EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea
Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 32014D0004(01)
2014/427/EU: Decision of the European Central Bank of 6 February 2014 on the appointment of representatives of the European Central Bank to the Supervisory Board (ECB/2014/4)
2014/427/UE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas- 6 ta' Frar 2014 dwar il-ħatra ta' rappreżentanti tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-Bord Superviżorju (BĊE/2014/4)
2014/427/UE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas- 6 ta' Frar 2014 dwar il-ħatra ta' rappreżentanti tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-Bord Superviżorju (BĊE/2014/4)
ĠU L 196, 3.7.2014, p. 38–39
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Fis-seħħ
3.7.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 196/38 |
DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tas-6 ta' Frar 2014
dwar il-ħatra ta' rappreżentanti tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-Bord Superviżorju
(BĊE/2014/4)
(2014/427/UE)
IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 26(1)), (2) u (5) tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni BĊE/2004/2 tad-19 ta' Frar 2004 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 13b.6. tiegħu,
Billi:
(1) |
Skont l-Artikolu 26(5) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-Kunsill Governattiv għandu jaħtar erba' rappreżentanti tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) fil-Bord Superviżorju, li l-ebda wieħed minnhom ma għandu jwettaq dmirijiet relatati direttament mal-funzjoni monetarja tal-BĊE. |
(2) |
Skont l-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-ħatriet tar-rappreżentanti tal-BĊE fil-Bord Superviżorju għandhom jirrispettaw il-prinċipji tal-bilanċ bejn is-sessi, l-esperjenza u l-kwalifiki. |
(3) |
Huwa neċessarju li r-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jiġi kkumplimentat fir-rigward tal-proċedura għall-ħatra tal-erba' rappreżentanti tal-BĊE fil-Bord Superviżorju, il-kundizzjonijiet u l-proċedura għat-tneħħija tagħhom u l-kundizzjonijiet li japplikaw lill-persuni li jinħatru f'dawn il-pożizzjonijiet, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Ħatra ta' rappreżentanti tal-BĊE fil-Bord Superviżorju
1. L-erba' rappreżentanti tal-BĊE għandhom jinħatru fil-Bord Superviżorju minn fost persuni ta' pożizzjoni rikonoxxuta u esperjenza fil-qasam bankarju u finanzjarju.
2. Il-mandat tagħhom għandu jkun ta' ħames snin u m'għandux ikun jista' jiġġedded. Permezz ta' deroga minn din ir-regola, il-mandat tal-ewwel erba' rappreżentanti tal-BĊE għandu jkun ta' bejn tlieta u ħames snin għall-ħatra inizjali.
3. It-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-erba' rappreżentanti tal-BĊE, b'mod partikolari s-salarju, il-pensjoni u benefiċċji soċjali oħra tagħhom, għandhom ikunu is-suġġett ta' kuntratt mal-BĊE u għandhom ikunu stabbiliti mill-Kunsill Governattiv fuq proposta mill-Bord Eżekuttiv.
4. Ir-rappreżentanti tal-BĊE għandhom jaqdu dmirijiethom fuq bażi full-time jew part-time, skont it-termini u l-kundizzjonijiet fil-kuntratti tagħhom mal-BĊE. Huma ma għandhomx ikunu impjegati f'xi xogħol, kemm bi qliegħ jew le, ħlief jekk ikunu awtorizzati mill-Kunsill Governattiv. Ma tista' tingħata ebda awtorizzazzjoni għal attivitajiet li jistgħu jwasslu għal, jew jidhru li jwasslu għal, kunflitt ta' interess mal-pożizzjonijiet tagħhom bħala membri tal-Bord Superviżorju. B'mod partikolari, huma ma għandhomx iwettqu xi dmir għal awtorità nazzjonali kompetenti kif definita fl-Artikolu 2 ta' Regolament (UE) Nru 1024/2013.
5. Jekk rappreżentant tal-BĊE fil-Bord Superviżorju ma jibqax jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-qadi ta' dmirijietu jew dmirijietha, jew ikunu nstabu ħatja ta' mġiba skorretta serja, il-Kunsill Governattiv jista', fuq applikazzjoni tal-Bord Eżekuttiv u wara li jkun semagħhom, jiddeċiedi li jneħħihom mill-kariga.
6. Kull post vakanti għall-pożizzjoni ta' rappreżentant tal-BĊE fil-Bord Superviżorju għandu jimtela bil-ħatra ta' rappreżentant ġdid skont din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fis-6 ta' Frar 2014.
Magħmul fi Frankfurt am Main, is-6 ta' Frar 2014.
Il-President tal-BĊE
Mario DRAGHI
(1) ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.
(2) ĠU L 80, 18.3.2004, p. 33.