EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32015O0034

Linja Gwida (UE) 2016/64 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta' Novembru 2015 li temenda l-Linja Gwida (UE) 2015/510 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (Linja Gwida dwar id-Dokumentazzjoni Ġenerali) (BĊE/2015/34)

ĠU L 14, 21.1.2016, p. 25–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument Fis-seħħ

ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2016/64/oj

21.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 14/25


LINJA GWIDA (UE) 2016/64 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-18 ta' Novembru 2015

li temenda l-Linja Gwida (UE) 2015/510 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (Linja Gwida dwar id-Dokumentazzjoni Ġenerali) (BĊE/2015/34)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1, l-Artikoli 9.2, 12.1, 14.3, 18.2, u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 20 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-kisba ta' politika monetarja waħdanija tinvolvi d-definizzjoni tal-istrumenti u l-proċeduri li għandhom jintużaw mill-Eurosistema, li tikkonsisti fil-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali ta' dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (iktar 'il quddiem il-“BĊNi”), sabiex dik il-politika tiġi implimentata b'mod uniformi fl-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hija l-euro.

(2)

Fid-dawl tal-Artikolu 12.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (iktar “il quddiem l-Istatut tas-SEBĊ”), il-BĊE għandu l-awtorità li jifformula l-politika monetarja waħdanija tal-Unjoni u li joħroġ il-linji gwida meħtieġa sabiex jiżgura l-implimentazzjoni korretta tagħha. Skont l-Artikolu 14.3 tal-Istatut tas-SEBĊ, il-BĊNi għandhom obbligu li jaġixxu skont dawk il-linji gwida. Din il-Linja Gwida b'hekk hija indirizzata lill-Eurosistema. Ir-regoli stipulati f'din il-Linja Gwida għandhom jiġu implimentati mill-BĊNi f'arranġamenti kuntrattwali jew regolatorji. Il-kontropartijiet huma meħtieġa jikkonformaw ma' dawk ir-regoli kif implimentati mill-BĊNi f'dawk l-arranġamenti kuntrattwali jew regolatorji.

(3)

L-ewwel inċiż tal-Artikolu 18.1 tal-Istatut tas-SEBĊ jippermetti lill-Eurosistema li topera fis-swieq finanzjarji billi tixtri jew tbigħ b'mod deċiżiv (spot u forward) jew taħt ftehim ta' xiri mill-ġdid u billi ssellef jew tissellef pretensjonijiet u strumenti kummerċjabbli, kemm jekk f'euro jew f'muniti oħrajn, kif ukoll metalli prezzjużi. It-tieni inċiż tal-Artikolu 18.1 jippermetti lill-Eurosistema biex twettaq operazzjonijiet ta' kreditu ma' istituzzjonijiet ta' kreditu u parteċipanti oħrajn fis-suq.

(4)

Sabiex l-Eurosistema tiġi mħarsa mir-riskju tal-kontroparti, it-tieni inċiż tal-Artikolu 18.1 tal-Istatut tas-SEBĊ jipprovdi li meta l-Eurosistema twettaq operazzjonijiet ta' kreditu ma' istituzzjonijiet ta' kreditu u parteċipanti oħrajn fis-suq, it-tislif għandu jkun ibbażat fuq kollateral adegwat.

(5)

Sabiex l-Eurosistema tiġi mħarsa kontra r-riskju ta' telf finanzjarju f'każ ta' inadempjenza ta' kontroparti, assi eliġibbli mmobilizzati bħala kollateral għal operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema għandhom ikunu soġġetti għall-miżuri ta' kontroll tar-riskju stipulati fit-Titolu VI tal-Parti Erbgħa tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/60) (1).

(6)

Il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jbiddel ir-regoli dwar l-użu proprju ta' bonds koperti fir-rigward ta' haircuts ta' valutazzjoni addizzjonali.

(7)

Il-Kunsill Governattiv iddeċieda li strumenti ta' dejn mhux negozjabbli ggarantiti bi pretensjonijiet ta' kreditu eliġibbli jistgħu jintużaw fuq bażi transkonfinali skont il-proċeduri applikabbli tal-mudell ta' bank ċentrali korrispondenti (CCBM).

(8)

Il-Kunsill Governattiv iddeċieda li d-dispożizzjonijiet dwar il-haircuts ta' valutazzjoni għandhom jiġu stipulati f'att legali separat mil-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60) peress li dan ikun jippermetti li ssir aktar effiċjenti l-implimentazzjoni ta' emendi għall-qafas relevanti fil-pront malli d-deċiżjonijiet korrispondenti jiġu adottati [mill-Kunsill Governattiv].

(9)

Għalhekk, il-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60) għandha tiġi emendata kif meħtieġ.

ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

Artikolu 1

Emendi

Il-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60) hija emendata skont kif ġej:

1.

L-Artikolu 2(16) huwa mibdul b'dan li ġej:

“(16)

‘użu transkonfinali’ tfisser is-sottomissjoni, minn kontroparti lill-BĊN domestiku tagħha, ta' dawn li ġejjin bħala kollateral:

(a)

assi negozjabbli miżmuma fi Stat Membru ieħor li l-munita tiegħu hija l-euro;

(b)

assi negozjabbli maħruġa fi Stat Membru ieħor u miżmuma fl-Istat Membru tal-BĊN domestiku;

(c)

klejms ta' kreditu meta l-ftehim tal-klejm ta' kreditu jkun irregolat bil-liġijiet ta' Stat Membru ieħor li l-munita tiegħu tkun l-euro apparti dak tal-BĊN domestiku;

(d)

strumenti ta' dejn ta' bejgħ bl-imnut appoġġati b'ipoteka (RMBDs) skont il-proċeduri applikabbli tas-CCBM;

(e)

strumenti ta' dejn mhux negozjabbli ggarantiti bi pretensjonijiet ta' kreditu eliġibbli (DECCs) maħruġa u miżmuma fi Stat Membru ieħor li l-munita tiegħu tkun l-euro minbarra dak tal-BĊN domestiku.”.

2.

L-Artikolu 2(49) huwa mibdul b'dan li ġej:

“(49)

‘riċevibbli ta' kiri’ tfisser il-pagamenti skedati u b'mandat kuntrattwali li jsiru mil-lokatarju lil-lokatur taħt it-termini ta' ftehim ta' kiri. Il-valuri residwi mhumiex riċevibbli ta' kiri. Ftehimiet ta' Xiri ta' Kuntratt Personali (PCP), jiġifieri ftehimiet li jistipulaw li l-obbligant jista' jeżerċita l-opzjoni tiegħu: (a) li jagħmel ħlas finali biex jakkwista t-titolu legali sħiħ tal-prodotti; jew (b) li jirritorna l-prodotti b'saldu tal-ftehim; huma assimilati ma' ftehimiet ta' kiri.”;

3.

L-Artikolu 128 huwa mibdul b'dan li ġej:

“Artikolu 128

Miżuri għall-kontroll tar-riskju

1.   L-Eurosistema għandha tapplika l-miżuri ta' kontroll tar-riskju li ġejjin għall-assi eleġibbli:

(a)

haircuts ta' valutazzjoni kif stipulat fil-Linja Gwida (UE) 2016/65 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2015/35) (*);

(b)

marġni ta' varjazzjoni (immarkar għas-suq):

l-Eurosistema teħtieġ li jinżamm matul perijodu ta' żmien il-valur tas-suq aġġustat b'haircut tal-assi eleġibbli sottostanti użati fit-tranżazzjonijiet bil-maqlub tagħha li jipprovdu likwidità. Jekk il-valur tal-assi eleġibbli, li huwa mkejjel fuq bażi ta' kuljum, jaqa' taħt ċertu livell, il-BĊN domestiku għandu jirrikjedi lill-kontroparti li jforni assi jew flus kontanti addizzjonali permezz ta' sejħa ta' marġni. Bl-istess mod, jekk il-valur tal-assi eleġibbli jaqbeż ċertu livell wara r-rivalutazzjoni tagħhom, il-BĊN jista' jirritorna l-assi jew il-flus kontanti żejda.

(c)

limiti fir-rigward tal-użu ta' strumenti ta' dejn mhux garantiti maħruġa minn istituzzjoni ta' kreditu jew minn kull entità oħra li magħha istituzzjoni ta' kreditu għandha rabtiet mill-qrib kif deskritt fl-Artikolu 138;

(d)

haircuts ta' valutazzjoni kif stipulat fil-Linja Gwida (UE) 2016/65 (BĊE/2015/35).

2.   L-Eurosistema tista' tapplika l-miżuri ta' kontroll tar-riskju addizzjonali li ġejjin:

(a)

Marġni inizjali, li jfisser li l-kontropartijiet jipprovdu assi eleġibbli b'valur tal-anqas daqs il-likwidità provduta mill-Eurosistema miżjuda bil-valur tal-marġni inizjali relevanti;

(b)

limiti li għandhom x'jaqsmu mal-emittenti, id-debituri jew il-garanti: l-Eurosistema tista' tapplika limiti addizzjonali, ħlief għal dawk applikati għall-użu ta' strumenti ta' dejn mhux garantiti msemmija fil-paragrafu (1)(c), għar-riskju fil-konfront tal-emittenti, id-debituri jew il-garanti.

(c)

haircuts supplimentari;

(d)

garanziji addizzjonali mill-garanti li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-kwalità tal-kreditu tal-Eurosistema sabiex jaċċettaw diversi assi;

(e)

l-esklużjoni ta' ċerti assi mill-użu bħala kollateral f'operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema.

(*)  Linja Gwida (UE) 2016/65 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta' Novembru 2015 dwar il-haircuts fil-valutazzjoni applikati fl-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2015/35) (ĠU L 14, 21.1.2016, p. 30)”;"

4.

L-Artikolu 148 huwa mibdul b'dan li ġej:

“Artikolu 148

Prinċipji ġenerali

1.   Il-kontropartijiet jistgħu jużaw assi eliġibbli fuq bażi transkonfinali fiż-żona tal-euro kollha għal kull tip ta' operazzjoni ta' kreditu tal-Eurosistema.

2.   Il-kontropartijiet jistgħu jimmobilizzaw assi eleġibbli barra minn depożiti ta' terminu fiss, għal użu transkonfinali skont dawn li ġejjin:

(a)

assi negozjabbli għandhom jiġu mmobilizzati permezz ta': (i) konnessjonijiet eliġibbli bejn SSSs taż-ŻEE li jkunu ġew ivvalutati b'mod pożittiv skont il-Qafas ta' Valutazzjoni tal-Utenti tal-Eurosistema; (ii) proċeduri CCBM applikabbli; (iii) konnessjonijiet eliġibbli b'rabta mas-CCBM; u

(b)

pretensjonijiet ta' kreditu, DECCs u RMBDs għandhom jiġu mmobilizzati skont il-proċeduri applikabbli tas-CCBM.

3.   Assi negozjabbli jistgħu jintużaw permezz ta' kont ta' BĊN f'SSS li jkun jinsab f'pajjiż li ma jkunx dak tal-BĊN inkwistjoni jekk l-Eurosistema tkun approvat l-użu ta' dak il-kont.

4.   De Nederlandsche Bank għandu jkun awtorizzat li juża l-kont tiegħu ma' Euroclear Bank biex jirregola tranżazzjonijiet ta' kollateral f'Eurobonds maħruġin f'dik l-ICSD. Il-Banc Ceannais na hÉireann/Central Bank of Ireland għandu jiġi awtorizzat biex jiftaħ kont simili mal-Euroclear Bank. Dan il-kont jista' jintuża għall-assi eliġibbli kollha miżmuma fil-Euroclear Bank, jiġifieri inklużi l-assi eliġibbli ttrasferiti lill-Euroclear Bank permezz ta' rabtiet eliġibbli.

5.   Il-kontropartijiet għandhom jeżegwixxu t-trasferiment tal-assi eliġibbli permezz tal-kontijiet ta' saldu ta' titoli ma' SSSs li ġew evalwati b'mod pożittiv skont il-Qafas tal-Valutazzjoni tal-Utenti tal-Eurosistema.

6.   Kontroparti li ma jkollhiex kont ta' kustodja sigur ma' BĊN jew kont ta' saldu tat-titoli ma' SSS li jkun ġie evalwat b'mod pożittiv skont il-Qafas tal-Valutazzjoni tal-Utenti tal-Eurosistema tista' tħallas għal tranżazzjonijiet permezz tal-kont ta' saldu ta' titoli jew il-kont ta' kustodja sigura ta' istituzzjoni ta' kreditu korrispondenti.”;

5.

L-Anness XI huwa sostitwit b'dan li ġej:

“ANNESS XI

FORMOLI TA' SIGURTÀ

Fit-13 ta' Ġunju 2006, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ħabbar il-kriterji tan-noti globali ġodda (NGN) għal titoli internazzjonali f'forma bearer globali li jkunu eliġibbli bħala kollateral għal operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema mill-1 ta' Jannar 2007. Fit-22 ta' Ottubru 2008, il-BĊE ħabbar li titoli ta' dejn internazzjonali f'forma rreġistrata globali maħruġa wara t-30 ta' Settembru 2010 ser ikunu eliġibbli bħala kollateral biss għal operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema meta tintuża l-istruttura ta' ħarsien ġdida (NSS) għal titoli ta' dejn internazzjonali.

It-tabella li ġejja tiġbor fil-qosor ir-regoli tal-eliġibbiltà għal forom differenti ta' titoli bl-introduzzjoni tal-kriterji NGN u NSS.

Tabella 1

Regoli ta' Eliġibbiltà Għal Forom ta' Sigurtà Differenti

GlobalI/individwali

Bearer/reġistrati

NGN/nota globali klassika (CGN)/NSS

Is-salvagardja komuni (CSK) hija ICSD (**)?

Eliġibbli?

Globali

Bearer

NGN

Iva

Iva

Le

Le

Globali

Bearer

CGN

mhux disp.

Le, iżda dawk it-titoli maħruġin qabel l-1 ta' Jannar 2007 ser jingħataw anterjorità sal-maturità, flimkien ma' kwalunkwe ħarġiet tap mill-1 ta' Jannar 2007 meta l-ISINs ikunu funġibbli.

Globali

Reġistrati

CGN

mhux disp.

Bonds maħruġa taħt din l-istruttura wara t-30 ta' Settembru 2010 m'għadhomx eliġibbli.

Globali

Reġistrati

NSS

Iva

Iva

Individwali

Bearer

mhux disp.

mhux disp.

Bonds maħruġa taħt din l-istruttura wara t-30 ta' Settembru 2010 m'għadhomx eliġibbli. Noti bearer individwali maħruġa fit-30 ta' Settembru 2010 jew qabel jingħataw anterjorità sal-maturità.

Artikolu 2

Revoka

L-Artikoli 129 sa 133a fil-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60) u l-Anness X tagħha huma mħassra.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u implimentazzjoni

1.   Din il-Linja Gwida tidħol fis-seħħ fil-jum meta tiġi nnotifikata lill-BĊNi.

2.   Il-BĊNi għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din il-Linja Gwida u għandhom japplikawhom mill-25 ta' Jannar 2016. Huma għandhom jinnotifikaw lill-BĊE bit-testi u l-mezzi relatati ma' dawk il-miżuri sa mhux aktar tard mill-5 ta' Jannar 2016.

Artikolu 4

Destinatarji

Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-18 ta' Novembru 2015.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta' Diċembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2014/60) (ĠU L 91, 2.4.2015, p. 3).

(**)  Jew, jekk issir applikabbli, f'depożitorju ċentrali ta' titoli evalwat b'mod pożittiv.”


Fuq