il-konvenzjoni l-ġdida dwar is-suq STEP u l-fatt li s-Segretarjat tas-Suq STEP assuma r-responsabbiltà kollha għall-proċess deskrittiv tal-iSTEP, il-Kunsill Governattiv approva l-waqfien tal-involviment tal-Eurosistema f’din l-attività b’seħħ immedjat. Iżjed tagħrif dwar is-suq STEP hu disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

L-istabbiltà finanzjarja u s-superviżjoni

It-tweġiba tal-Eurosistema għall-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni Ewropea dwar short selling

Fil-5 ta’ Awwissu 2010, il-Kunsill Governattiv approva t-tweġiba tal-Eurosistema għall-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni Ewropea dwar short selling u awtorizza l-pubblikazzjoni tat-tweġiba fil-websajt tal-BĊE.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar it-trażżin tal-ispiża pubblika, fir-rigward tal-Banca d’Italia

Fis-26 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni fuq talba tal-Ministeru Taljan għall-Affarijiet Economiċi u l-Finanzi (CON/2010/58).

Opinjoni tal-BĊE dwar il-karrieri tal-impjegati taċ-Ċivil fid-Deutsche Bundesbank

Fid-29 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni fuq talba tad-Deutsche Bundesbank (CON/2010/59).

Opinjoni tal-BĊE dwar il-qafas tar-riżervi minimi fl-Estonja

Fit-2 ta’ Awwissu 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni fuq talba tal-Eesti Pank (CON/2010/60).

Opinjoni tal-BĊE dwar ċerti kompetenzi tal-Kunsill Governattiv tal-Българска народна банка (Bank Nazzjonali Bulgaru)

Fit-3 ta’ Awwissu 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni fuq talba tal-Gvernatur tal- Българска народна банка (Bank Nazzjonali Bulgaru) (CON/2010/61).

Opinjoni tal-BĊE dwar emendi għal diversi liġijiet li jirrigwardaw it-tnaqqis tal-iżbilanċi finanzjarji fl-Ungerija

Fl-4 ta’ Awwissu 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni fuq talba tal-Ministeru għall-Ekonomija Nazzjonali Ungeriż (CON/2010/62).

Opinjoni tal-BĊE dwar l-implimentazzjoni tar-regoli fir-rigward tas-sistemi ta’ kumpens f’istituzzjonijiet u kumpaniji tal-assigurazzjoni

Fil-5 ta’ Awwissu 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni fuq talba tal-Ministeru Federali tal-Finanzi Ġermaniż (CON/2010/63).

Statistika

Regolament tal-BĊE tat-23 ta’ Lulju 2010 li jemenda r-Regolament BĊE/2010/18 dwar l-istatistika tar-rati tal-imgħax applikati mill-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji għad-depożiti u s-self fir-rigward tal-individwi u l-korporazzjonijiet mhux finanzjarji (BĊE/2010/7)

Fit-23 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill Governattiv adotta dan ir-Regolament li jtawwal minn Diċembru 2010 sa Diċembru 2013 id-dispożizzjonijiet transizzjonali għad-definizzjoni tad-daqs minimu tal-kampjuni nazzjonali.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja