EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32015O0020

Linja gwida (UE) 2015/732 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' April 2015 li temenda l-Linja Gwida (UE) 2015/510 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2014/60) (BĊE/2015/20)

ĠU L 116, 7.5.2015, p. 22–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument Fis-seħħ

ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2015/732/oj

7.5.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 116/22


LINJA GWIDA (UE) 2015/732 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-16 ta' April 2015

li temenda l-Linja Gwida (UE) 2015/510 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2014/60) (BĊE/2015/20)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Centrali u tal-Bank Centrali Ewropew, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1, u l-Artikoli 9.2, 12.1, 14.3, 18.2, u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 20 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-kisba ta' politika monetarja waħdanija tinvolvi d-definizzjoni tal-istrumenti u l-proċeduri li għandhom jintużaw mill-Eurosistema, li tikkonsisti fil-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali ta' dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (iktar 'il quddiem il-“BĊNi”), sabiex dik il-politika tiġi implimentata b'mod uniformi fl-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hija l-euro.

(2)

Fid-dawl tal-Artikolu 12.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (iktar 'il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”), il-BĊE għandu l-awtorità li jifformula l-politika monetarja waħdanija tal-Unjoni u li joħroġ il-linji gwida meħtieġa sabiex jiżgura l-implimentazzjoni korretta tagħha. Skont l-Artikolu 14.3 tal-Istatut tas-SEBĊ, il-BĊNi għandhom obbligu li jaġixxu skont dawk il-linji gwida. Din il-Linja Gwida b'hekk hija indirizzata lill-Eurosistema. Ir-regoli stabbiliti f'din il-Linja Gwida għandhom jiġu implimentati mill-BĊNi f'arranġamenti kuntrattwali jew regolatorji. Il-kontropartijiet huma meħtieġa jikkonformaw ma' dawk ir-regoli kif implimentati mill-BĊNi f'dawk l-arranġamenti kuntrattwali jew regolatorji.

(3)

L-ewwel inċiż tal-Artikolu 18.1 tal-Istatut tas-SEBĊ jippermetti lill-Eurosistema li topera fis-swieq finanzjarji billi tixtri jew tbiegħ b'mod deċiżiv (spot u forward) jew taħt ftehim ta' xiri mill-ġdid u billi ssellef jew tissellef pretensjonijiet u strumenti kummerċjabbli, kemm jekk f'euro jew f'muniti oħrajn, kif ukoll metalli prezzjużi. It-tieni inċiż tal-Artikolu 18.1 jippermetti lill-Eurosistema biex twettaq operazzjonijiet ta' kreditu ma' istituzzjonijiet ta' kreditu u parteċipanti oħra fis-suq.

(4)

Sabiex l-Eurosistema tiġi mħarsa mir-riskju tal-kontroparti, it-tieni inċiż tal-Artikolu 18.1 tal-Istatut tas-SEBĊ jipprovdi li meta l-Eurosistema twettaq operazzjonijiet ta' kreditu ma' istituzzjonijiet ta' kreditu u parteċipanti oħrajn fis-suq, it-tislif għandu jkun ibbażat fuq kollateral adegwat.

(5)

Sabiex jiġi żgurat it-trattament ugwali tal-kontrapartijiet, kif ukoll sabiex jittejbu l-effiċjenza u t-trasparenza operazzjonali, l-assi għandhom jissodisfaw ċerti kriterji uniformi fost l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro sabiex ikunu eliġibbli bħala kollateral għal operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema.

(6)

L-Eurosistema żviluppat qafas waħdieni għal assi eliġibbli bħala kollateral sabiex l-operazzjonijiet ta' kreditu kollha tal-Eurosistema jitwettqu b'mod armonizzat permezz tal-implimentazzjoni ta' din il-Linja Gwida fl-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hija l-euro.

(7)

Il-Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/60) (1) għandha tiġi emendata biex tirrifletti bidliet fil-qafas tal-kollateral tal-Eurosistema relatati mal-istrutturi ta' kupuni aċċettabbli għal assi negozjabbli.

(8)

Għalhekk, il-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60) għandha tiġi emendata f'dan is-sens,

ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

Artikolu 1

L-Artikolu 63 tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60) huwa mibdul b'dan li ġej:

“Artikolu 63

Strutturi ta' kupuni aċċettabbli għal assi negozjabbli

1.   Sabiex ikunu eliġibbli, l-istrumenti ta' dejn għandu jkollhom wieħed minn dawn l-istrutturi ta' kupun li ġejjin sal-fidi finali:

(a)

kupuni fissi, żero, jew multi-step bi skeda ta' kupun predefinita u bvaluri tal-kupun predefiniti li ma jistgħux jirriżultaw fi fluss negattiv ta' kontanti; jew

(b)

kupuni varjabbli li ma jistgħux jirriżultaw fi fluss negattiv ta' kontanti u li għandhom din l-istruttura: rata tal-kupun = (rata ta' referenza * l) ± x, b' f ≤ rata tal-kupun ≤ c, fejn:

(i)

ir-rata ta' referenza hija biss waħda milli ġejjin f'mument partikolari:

rata tas-suq tal-flus tal-euro, eż. EURIBOR, LIBOR jew indiċi simili;

rata kostanti ta' tpartit ta' maturità, eż. CMS, EIISDA, EUSA;

ir-rendiment ta' bond wieħed tal-gvern taż-żona tal-euro, jew indiċi ta' bosta minnhom, li għandhom maturità ta' sena jew inqas,

indiċi ta inflazzjoni taż-żona tal-euro; u

(ii)

f (limitu minimu), c (limitu massimu), l (fattur ta' ingranaġġ/diżingranaġġ) u x (marġni) huma, jekk preżenti, numri li huma jew predefiniti fil-ħin tal-ħruġ, jew inkella jistgħu jinbidlu maż-żmien biss skont rotta predefinita fil-ħin tal-ħruġ, fejn f u c huma aktar minn jew daqs żero u l huwa aktar minn żero matul il-ħajja sħiħa tal-assi. Għall-kupuni varjabbli b'rata ta' referenza ta' indiċi ta' inflazzjoni, l għandu jkun ugwali għal wieħed.

2.   Kull struttura tal-kupun li ma tikkonformax mal-paragrafu 1 ma għandhiex tkun eliġibbli, inklużi każijiet fejn parti biss tal-istruttura ta' rimunerazzjoni, bħal primjum, ma tkunx konformi.

3.   Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, jekk il-kupun ikun jew ta' tip iffissat multi-step jew tip varjabbli multi-step, il-valutazzjoni tal-istruttura tal-kupun relevanti għandha tkun ibbażata fuq il-ħajja sħiħa tal-assi b'perspettiva li tħares kemm 'il quddiem kif ukoll lura.

4.   Strutturi ta' kupuni aċċettabbli ma għandux ikollhom opzjonijiet għall-emittent, jiġifieri matul il-ħajja kollha tal-assi, ibbażata fuq perspettiva li tħares 'il quddiem u lura, il-bidliet fl-istruttura tal-kupun li huma kontinġenti fuq deċiżjoni tal-emittent ma għandhomx ikunu aċċettabbli.”

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u implimentazzjoni

1.   Din il-Linja Gwida tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lill-BĊNi.

2.   Il-BĊNi għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din il-Linja Gwida u għandhom japplikawhom mill-1 ta' Mejju 2015. Huma għandhom jinnotifikaw lill-BĊE bit-testi u l-mezzi relatati ma' dawk il-miżuri sa mhux aktar tard mill-24 ta' April 2015.

Artikolu 3

Destinatarji

Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-16 ta' April 2015.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta' Diċembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2014/60) (ĠU L 91, 2.4.2015, p. 3).


Fuq