Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (minbarra d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Mejju 2010

Is-sitwazzjoni ekonomika, monetarja u finanzjarja

Stima tal-programm Grieg għall-aġġustament ekonomiku u finanzjarju

Fit-2 ta’ Mejju 2010, il-Kunsill Governattiv ta stima pożittiva tal-Programm Grieg għall-aġġustament ekonomiku u finanzjarju adottat fl-istess jum mill-gvern Grieg. Stqarrija għall-istampa relatata ġiet ippubblikata fl-istess jum.

Kwistjonijiet operazzjonali

Bidla fl-eliġibbiltà tal-istrumenti tad-dejn maħruġa jew garantiti mill-gvern Grieg

Fit-2 ta’ Mejju 2010, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li, sa ma joħroġ avviż ieħor, jissuspendi l-applikazzjoni tal-istandard minimu għall-klassifika tal-kreditu fir-rekwiżiti għall-eliġiġibbiltà tal-kollateral għall-fini tal-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema fil-konfront tal-istrumenti tad-dejn kollha, pendenti u ġodda, maħruġa jew garantiti mill-gvern Grieg. Stqarrija għall-istampa relatata ġiet ippubblikata fil-jum ta’ wara. Fis-6 ta’ Mejju 2010, il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni relattiva tal-BĊE dwar miżuri temporanji fir-rigward tal-eliġibbiltà ta’ strumenti tad-dejn negozjabbli maħruġa jew garantiti mill-gvern Grieg (ECB/2010/3)

Programm tas-swieq tat-titoli

Fid-9 ta’ Mejju 2010, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jibda jagħmel interventi fis-swieq tat-titoli pubbliċi u privati taż-żona tal-euro (programm tas-swieq tat-titoli) biex jiżgura profondità u likwidità f’dawk l-oqsma tas-suq li mhux qed jiffunzjonaw sew u qed jaffettwaw il-mekkaniżmu tat-trasmissjoni tal-politika monetarja. Il-Kunsill Governattiv iddeċieda wkoll li se jsiru operazzjonijiet speċifiċi biex il-likwidità injettata permezz ta’ dan il-programm terġa tiġi assorbita ħalli jiġi newtralizzat l-impatt ta’ dawn l-interventi. Stqarrija għall-istampa relatata ġiet ippubblikata fil-jum ta’ wara. Id-deċiżjonijiet imsemmija hawn fuq ġew formalizzati bid-Deċiżjoni tal-BĊE li stabbiliet programm tas-swieq tat-titoli (BĊE/2010/5), adottata mill-Kunsill Governattiv fl-14 ta’ Mejju 2010.

Bidliet fil-qafas operazzjonali tal-politika monetarja

Fid-9 ta’ Mejju 2010, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jadotta proċedura tas-sejħiet għall-offerti b’rata fissa u b’allokament sħiħ fl-operazzjonijiet regolari ta’ rifinanzjament fuq żmien itwal ta’ tliet xhur li għandhom jiġu allokati fis-26 ta’ Mejju u t-30 ta’ Ġunju 2010. Stqarrija għall-istampa relatata ġiet ippubblikata fil-jum ta’ wara.

Operazzjoni supplimenari ta’ rifinanzjament fuq żmien itwal

Fid-9 ta’ Mejju 2010, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jmexxi operazzjoni supplimentari ta’ rifinanzjament fuq żmien itwal ta’ sitt xhur b’allokazzjoni sħiħa fit-12 ta’ Mejju 2010, b’rata li se tkun fissa skond il-medja tar-rata minima tal-offerti tal-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament għall-perijodu tal-validità ta’ din l-operazzjoni. Stqarrija għall-istampa relatata ġiet ippubblikata fil-jum ta’ wara.

Riattivazzjoni tal-operazzjonijiet għall-provvediment ta’ likwidità f’dollari Amerikani

Fid-9 ta’ Mejju 2010, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jistabbilixxi mill-ġdid il-faċilitajiet swap temporanji f’dollari Amerikani mal-Federal Reserve System, flimkien mal-Bank of Canada, il-Bank of England, is-Swiss National Bank u, mill-10 ta’ Mejju, mal-Bank of Japan. Il-Kunsill Governattiv iddeċieda wkoll li jerġa jibda l-operazzjonijiet għall-provvediment ta’ likwidità f’dollari Amerikani fuq perijodi ta’ 7 u 84 jum li se jsiru bħala operazzjonijiet ta’ xiri mill-ġdid kontra kollateral meqjus eliġibbli għall-użu fl-operazzjonijiet tal-BĊE u li se jitwettqu bħala sejħiet għall-offerti b’rata fissa u b’allokament sħiħ. Żewġ stqarrijiet għall-istampa relatati ġew ippubblikati fil-jum ta’ wara.

Deċiżjoni tal-BĊE dwar il-maniġġ ta’ self bilaterali ppuljat favur il-Greċja

Fl-10 ta’ Mejju 2010, il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni tal-BĊE dwar il-maniġġ ta’ self bilaterali ppuljat favur ir-repubblika Ellenika li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2007/7 dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tat-TARGET2-BĊE (BĊE/2010/4) li permezz tagħha l-BĊE jestendi l-lista ta’ klijenti biex tkun tinkludi gvernijiet ċentrali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u entitajiet pubbliċi nominati minn dawn il-gvernijiet ċentrali biex jaġixxu f’isimhom.

Sistemi ta’ pagament u l-infrastruttura tas-suq

Rapport Annwali 2009 dwar it-TARGET

Fl-14 ta’ Mejju 2010, il-Kunsill Governattiv qies ir-Rapport Annwali 2009 dwar it-TARGET. Ir-rapport jagħti tagħrif ġenerali dwar it-TARGET u jiddeskrivi l-prestazzjoni tiegħu u l-iżviluppi ewlenin li twettqu fl-2009. Dan ġie ppubblikat fit-18 ta’ Mejju 2010 fil-websajt tal-BĊE.

L-istabbiltà finanzjarja u s-superviżjoni

Analiżi tal-Istabbiltà Finanzjarja - Ġunju 2010

Fl-20 ta’ Mejju 2010, il-Kunsill Governattiv awtorizza l-pubblikazzjoni tal-“Analiżi tal-Istabbiltà Finanzjarja – Ġunju 2010”. L-analiżi tagħti stima komprensiva tal-kapaċità tas-sistema finanzjarja taż-żona tal-euro biex tassorbi t-taqlib, u jeżamina s-sorsi ewlenin tar-riskji u l-vulnerabbiltà, li jistgħu jippreġudikaw l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. L-analiżi se tiġi ppubblikata fil-websajt tal-BĊE fil-31 ta’ Mejju 2010.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar emenda għar-regoli li jirregolaw il-provvediment tan-Narodowy Bank Polski kontra r-riskju tar-rati tal-kambju barrani

Fil-21 ta’ April 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni fuq talba tal-President tan-Narodowy Bank Polski [(CON/2010/32).

Opinjoni tal-BĊE dwar superviżjoni tal-assigurazzjoni privata, it-twaqqif ta’ fond għall-garanzija tal-assigurazzjoni privata fuq il-ħajja u dispożizzjonijiet oħra għall-Greċja

Fit-23 ta’ April 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi Grieg (CON/2010/33).

Opinjoni tal-BĊE dwar arranġamenti relatati mad-dejn għal individwi midjuniniż-żejjed fil-Greċja

Fit-23 ta’ April 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni fuq talba tal-Ministeru Grieg tal-Ekonomija, Kompetittività u Tbaħħir (CON/2010/34).

Opinjoni tal-BĊE dwar miżuri addizzjonali għall-istabbiltà finanzjarja fl-Estonja

Fis-26 ta’ April 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi Estonjan (CON/2010/35).

Opinjoni tal-BĊE dwar abbozz ta’ liġi Griega dwar ir-restawr ta’ sens ta’ ġustizzja fit-tassazzjoni u li tindirizza l-evażjoni tat-taxxa

Fit-30 ta’ April 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi Grieg (CON/2010/36).

Opinjoni tal-BĊE dwar emenda għar-regoli li tiżgura l-kontinwità tal-kariga tal-President tan- Narodowy Bank Polski

Fis-7 ta’ Mejju 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni fuq talba tal-Ispiker tal-Parlament Pollakk (CON/2010/37).

Opinjoni tal-BĊE dwar denominazzjonijiet ġodda tal-muniti u l-karti tal-flus fl-Isvezja

Fis-7 ta’ Mejju 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni fuq talba tas-Sveriges Riksbank (CON/2010/38).

Opinjoni tal-BĊE dwar it-trasferiment ta’ drittijiet u obbligi fir-rigward tal-ħruġ, tqassim u fidi ta’ dejn pubbliku f’Ċipru

Fl-14 ta’ Mejju 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni fuq talba tal-Ministru tal-Finanzi Ċiprijott (CON/2010/39).

Opinjoni tal-BĊE dwar self bilaterali bejn il-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Oesterreichische Nationalbank

Fl-14 ta’ Mejju 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi Awstrijak (CON/2010/40).

Opinjoni tal-BĊE dwar abbozz ta’ liġi Ġermaniża fir-rigward ta’ sistemi ta’ kumpens f’istituzzjonijiet u kumpaniji tal-assigurazzjoni

Fl-14 ta’ Mejju 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni fuq talba tal-Ministeru Federali tal-Finanzi Ġermaniż (CON/2010/41).

Opinjoni tal-BĊE dwar l-istatus legali tal-assi tal-Lietuvos bankas, il-mandati u r-remunerazzjoni tal-membri tal-Bord, l-immunità tar-riżervi barranin ta’ banek ċentrali barranin u r-rapporti finanzjarji annwali tal-Lietuvos bankas

Fit-18 ta’ Mejju 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi Litwan (CON/2010/42).

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja