Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

X’inhuma rati referenzjali, għaliex huma importanti u għaliex qegħdin jiġu rriformati?

11 ta' Lulju 2019

X’inhuma rati referenzjali?

Ir-rati tal-imgħax referenzjali – magħrufin ukoll bħala rati referenzjali jew sempliċiment rati ta’ kriterju ta’ riferenza – huma rati tal-imgħax aġġornati regolarment li huma pubblikament aċċessibbli. Dawn huma bażi utli għat-tipi kollha ta’ kuntratti finanzjarji bħal ipoteki, overdrafts bankarji, u tranżazzjonijiet finanzjarji oħra aktar kumplessi.

Ir-rati referenzjali huma kkalkulati minn korp indipendenti, ħafna drabi biex jirriflettu l-ispiża tas-self tal-flus fi swieq differenti. Pereżempju, jistgħu jirriflettu kemm jiswa lill-banek biex jissellfu minn xulxin. Inkella jistgħu jirriflettu kemm jiswa lill-banek biex jiksbu fondi minn sorsi oħra, bħal fondi tal-pensjoni, kumpanniji tal-assigurazzjoni u fondi tas-swieq tal-flus.

Dan ifisser li dawn ir-rati referenzjali għandhom rwol ewlieni fis-sistema finanzjarja, fis-sistema bankarja u fl-ekonomija inġenerali. Imma x'inhu eżattament li jagħmilhom daqshekk importanti? U għaliex bħalissa għaddejjin minn riformi?

Għaliex ir-rati referenzjali huma importanti?

Dawn jintużaw ħafna fl-ekonomija tagħna

Ir-rati referenzjali jintużaw ħafna minn individwi u organizzazzjonijiet fis-sistema ekonomika kollha.

Pereżempju, il-banek jużawhom meta jsellfu lil individwi jew klijenti korporattivi.

Bank jista' jaqbel li jsellef flus lil kumpannija b'rata ta' imgħax miftiehma li hija ffissata b'rata referenzjali partikolari flimkien ma' 2% – li jfisser li l-kumpannija tħallas imgħax ta' 2% aktar mir-rata referenzjali kurrenti. Għalhekk, l-ispiża tas-self tiżdied jekk ir-rata referenzjali tiżdied, u l-ispiża tas-self tonqos jekk ir-rata referenzjali tonqos. F'dan il-każ, il-kriterju ta' referenza jista' jkun referenza affidabbli, indipendenti u relattivament sempliċi għal dawk kollha involuti.

Kumpanniji, banek u organizzazzjonijiet oħra jużaw ukoll rati referenzjali biex jivvalutaw elementi fuq il-karti tal-bilanċ tagħhom – fi kliem ieħor dawn ir-rati jagħmluha aktar faċli għal accountant biex jikkalkola kemm fl-aħħar mill-aħħar huwa l-valur ta' organizzazzjonijiet (b'mod aktar speċifiku l-assi finanzjarji li jippossjedu).

Ir-rati referenzjali jintużaw ukoll fi tranżazzjonijiet finanzjarji aktar kumplessi, bħall-ħruġ ta' titoli b'rati varjabbli, opzjonijiet, kuntratti foward u swaps

Pereżempju, nieħdu swap ta’ rata tal-imgħax – f'termini wiesgħin ħafna hija tranżazzjoni li tinvolvi żewġ partijiet, fejn kull wieħed jaqbel li jkopri l-pagamenti tal-imgħax tal-ieħor. Fi swaps bħal dawn, ir-rata referenzjali tista' tiddetermina mill-inqas waħda mir-rati tal-imgħax li qed jiġu skambjati. Dan joħloq trasparenza għall-partijiet kollha involuti, iġib ftit standardizzazzjoni għall-ftehim u, bħala riżultat, jagħmilha aktar faċli għall-partijiet kollha li jinnegozjaw.

Użi oħrajn ta’ rati referenzjali jinkludu (imma mhumiex limitati għal): il-kalkolu ta' penali ta' overdraft fuq kontijiet ta' flus kontanti, il-kalkolu tal-imgħax fuq xi depożiti bl-imnut, u l-ftehim ta' mgħax fuq ipoteki u self bl-imnut.

Ir-rati referenzjali jgħinu lill-banek ċentrali biex jagħmlu xogħolhom

Ir-rati referenzjali jistgħu wkoll jinfurmaw ix-xogħol magħmul mill-banek ċentrali. Aħna fil-BĊE, pereżempju, nistgħu nirreferu għal rati referenzjali fix-xogħol tagħna biex inżommu l-prezzijiet stabbli fiż-żona tal-euro.

Jekk rata referenzjali tirrifletti sew ir-rati li bihom il-banek jisilfu u jissellfu, tista' tgħinna nifhmu aħjar il-funzjonament tas-swieq finanzjarji u d-disponibbiltà tal-flus fiż-żona tal-euro. Dan jista’ jinforma d-deċiżjonijiet tal-politika monetarja: jekk taf kemm huwa faċli għall-banek biex ikollhom aċċess għall-flus, tista' tistma kemm dawk l-istess banek ikunu jistgħu jgħaddu dawn il-flus fil-forma ta' self lin-negozji u lin-nies. U dan kollu fl-aħħar mill-aħħar jidħol fil-livelli tal-prezzijiet.

Barra minn hekk, li nkunu nafu r-rati referenzjali kurrenti tgħinna nissorveljaw l-impatt prattiku tad-deċiżjonijiet tal-politika monetarja tagħna. Jekk il-BĊE jiddeċiedi li jgħolli jew inaqqas ir-rati tal-imgħax, pereżempju, nistgħu nsegwu l-effetti ta’ dan billi nfittxu għal bidliet fir-rati referenzjali għall-euro.

Għaliex ir-rati referenzjali għaddejjin minn riformi u dan x’ifisser eżattament?

Ir-rati referenzjali huma utli sakemm jitqiesu affidabbli u imparzjali – idealment għandhom jiġu kkalkulati b'mod trasparenti, u r-rati għandhom ikunu aċċessibbli faċilment u pubblikament. Jekk kuntratt ikun ibbażat fuq rata referenzjali affidabbli, l-ebda waħda mill-partijiet ma tista' tinfluwenza r-rata miftiehma ta' imgħax. Dan ifisser li rata referenzjali affidabbli tista' tiżgura li l-valur ta' kuntratt jibqa' imparzjali u indiskutibbli.

Minħabba l-importanza ekonomika tar-rati referenzjali, huwa kruċjali li l-affidabbiltà tagħhom tiġi żgurata minn strutturi ta' governanza ċari u metodoloġiji trasparenti.

B’dan f’moħħna, ir-rati referenzjali Ewropej bħalissa għaddejjin minn riformi sinifikanti. Ħafna minn dan il-proċess ta' riforma huwa xprunat mill-introduzzjoni tar-Regolament dwar ir-Rati Referenzjali tal-UE (BMR), li ġie ppubblikat fl-2016 u daħal fis-seħħ f'Jannar 2018.

Ir-rati referenzjali Ewropej l-iktar użati bħalissa
EONIA

Din hija r-rata referenzjali kurrenti overnight għall-euro. Grupp ta’ ħidma tas-settur privat dwar rati mingħajr riskju rrakkomanda li l-parteċipanti fis-suq gradwalment jibdlu l-EONIA bir-rata l-ġdida tal-euro għal żmien qasir (€STR) mit-2 ta’ Ottubru 2019. L-EONIA hija kkalkulata mill-BĊE f’isem l-Istitut tas-Swieq Monetarji Ewropej (EMMI), organizzazzjoni li ma tagħmilx profitt ibbażata fi Brussell – tradizzjonalment ġiet ikkalkulata bħala medja ppeżata tar-rati ta’ imgħax fuq self mhux garantit overnight bejn banek. L-EMMI indikat li, ladarba l-€STR tkun disponibbli, u sat-3 ta' Jannar 2022, EONIA se tkun ikkalkulata bħala l-€STR flimkien ma' spread, biex tagħti lis-suq biżżejjed żmien biex jgħaddi għall-€STR.

EURIBOR

EURIBOR hija rata referenzjali tas-suq mhux garantita kkalkulata għal diversi maturitajiet (ġimgħa, u xahar, tliet xhur, sitt xhur u tnax-il xahar). Hija amministrata mill-Istitut tas-Swieq Monetarji Ewropej (EMMI). Sabiex il-kriterju ta' referenza jkun konformi mar-Regolament tal-UE dwar rati referenzjali (BMR), l-EMMI ċċarat id-definizzjoni ta' EURIBOR bħala r-rata li biha l-banek fl-UE u l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) jistgħu jiksbu fondi fis-suq bl-ingrossa mhux garantit. L-EMMI qed timplimenta wkoll gradwalment metodoloġija ġdida ta' kalkolu għal EURIBOR – l-hekk imsejħa "metodoloġija ibrida". Dan il-metodu ta' kalkolu jagħmel użu kemm jista' jkun mit-tranżazzjonijiet attwali, filwaqt li juża wkoll ġudizzju espert għall-każijiet fejn it-tranżazzjonijiet attwali mhumiex disponibbli.

Fl-2017 il-BĊE ddeċieda li jiżviluppa r-rata ta’ żmien qasir tal-euro (€STR) – rata referenzjali ġdida li se tkun disponibbli mit-2 ta’ Ottubru 2019 – bl-intenzjoni li tista’ tiffunzjona bħala mekkaniżmu ta' sostenn fil-każ li s-settur privat jonqos milli jsostni rata referenzjali overnight tiegħu stess, l-EONIA.

Fl-2018 grupp ta’ ħidma tas-settur privat dwar ir-rati ħielsa mir-riskju tal-euro irrakkomanda li l-EONIA tiġi ssostitwita bl-€STR, filwaqt li jitqies ir-rispons mis-suq. Dan il-grupp ta’ ħidma issa qed jappoġġja s-suq bit-tranżizzjoni għall-€STR – il-BĊE jipprovdi s-segretarjat għall-grupp ta’ ħidma, u jattendi bħala osservatur flimkien mal-istituzzjonijiet fundaturi l-oħra, l-Awtorità Ewropea għat-Titoli u s-Swieq (AETS), il-Kummissjoni Ewropea u l-Awtorità Belġjana għas-Servizzi u s-Swieq Finanzjarji (FSMA).

L-€STR f’iktar dettall

L-€STR hija mfassla biex tirrifletti kemm bank irid iħallas meta jissellef flus overnight minn diversi kontropartijiet finanzjarji mingħajr ma jipprovdi garanzija (xi drabi dan jissejjaħ “mhux garantit”). Dawn il-kontropartijiet jistgħu jinkludu banek, fondi tas-suq tal-flus, fondi ta’ investiment jew pensjonijiet u atturi finanzjarji oħra, inklużi banek ċentrali.

Dan ifisser li għandha ambitu usa’ minn EONIA, li tħares biss lejn il-kummerċ bejn il-banek. Barra minn hekk – meta mqabbla ma’ EONIA – id-dejta dwar tranżazzjonijiet reali, użata mill-BĊE biex jikkalkula l-€STR, hija pprovduta minn numru akbar ta’ banek. Dan l-ambitu mwessa’ jipproteġi kontra l-manipulazzjoni, u jgħin biex l-€STR issir riflessjoni affidabbli tal-prezz li bih il-flus jisselfu fuq bażi mhux garantita fiż-żona tal-euro.

Għal aktar dettalji, tista’ taqra l-metodoloġija u l-politiki tar-rata tal-euro għal żmien qasir (€STR) ippubblikati f’Ġunju 2018. Tista’ tirriferi wkoll għas-sett rilevanti ta’ mistoqsijiet u t-tweġibiet.