EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32014O0012

2014/330/UE: Linja Gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew tat- 12 ta' Marzu 2014 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2013/4 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral u li temenda l-Linja Gwida BĊE/2007/9 (BĊE/2014/12)

ĠU L 166, 5.6.2014, p. 42–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument M’għadux fis-seħħ, Data tat-tmiem tal-validitàà: 19/08/2014; Imħassar b' 32014O0031

ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2014/330/oj

5.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 166/42


LINJA GWIDA TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-12 ta' Marzu 2014

li temenda l-Linja Gwida BĊE/2013/4 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral u li temenda l-Linja Gwida BĊE/2007/9

(BĊE/2014/12)

(2014/330/UE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1, l-Artikolu 12.1, l-Artikolu 14.3 u l-Artikolu 18.2 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Linja Gwida BĊE/2011/14 tal-20 ta' Settembru 2011 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema (1) id-Deċiżjoni BĊE/2013/6 tal-20 ta' Marzu 2013 dwar ir-regoli fuq l-użu bħala kollateral ta' bonds tal-bank skoperti għall-użu proprju ggarantiti mill-gvern għal operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema (2), u d-Deċiżjoni BĊE/2013/35 tas-26 ta' Settembru 2013 dwar miżuri addizzjonali fir-rigward ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral (3),

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 18.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (minn hawn 'il quddiem il-“BĊNi”) jistgħu jmexxu operazzjonijiet ta' kreditu ma' istituzzjonijiet ta' kreditu u parteċipanti oħra fis-suq, bis-self ikun ibbażat fuq kollateral xieraq. Il-kundizzjonijiet standard skont liema l-BĊE u l-BĊNi jinsabu lesti biex jidħlu f'operazzjonijiet ta' kreditu, inkluż il-kriterji li jiddeterminaw l-eliġibbiltà tal-kollateral għall-finijiet tal-operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema, huma stabbiliti f'Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14, kif ukoll id-Deċiżjoni BĊE/2013/6 u d-Deċiżjoni BĊE/2013/35.

(2)

Skont it-Taqsima 1.6 tal-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14, il-Kunsill Governattiv jista', fi kwalunkwe ħin, jibdel l-istrumenti, il-kundizzjonijiet, il-kriterji u l-proċeduri għat-twettiq ta' operazzjonijiet ta' politika monetarja tal-Eurosistema.

(3)

Il-Linja Gwida BĊE/2013/4 (4), id-Deċiżjoni BĊE/2013/22 (5) u d-Deċiżjoni BĊE/2013/36 (6) flimkien ma' atti legali oħra jistabbilixxu l-miżuri addizzjonali relatati mal-operazzjonijiet ta' rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral biex jiġu applikati temporanjament sakemm il-Kunsill Governattiv iqis illi m'għadhomx iktar neċessarji, biex jiżguraw mekkaniżmu xieraq għat-trażmissjoni tal-politika monetarja.

(4)

Il-Linja Gwida BĊE/2013/4 għandha tiġi emendata biex tirrifletti bidliet fil-qafas tal-kollateral tal-Eurosistema relatati ma': (a) l-estensjoni tar-rekwiżiti ta' rapportar fil-livell ta' self għal titoli ggarantiti minn assi ggarantiti minn ammonti riċevibbli fuq il-kard ta' kreditu fl-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14; (b) ir-reviżjoni tal-immappjar ta' ċerti klassifikazzjonijiet tal-kreditu fil-kuntest tal-iskala ta' klassifikazzjoni armonizzata tal-Eurosistema; u (c) il-kjarifika tar-regoli tal-klassifikazzjoni relatati mat-titoli ggarantiti minn assi,

ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

Artikolu 1

Emendi

Il-Linja Gwida BĊE/2013/4 hija emendata kif ġej:

1.

L-Artikolu 1(3) huwa sostitwit b'li ġej:

“3.   Għall-finijiet tal-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 7, ir-Repubblika Ellenika u l-Portugall għandhom jitqiesu bħala Stati Membri taż-żona tal-euro konformi ma' programm tal-Unjoni Ewropea/Fond Monetarju Internazzjonali.”;

2.

L-Artikolu 3(1) huwa sostitwit b'li ġej:

“1.   Minbarra t-titoli ggarantiti minn assi (ABS — asset-backed securities) eliġibbli taħt Kapitolu 6 ta' Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14, l-ABS li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti għall-valutazzjoni tal-kreditu skont it-Taqsima 6.3 ta' Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14 imma li mill-bqija jikkonformaw mal-kriterji tal-eliġibbiltà kollha applikabbli għall-ABS bis-saħħa tal-Linja Gwida BĊE/2011/14, għandhom ikunu eliġibbli bħala kollateral għal operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema, sakemm ikollhom żewġ klassifikazzjonijiet ta' livell ta' mill-anqas ‘triple B’ (*) minn kull ECAI aċċettat għall-ħruġ. Huma għandhom jissodisfaw ukoll ir-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a)

l-assi li jiġġeneraw il-likwidità li jappoġġaw l-ABS għandhom jappartjenu għal waħda mill-klassijiet ta' assi li ġejjin: (i) ipoteki residenzjali; (ii) self lil impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs); (iii) ipoteki kummerċjali; (iv) self fuq ix-xiri ta' karozzi; (v) kiri; (vi) finanzjament għall-konsumatur; (vii) ammonti riċevibbli fuq kard ta' kreditu;

(b)

ma għandu jkun hemm ebda taħlit ta' klassijiet ta' assi differenti fl-assi li jiġġeneraw il-likwidità;

(c)

l-assi li jiġġeneraw il-likwidità li jiggarantixxu l-ABS ma għandhomx ikun fihom self illi huwa wieħed minn dawn li ġejjin:

(i)

ma jkunx jirrendi fil-ħin tal-ħruġ tal-ABS;

(ii)

ma jkunx jirrendi meta inkorporat fl-ABS matul il-ħajja tal-ABS, pereżempju permezz ta' sostituzzjoni jew tibdil fl-assi li jiġġeneraw il-likwidità;

(iii)

fi kwalunkwe ħin, huwa strutturat, sindakat jew aġevolat;

(d)

id-dokumenti tat-tranżazzjoni tal-ABS irid ikun fihom dispożizzjonijiet dwar il-kontinwita' tas-servizz;

(*)  Klassifikazzjoni ta' ‘triple B’ hija klassifikazzjoni ta' mill-anqas ‘Baa3’ minn Moody's, ‘BBB-’ minn Fitch jew Standard & Poor's, jew klassifikazzjoni ta ‘BBBL’ minn DBRS.”"

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u implimentazzjoni

1.   Din il-Linja Gwida tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lill-BĊNi.

2.   Il-BĊNi għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 1 ta' din il-Linja Gwida u japplikawhom mill-1 ta' April 2014. Huma għandhom jinnotifikaw lill-BĊE bit-testi u l-mezzi relatati ma' dawk il-miżuri sa mhux aktar tard mill-24 ta' Marzu 2014.

Artikolu 3

Destinatarji

Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-12 ta' Marzu 2014.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 331, 14.12.2011, p. 1.

(2)  ĠU L 95, 5.4.2013, p. 22.

(3)  ĠU L 301, 12.11.2013, p. 6.

(4)  Il-Linja Gwida BĊE/2013/4 tal-20 ta' Marzu 2013 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral u li temenda l-Linja Gwida BĊE/2007/9 (ĠU L 95 5.4.2013, p. 23).

(5)  Id-Deċiżjoni BĊE/2013/22 tal-5 ta' Lulju 2013 dwar miżuri temporanji fir-rigward tal-eliġibbiltà ta' strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika ta' Ċipru (ĠU L 195 18.7.2013, p. 27).

(6)  Id-Deċiżjoni BĊE/2013/36 tas-26 ta' Settembru 2013 dwar miżuri addizzjonali fir-rigward ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral (ĠU L 301, 12.11.2013, p. 13).


Fuq