Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (barra d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)
Marzu 2010
Politika Monetarja
Il-konformità tal-banek ċentrali mal-projbizzjonijiet ta’ finanzjament monetarju u aċċess privileġġat
Fit-18 ta’ Marzu 2010, skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jagħti lill-BĊE r-rwol li jissorvelja l-konformità tal-banek ċentrali mal-projbizzjonijiet imsemmijin fl-Artikoli 123 u 124 tiegħu u r-Regolamenti relatati magħhom, il-Kunsill Governattiv approva r-rapport li jkopri s-sena 2009. Iktar informazzjoni dwar dan se tingħata f'taqsima ddedikata tar-Rapport Annwali tal-BĊE tal-2009, li se jiġi ppubblikat fid-19 ta’ April 2010.
Is-sitwazzjoni ekonomika, monetarja u finanzjarja
Rapport dwar Kwistjonijiet Strutturali 2010
Fid-18 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Governattiv approva r-Rapport dwar Kwistjonijiet Strutturali 2010, li kien tħejja mill-Kumitat għall-Politika Monetarja (wieħed mill-kumitati tal-Eurosistema/SEBĊ). Ir-rapport jipprovdi analiżi tas-swieq tal-enerġija taż-żona tal-euro u l-impatt tat-tibdil tal-prezz tal-enerġija fuq il-makroekonomija minn perspettiva ta’ politika monetarja. Ir-rapport sejjer jintbagħat lill-Parlament Ewropew u sejjer jiġi ppubblikat sussegwentement fis-sit elettroniku tal-BĊE bħala parti mis-Sensiela ta’ Studji Okkażjonali.
Komunikazzjoni Esterna
Stqarrija mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE fuq miżuri addizzjonali tal-Gvern Grieg
Fit-3 ta’ Marzu 2010 il-Kunsill Governattiv ħareġ stqarrija dwar il-miżuri ta’ konsolidazzjoni fiskali addizzjonali mħabbra mill-Gvern Grieg iktar kmieni fl-istess jum.
Rapport Annwali tal-BĊE 2009
Fit-18 ta’ Marzu 2010 il-Kunsill Governattiv approva ir-Rapport Annwali tal-BĊE 2009 li ser jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u jkun disponibbli fis-sit elettroniku tal-BĊE fil-21 lingwa uffiċjali tal-UE fid-19 ta’ April 2010.
Kwistjonijiet operazzjonali
Operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema bis-saldu sat-tielet trimestru tal-2010
Fl-4 ta’ Marzu 2010 il-Kunsill Governattiv ħa diversi deċiżjonijiet relatati mat-tneħħija gradwali li ssoktat tal-miżuri operazzjonali mhux standard tal-BĊE. Iktar informazzjoni speċifika, partikolarment fuq il-proċeduri ta’ sejħiet għal offerti fl-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema sat-12 ta’ Ottubru 2010, ingħatat fi stqarrija għall-istampa li ġiet ippubblikata fl-istess jum.
Self ta’ titoli fil-programm ta’ xiri ta’ bonds koperti (CBPP)
Fl-4 ta’ Marzu 2010 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li l-Eurosistema, għas-self, ser tagħmel disponibbli l-portafoll tagħha ta’ bonds koperti mixtrijin taħt is-CBPP. Din l-attività, li bdiet fil-5 ta’ Marzu 2010 u mħabbra permezz tar-rapport ta’ kull xahar fuq is-CBPP, hija implimentata mill-banek ċentrali tal-Eurosistema fuq bażi volontarja permezz ta’ faċilitajiet ta’ self ta’ titoli offruti minn depożitorji ċentrali ta’ titoli, jew permezz ta’ transazzjonijiet repo mqabblin ma’ kontropartijiet eliġibbli.
Linja ta’ Gwida tal-BĊE li temenda l-Linja ta’ Gwida BĊE/2000/7 dwar l-istrumenti u l-proceduri tal-politika monetarja tal-Ewrosistema
Fl-4 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Governattiv adotta Linja ta’ Gwida li temenda l-Linja ta’ Gwida BĊE/2000/7 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2010/1). Il-Linja ta’ Gwida, li tapplika b’effett mill-1 ta’ Marzu 2010, taħseb għat-tibdil fir-rekwiżiti tal-klassifika għall-eliġibbiltà ta’ titoli koperti b’assi (ABSs) f’operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema, skont id-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv biex tiġi applikata r-regola tal-klassifika t-tieni l-aħjar għall-ABSs u biex jintalbu mill-inqas żewġ klassifiki għal ABSs maħruġin ġodda mill-1 ta’ Marzu 2010 u għall-ABSs kollha minn Marzu 2011. Il-Linja Gwida ġiet ippubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali tal-UE fit-12 ta’ Marzu 2010 u hi disponibbli fis-sit elettroniku tal-BĊE.
Sistemi ta’ pagament u l-Infrastruttura tas-suq
Governanaza taż-Żona Unika ta’ Pagamenti f’Euro (SEPA):
Fil-15 ta’ Marzu 2010 il-Kunsill Governattiv approva t-tnedija tal-Kunsill SEPA bħala inizjattiva konġunta mal-Kummissjoni Ewropea bl-involviment tal-utenti tal-aħħar tas-SEPA. Iż-żewġ istituzzjonijiet ser jippresjiedu flimkien dan il-forum ta’ parteċipanti li għandu l-għan li jippromwovi t-twettiq ta’ suq ta’ ħlasijiet bl-imnut tal-euro integrat billi jiġi żgurat l-involviment xieraq tal-partijiet kollha u billi jitħeġġeġ il-kunsens fuq il-passi li jmiss lejn it-twettiq tas-SEPA. L-ewwel laqgħa tal-Kunsill tas-SEPA hija ppjanata li ssir f’nofs is-sena 2010.
Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni
Opinjoni tal-BĊE dwar it-tħejjijiet għall-introduzzjoni tal-euro fl-Estonja
Fit-23 ta’ Frar 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi tal-Estonja (CON/2010/16).
Opinjoni tal-BĊE dwar it-twaqqif tas- Sistema Ellenika tal-Istatistika u ta’ awtoritià indipendenti għall-istatistika
Fit-23 ta’ Frar 2010 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni fuq talba tal-Ministeru Grieg tal-Finanzi (CON/2010/17).
Opinjoni tal-BĊE fuq emendi għal-Liġi fuq u l-Istatut tal-Eesti Pank
Fil-5 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni fuq talba tal-Eesti Pank (CON/2010/20).
Opinjoni tal-BĊE dwar emendi għall-qafas legal Grieg dwar it-titjib tal-likwidità tal-ekonomija bi tweġiba għall-impatt tal-kriżi finanzjarja internazzjonali
Fit-8 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi Grieg (CON/2009/21).
Opinjoni tal-BĊE dwar il-kontribut tal-Awstrija għall-Fond għat-Tnaqqis tal-Faqar u t-Tkabbir tal-IMF
Fit-12 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi Awstrijak (CON/2010/22).
Opinjoni tal-BĊE dwar il-poteri tal-awtoritajiet superviżorji Ewropej
Fit-18 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni fuq talba tal-Kunsill (CON/2010/23). L-Opinjoni ser tiġi ppubblikata dalwaqt fil- Ġurnal Uffiċjali tal-UE u fis-sit elettroniku tal-BĊE.
Governanza korporattiva
Kontijiet Annwali tal-BĊE 2009
Fl-4 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Governattiv approva l-Kontijiet Annwali vverifikati tal-BĊE għas-sena finanzjarja 2009. Stqarrija għall-istampa relatata ġiet ippubblikata fl-istess jum. Il-kontijiet annwali ser jiġu ppubblikati, flimkien mar-rapport tal-amministrazzjoni għas-sena 2009, fir-Rapport Annwali 2009 tal-BĊE fid-19 ta’ April 2010.
Opinjoni tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE dwar rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-ħatra tal-Viċi-President tal-Bank Ċentrali Ewropew
Fl-4 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni fuq talba tal-President tal-Kunsill Ewropew (CON/2009/19).
Presidenza tal-Kumitat tal-Istatistika (STC)
Fl-4 ta’ Marzu 2010 il-Kunsill Governattiv appunta lis-sur Aurel Schubert, bħalissa Direttur tad-Dipartiment tal-Istatistika fl-Oesterreichische Nationalbank u li ser isir id-Direttur Ġenerali tal-Istatistika tal-BĊE fl-1 ta’ Ġunju 2010, bħala President tal-STC, b’effett immedjat. Il-mandat tiegħu bħala President tal-STC jiskadi fil-31 ta’ Awwissu 2010, jiġifieri fl-istess żmien tal-iskadenza tal-mandati tal-presidenti tal-kumitati kollha tal-Eurosistema/SEBĊ, li nħatru (mill-ġdid) mill-Kunsill Governattiv fid-19 ta’ Lulju 2007 għal perijodu ta’ tliet snin.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja