EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 52015HB0049

Rakkomandazzjoni Tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-17 ta’ Diċembru 2015 dwar politiki għad-distribuzzjoni ta’ dividendi (BĊE/2015/49)

ĠU C 438, 30.12.2015, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 438/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-17 ta’ Diċembru 2015

dwar politiki għad-distribuzzjoni ta’ dividendi

(BĊE/2015/49)

(2015/C 438/01)

IL-KUNSILL GOVERNATTIVI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 127(6) u l-Artikolu 132 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 34 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (Regolament Qafas tal-MSU) (Regolament Qafas tal-MSU) (BĊE/2014/17) (2),

Billi:

Jeħtieġ li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jkomplu jħejju għal applikazzjoni f’waqtha u sħiħa tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) f’ambjent makroekonomiku u finanzjarju ta’ sfida li jeżerċita pressjoni fuq il-profittabbiltà tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u, bħala riżultat, fuq il-kapaċità tagħhom li jibnu l-bażijiet kapitali tagħhom. Barra minn hekk, waqt li huwa meħtieġ li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jiffinanzjaw l-ekonomija, politika ta’ distribuzzjoni konservattiva hija parti minn sistema ta’ ġestjoni adegwata tar-riskju u servizzi bankarji sodi. Għandu jiġi applikat l-istess metodu li ġie stabbilit fir-Rakkomandazzjoni BĊE/2015/2 tal-Bank Ċentrali Ewropew (5),

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

I.

1.

L-istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom jistabbilixxu politiki ta’ dividendi billi jużaw suppożizzjonijiet konservattivi u prudenti sabiex, wara kull distribuzzjoni, jissodisfaw ir-rekwiżiti kapitali applikabbli.

(a)

L-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma meħtieġa li jissodisfaw ir-rekwiżiti applikabbli għall-kapital minimu (ir-“rekwiżiti tal-Pilastru 1”) f’kull ħin. Dan jinkludi proporzjon ta’ 4,5 % għall-kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni, proporzjon ta’ 6 % għall-kapital tal-Grad 1 u proporzjon tal-kapital totali ta’ 8 % kif stipulat fl-Artikolu 92 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

(b)

Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma meħtieġa li jissodisfaw f’kull ħin ir-rekwiżiti kapitali li huma imposti bħala riżultat tad-Deċiżjoni applikabbli dwar ir-Reviżjoni Superviżorja u Proċess ta’ Evalwazzjoni b’applikazzjoni tal-Artikolu 16(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti tal-Pilastru 1 (“Rekwiżiti tal-Pilastru 2”).

(c)

L-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma meħtieġa wkoll li jissodisfaw il-kapital kontroċikliku u l-bafers sistemiċi kif imsemmi fl-Artikolu 128(2), (3), (4) u (5) tad-Direttiva 2013/36/UE, u bafers oħrajn adottati minn awtoritajiet nazzjonali kompetenti u dawk nominati.

(d)

L-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma meħtieġa wkoll li jissodisfaw il-proporzjon tal-kapital tal-Ekwità Komuni ta’ Grad 1 li jkun “totalment mgħobbi” (6) il-proporzjon tal-kapital ta’ Grad 1 tagħhom u l-proporzjon kapitali totali tagħhom sad-data applikabbli għall-introduzzjoni sħiħa f’fażijiet. Dan jirreferi għall-applikazzjoni sħiħa tal-proporzjonijiet imsemmija hawn fuq wara l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji, kif ukoll għall-applikazzjoni tal-kapital kontroċikliku u l-bafers sistemiċi msemmija fl-Artikolu 128(2), (3), (4) u (5) tad-Direttiva 2013/36/UE, u l-bafers l-oħrajn kollha adottati minn awtoritajiet nazzjonali kompetenti u nnominati. Id-dispożizzjonijiet tranżitorji huma stipulati fit-Titolu XI tad-Direttiva 2013/36/UE u fil-Parti Għaxra tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

Dawn ir-rekwiżiti għandhom jiġu ssodisfati kemm fuq livell ikkonsolidat kif ukoll fuq bażi individwali ħlief jekk l-applikazzjoni ta’ rekwiżiti prudenzjali tkun ġiet irrinunzjata fuq bażi individwali, kif stipulat fl-Artikoli 7 u 10 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013,

2.

Fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jħallsu dividendi (7) fl-2016 għas-sena finanzjarja 2015, il-BĊE jirrakkomanda li:

(a)    Kategorija 1 : Istituzzjonijiet ta’ kreditu li jissodisfaw ir-rekwiżiti kapitali applikabbli kif imsemmi fil-paragrafu 1(a) (b) u (c), u li jkunu diġà laħqu l-proporzjonijiet tagħhom li jkunu mgħobbija totalment kif imsemmi fil-paragrafu 1(d) fil-31 ta’ Diċembru 2015, għandhom jiddistribwixxu l-profitti netti tagħhom bħala dividendi b’mod konservattiv sabiex ikunu jistgħu jkomplu jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha anki fil-każ ta’ kundizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji ddeterjorati;

(b)    Kategorija 2 : Istituzzjonijiet ta’ kreditu li jissodisfaw ir-rekwiżiti kapitali applikabbli kif imsemmi fil-paragrafu 1 (a), (b) u (c) fil-31 ta’ Diċembru 2015 imma ma laħqux il-proporzjonijiet mgħobbija kollha kif imsemmi fil-paragrafu 1(d) fil-31 ta’ Diċembru 2015 għandhom jiddistribwixxu il-profitti netti tagħhom bħala dividendi b’mod konservattiv sabiex ikunu jistgħu jkomplu jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha anki fil-każ ta’ kundizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji ddeterjorati. Barra minn hekk, fil-prinċipju għandhom iħallsu biss dividend sakemm, bħala minimu, tiġi żgurata mogħdija lineari (8) lejn il-proporzjonijiet totalment mgħobbija kif imsemmi fil-paragrafu 1(d);

(c)    Kategorija 3 : Istituzzjonijiet ta’ kreditu li ma jkunux konformi mar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1(a), (b) jew (c), fil-prinċipju m’għandhom iqassmu ebda dividend.

L-Istituzzjonijiet ta’ kreditu li ma jistgħux jikkonformaw ma’ din ir-Rakkomandazzjoni għaliex jikkunsidraw lilhom nnifishom li huma huma legalment meħtieġa li jħallsu dividendi għandhom jikkuntattjaw lit-tim superviżorju konġunt minnufih.

II.

Din ir-rakkomandazzjoni hija indirizzata lil entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni u gruppi sinifikanti taħt superviżjoni kif iddefiniti fl-Artikolu 2(16) u (22) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17).

III.

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata wkoll lill-awtorità nazzjonali kompetenti u l-awtoritajiet nominati fir-rigward ta’ entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni u gruppi inqas sinifikanti taħt superviżjoni kif iddefiniti fl-Artikolu 2(7) u (23) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17). L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-awtoritajiet nominati huma mistennija li japplikaw din ir-Rakkomandazzjoni għal dawk l-entitajiet u gruppi, kif jidhrilhom li huwa xieraq (9).

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-17 ta’ Diċembru 2015.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)  ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1.

(3)  Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(4)  Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(5)  Rakkomandazzjoni BĊE/2015/2 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-28 ta’ Jannar 2015 dwar politiki għad-distribuzzjoni ta’ dividendi (ĠU C 51, 13.2.2015, p. 1).

(6)  Il-bafers kollha fil-livelli totalment mgħobbija ħlief għall-bafer ta’ konservazzjoni kapitali, li għal raġunijiet metodoloġiċi jiġu ffissati fil-livell ta’ introduzzjoni gradwali tal-2016 għall-kalkoli mgħobbija totalment.

(7)  L-istituzzjonijiet ta’ kreditu jista’ jkollhom diversi forom legali, eż. kumpaniji elenkati u kumpanniji mhux b’ishma konġunti bħal kumpaniji reċiproki, kooperattivi jew istituzzjonijiet ta’ tfaddil. It-terminu “dividend” kif użat f’din ir-rakkomandazzjoni jirreferi għal kwalunkwe tip ta’ ħlas fi flus kontanti li jkun soġġett għall-approvazzjoni tal-Assemblea Ġenerali.

(8)  Fil-prattika, dan ifisser li fuq perijodu ta’ erba’ snin li jibda fil-31 ta’ Diċembru 2014, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu fil-prinċipju għandhom iżommu ta’ mill-inqas 25 % fis-sena tad-distakk lejn il-proporzjon ta’ kapital tagħhom mgħobbi totalment tal-Ekwità Komuni ta’ Grad 1, il-proporzjon tal-kapital tagħhom ta’ Grad 1 u l-proporzjon tal-kapital totali tagħhom, kif imsemmi fil-paragrafu 1(d).

(9)  Jekk ir-rakkomandazzjoni tiġi applikata lil entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni u gruppi inqas sinifikanti taħt superviżjoni, li jikkunsidraw lilhom innifishom li ma jistgħux jikkonformaw għaliex jifhmu li huma legalment meħtieġa li jħallsu dividendi huma għandhom jikkuntattjaw minnufih lill-awtorità nazzjonali kompetenti tagħhom.


Fuq