Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (minbarra d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Frar 2010

Kwistjonijiet operazzjonali

Sospensjoni tal-linji swap temporanji mal-Federal Reserve

Fis-27 ta’ Jannar 2010, il-BĊE ħabbar id-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv li jwaqqaf l-operazzjonijiet għall-provvediment tal-likwidità f’dollari Amerikani wara l-31 ta’ Jannar 2010, u b’hekk ikkonferma t-tmiem tal-linji swap temporanji tiegħu għall-provvediment ta’ likwidità mal-Federal Reserve fl-1 ta’ Frar 2010. Stqarrija għall-istampa relatata hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Sistemi ta’ pagament u l-Infrastruttura tas-suq

Pubblikazzjoni tal-indikaturi tas-SEPA għall-kards

Fil-11 ta’ Frar 2010, il-Kunsill Governattiv awtorizza l-pubblikazzjoni fil-websajt tal-BĊE tar-riżultati tal-indikaturi tas-SEPA għall-kards għal pajjiżi individwali taż-żona tal-euro, kif ukoll il-medji taż-żona tal-euro u tal-UE. Dawn l-indikaturi, li se jikkomplementaw l-indikaturi għat-trasferiment tal-kreditu bis-SEPA li diġà huma disponibbli fil-websajt tal-BĊE, se jipprovdu lill-parteċipanti tas-suq u lill-pubbliku ġenerali tagħrif aġġornat dwar il-progress fil-qasam tas-SEPA għall-kards, u b’mod partikolari dwar: (i) il-migrazzjoni għall-istandard Europay Mastercard Visa (EMV) għall-kards, terminals fil-postijiet tal-bejgħ u magni kaxxiera awtomatiċi; (ii) transazzjonijiet EMV; u (iii) transazzjonijiet trans-konfini. Barra dan, dawn l-indikaturi tas-SEPA għall-kards se jiffaċilitaw it-tqabbil tal-progress tal-migrazzjoni għas-SEPA fil-pajjiżi kollha u jgħinu s-sorveljanza tal-iżviluppi rilevanti tas-suq fil-qasam tas-SEPA għall-kards.

TARGET2-Titoli

Fit-18 ta’ Frar 2010, il-Kunsill Governattiv qies l-istat tal-progress tal-proġett tat-T2S u approva l-verżjoni ffriżata tad-dokument tar-rekwiżiti għall-utenti (URD 5.0). Dan ifisser li, bħala prinċipju, minn issa ’l quddiem kull talba għal bidliet min-naħa tal-utenti tinżamm sa wara li tibda taħdem is-sistema, biex jingħata ħin għall-iżvilupp f’waqtu tas-softwer T2S. Id-dokument dwar ir-rekwiżiti tal-utenti se jkun disponibbli dalwaqt fil-websajt tal-BĊE.

L-istabbiltà finanzjarja u s-superviżjoni

Kontribut tal-Eurosistema għall-konsultazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tal-Komunikat tagħha dwar il-maniġġ u s-soluzzjoni tal-kriżijiet bankarji

Fl-4 ta’ Frar 2010, il-Kunsill Governattiv approva l-kontribut tal-Eurosistema għall-konsultazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Komunikat tagħha fir-rigward tal-maniġġ u s-soluzzjoni tal-kriżijiet bankarji, imniedi f’Ottubru 2009. Dan il-Komunikat dwar “Qafas tal-UE għall-maniġġ transkonfini tal-kriżijiet fis-settur bankarju” fih għadd ta’ kwistjonijiet relatati ma’ tliet oqsma ewlenin, jiġifieri: i) mekkaniżmi għal intervent kmieni, maħsuba biex tiġi rkuprata l-istabbiltà u s-sodezza finanzjarja ta’ istituzzjoni; ii) riżoluzzjoni bankarja, jiġifieri miżuri meħuda minn awtoritajiet nazzjonali għall-maniġġ ta’ kriżi f’istituzzjoni bankarja, biex jiġi kkontrollat l-impatt tagħha fuq l-istabbiltà finanzjarja u, fejn xieraq, biex jiġi faċilitat l-istralċ ta’ istituzzjoni jew ta’ partijiet tagħha; u iii) proċeduri ta’ insolvenza li jkopru r-riorganizzazzjoni u l-istralċ. Il-kontribut tal-Eurosistema mbagħad tressaq quddiem il-Kummissjoni Ewropea u hu disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Rapport tal-BĊE dwar l-Integrazzjoni Finanzjarja 2010

Fit-18 ta’ Frar 2010, il-Kunsill Governattiv innota li r-raba’ edizzjoni tar-Rapport tal-BĊE dwar l-Integrazzjoni Finanzjarja kellha tiġi ppubblikata fil-websajt tal-BĊE f’April 2010. Din l-Edizzjoni tar-rapport tippreżenta l-istat tal-integrazzjoni finanzjarja fiż-żona tal-euro u l-attivitajiet tal-Eurosistema fir-rigward tal-integrazzjoni finanzjarja, kif ukoll erba’ artikli magħżula li jittrattaw l-iżviluppi fl-integrazzjoni bankarja u s-superviżjoni fl-Unjoni Ewropea, il-bonds Ewropej garantiti, l-armonizzazzjoni fis-settur għal wara n-negozju u implikazzjonijiet tal-integrazzjoni tas-swieq finanzjarji u żviluppi dwar l-istabbiltà finanzjarja.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar id-dmirijiet tal-Magyar Nemzeti Bank, l-istruttura u l-istatus legali tal-Awtorità Ungeriża għas-Superviżjoni Finanzjarja u t-twaqqif ta’ Kunsill għall-Istabbiltà Finanzjarja

Fit-18 ta’ Jannar 2010, fuq talba tal-Ministeru Ungeriż tal-Finanzi, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni (CON/2010/10).

Opinjoni tal-BĊE dwar it-tieni estensjoni tal-iskema tal-Istat għar-rikapitalizzazzjoni fl-Isvezja

Fil-21 ta’ Jannar 2010, fuq talba tal-Ministeru Svediż tal-Finanzi, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni (CON/2010/11).

Opinjoni tal-BĊE dwar il-proċedura għal amministrazzjoni speċjali mniedija mill-Banca Naţională a României għal istituzzjonijiet tal-kreditu li għandhom problemi finanzjarji

Fis-27 ta’ Jannar 2010, fuq talba tal-Banca Naţională a României, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni (CON/2010/12).

Opinjoni tal-BĊE dwar id-dmirijiet tal-Magyar Nemzeti Bank fir-rigward tas-sħubija tal-Ungerija fil-Fond Monetarju Internazzjonali

Fis-27 ta’ Jannar 2010, fuq talba tal-Ministeru Ungeriż tal-Finanzi, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni (CON/2010/13).

Opinjoni tal-BĊE dwar miżuri għas-sostenn tas-self bankarju lin-negozji fil-Polonja

Fid-29 ta’ Jannar 2010, fuq talba tal-President tan-Narodowy Bank Polski, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni (CON/2010/14).

Kooperazzjoni Internazzjonali u Ewropea

Programm ta’ assistenza teknika mas-Central Bank of Bosnia and Herzegovina

Fil-15 ta’ Frar 2010, il-Kunsill Governattiv awtorizza l-firma tal-programm ta’ assistenza teknika tal-Eurosistema mas-Central Bank of Bosnia and Herzegovina. Dan il-programm ta’ tmintax-il xahar, li jinvolvi lill-BĊE u seba’ banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema u jkopri sitt oqsma ta’ attività bankarja ċentrali, hu maħsub biex isaħħaħ il-kapaċità istituzzjonali tas-Central Bank of Bosnia and Herzegovina, u jressqu lejn l-istandards tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali. Iżjed informazzjoni tingħata iżjed ’il-quddiem fil-websajt tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja