EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32016D0005

Deċiżjoni (UE) 2016/457 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' Marzu 2016 dwar l-eliġibbiltà ta' strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika ta' Ċipru (BĊE/2016/5)

ĠU L 79, 30.3.2016, p. 41–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument Fis-seħħ

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/457/oj

30.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 79/41


DEĊIŻJONI (UE) 2016/457 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-16 ta' Marzu 2016

dwar l-eliġibbiltà ta' strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika ta' Ċipru (BĊE/2016/5)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1, l-Artikolu 12.1, l-Artikolu 18 u t-tieni inċiż tal-Artikolu 34.1 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta' Diċembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (Linja Gwida dwar id-Dokumentazzjoni Ġenerali) (BĊE/2014/60) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 1(4), it-Titoli I, II, IV, V, VI u VIII tal-Parti Erbgħa, u l-Parti Sitta tagħha,

Wara li kkunsidra l-Linja Gwida BĊE/2014/31 tad-9 ta' Lulju 2014 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral u li temenda l-Linja Gwida BĊE/2007/9 (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 1(3) u l-Artikolu 8 tagħha,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 18.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jistgħu jwettqu operazzjonijiet ta' kreditu ma' istituzzjonijiet ta' kreditu u parteċipanti oħrajn fis-suq, bis-self ikun ibbażat fuq kollateral adegwat. Il-kriterji standard u r-rekwiżiti minimi tal-kwalità tal-kreditu li jiddeterminaw l-eliġibbiltà ta' assi negozjabbli bħala kollateral għall-finijiet ta' operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema huma stabbiliti fil-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60) u b'mod partikolari fl-Artikolu 59 u fil-Parti Erbgħa, Titolu II tagħha.

(2)

Skont l-Artikolu 1(4) tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60), il-Kunsill Governattiv jista', f'kull ħin, jibdel l-istrumenti, ir-rekwiżiti, il-kriterji u l-proċeduri għall-implimentazzjoni ta' operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema. Skont l-Artikolu 59(6) tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60), l-Eurosistema tirriżerva d-dritt li tiddetermina jekk ħarġa, emittent, debitur jew garanti jissodisfax ir-rekwiżiti tal-kwalità tal-kreditu tal-Eurosistema fuq il-bażi ta' kull informazzjoni li l-Eurosistema tista' tikkunsidra bħala rilevanti biex tiżgura protezzjoni adegwata ta' riskju tal-Eurosistema.

(3)

B'deroga mir-rekwiżiti tal-kwalità tal-kreditu tal-Eurosistema għal assi negozjabbli, l-Artikolu 8 tal-Linja Gwida BĊE/2014/31 jipprovdi li l-limiti minimi tal-kwalità tal-kreditu tal-Eurosistema ma japplikawx għal strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mill-gvernijiet ċentrali ta' Stati Membri taż-żona tal-euro taħt programm tal-Unjoni Ewropea/Fond Monetarju Internazzjonali, ħlief jekk il-Kunsill Governattiv jiddeċiedi li l-Istat Membru rispettiv ma jikkonformax mal-kundizzjonalità tal-appoġġ finanzjarju u/jew tal-programm makroekonomiku.

(4)

Bħala miżura eċċezzjonali, id-Deċiżjoni BĊE/2013/13 (3) issospendiet temporanjament ir-rekwiżiti minimi tal-Eurosistema għal limiti minimi tal-kwalità tal- kreditu applikabbli għal strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika ta' Ċipru. Wara li r-Repubblika ta' Ċipru lestiet eżerċizzju tal-ġestjoni tad-dejn u kien hemm konferma li kienet qiegħda tikkonforma mal-kundizzjonalità tal-programm ekonomiku u finanzjarju li kienet daħlet għalih, id-Deċiżjoni BĊE/2013/22 (4) irrestrawrat mill-ġdid l-eliġibbiltà ta' strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika ta' Ċipru għal operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema, soġġett għall-applikazzjoni ta' haircuts speċifiċi għal dawk l-istrumenti, u bil-kundizzjoni li r-Repubblika ta' Ċipru titqies bħala Stat Membru taż-żona tal-euro li huwa konformi ma' programm tal-Unjoni Ewropea/Fond Monetarju Internazzjonali.

(5)

Preżentament, l-Artikolu 1(3) tal-Linja Gwida BĊE/2014/31 jipprovdi li, għall-finijiet tal-Artikolu 8 ta' dik il-Linja Gwida, ir-Repubblika ta' Ċipru għandha titqies bħala Stat Membru taż-żona tal-euro li huwa konformi ma' programm tal-Unjoni Ewropea/Fond Monetarju Internazzjonali. Barra minn hekk, l-Artikolu 8(3) ta' dik il-Linja Gwida jipprovdi li strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika ta' Ċipru huma soġġetti għall-haircuts speċifiċi stipulati fl-Anness II ta' dik il-Linja Gwida.

(6)

Skont talba li saret mir-Repubblika ta' Ċipru, il-programm tagħha tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) ġie kkanċellat b'effett mis-7 ta' Marzu 2016 (5). Skont l-Artikolu 1 tal-Ftehim tal-Faċilità ta' Assistenza Finanzjarja bejn il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES), ir-Repubblika ta' Ċipru u l-Bank Ċentrali ta' Ċipru (6), id-data ta' terminazzjoni tal-programm MSE hija l-31 ta' Marzu 2016. Konsegwentement, mill-1 ta' April 2016 ir-Repubblika ta' Ċipru ma tistax tkompli titqies bħala Stat Membru taħt programm tal-Unjoni Ewropea/Fond Monetarju Internazzjonali. Minn dik id-data, il-kundizzjonijiet għas-sospensjoni tal-limiti minimi tal-kwalità tal-kreditu tal-Eurosistema fir-rigward ta' strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika ta' Ċipru, kif stipulati fl-Artikolu 8(2) tal-Linja Gwida BĊE/2014/31, mhux ser ikunu ssodisfati aktar.

(7)

Għaldaqstant, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li mill-1 ta' April 2016 il-kriterji standard u l-limiti minimi tal-kwalità tal-kreditu tal-Eurosistema għandhom japplikaw fir-rigward ta' strumenti tad-dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika ta' Ċipru u li dawk l-istrumenti ta' dejn għandhom ikunu soġġetti għall-haircuts standard stipulati fil-Linja Gwida (UE) 2016/65 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2015/35) (7),

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Eliġibbiltà ta' strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika ta' Ċipru

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 8 tal-Linja Gwida BĊE/2014/31, ir-Repubblika ta' Ċipru ma tistax tkompli titqies bħala Stat Membru taħt programm tal-Unjoni Ewropea/Fond Monetarju Internazzjonali.

2.   Ir-rekwiżiti minimi tal-Eurosistema għal limiti minimi tal-kwalità tal- kreditu, kif stabbiliti fil-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60) u b'mod partikolari fl-Artikolu 59 u fil-Parti Erbgħa, Titolu II tagħha, għandhom japplikaw għal strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika ta' Ċipru.

3.   Strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika ta' Ċipru m'għandhomx jibqgħu soġġetti għall-haircuts speċifiċi stipulati fl-Anness II tal-Linja Gwida BĊE/2014/31.

4.   F'każ ta' xi diskrepanza bejn din id-Deċiżjoni u l-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60) jew il-Linja Gwida BĊE/2014/31, kif implimentati fil-livell nazzjonali mill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, din id-Deċiżjoni għandha tipprevali.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' April 2016.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-16 ta' Marzu 2016.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 91, 2.4.2015, p. 3.

(2)  ĠU L 240, 13.8.2014, p. 28.

(3)  Deċiżjoni BĊE/2013/13 tat-2 ta' Mejju 2013 dwar miżuri temporani marbutin mal-eliġibbiltà ta' strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika ta' Ċipru (ĠU L 133, 17.5.2013, p. 26).

(4)  Deċiżjoni BĊE/2013/22 tal-5 ta' Lulju 2013 dwar miżuri temporanji fir-rigward tal-eliġibbiltà ta' strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika ta' Ċipru (ĠU L 195, 18.7.2013, p. 27).

(5)  Stqarrija dwar Ċipru minn Christine Lagarde, Direttriċi Maniġerjali tal-Fond Monetarju Internazzjonali, 7 ta' Marzu 2016, Stqarrija għall-Istampa Nru. 16/94.

(6)  Disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-MES li jinsab fuq www.esm.europa.eu.

(7)  Linja Gwida (UE) 2016/65 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta' Novembru 2015 dwar il-haircuts fil-valutazzjoni applikati fl-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2015/35) (ĠU L 14, 21.1.2016, p. 30).


Fuq