EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32003D0223

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill li qed jiltaqa' fil-kompożizzjoni ta' kapijiet ta' l-istat jew tal-gvern tal-21 ta' Marzu 2003 fuq l-emenda ta' l-Artikolu 10.2 ta' l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew

ĠU L 83, 1.4.2003, p. 66–68 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Edizzjoni Speċjali biċ-Ċek: Kapitolu 01 Volum 004 P. 294 - 296
Edizzjoni Speċjali bl-Estonjan: Kapitolu 01 Volum 004 P. 294 - 296
Edizzjoni Speċjali bil-Letton: Kapitolu 01 Volum 004 P. 294 - 296
Edizzjoni Speċjali bil-Litwan: Kapitolu 01 Volum 004 P. 294 - 296
Edizzjoni Speċjali bl-Ungeriż Kapitolu 01 Volum 004 P. 294 - 296
Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 01 Volum 004 P. 294 - 296
Edizzjoni Speċjali bil-Pollakk: Kapitolu 01 Volum 004 P. 294 - 296
Edizzjoni Speċjali bis-Slovakk: Kapitolu 01 Volum 004 P. 294 - 296
Edizzjoni Speċjali bis-Sloven: Kapitolu 01 Volum 004 P. 294 - 296
Edizzjoni Speċjali bil-Bulgaru: Kapitolu 01 Volum 004 P. 118 - 120
Edizzjoni Speċjali bir-Rumen: Kapitolu 01 Volum 004 P. 118 - 120
Edizzjoni speċjali bil-Kroat: Kapitolu 01 Volum 005 P. 48 - 50

Status legali tad-dokument Data tad-dħul fis-seħħ mhux magħrufa (notifika pendenti) jew għada mhux fis-seħħ.

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2003/223/oj

32003D0223



Official Journal L 083 , 01/04/2003 P. 0066 - 0068


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill li qed jiltaqa' fil-kompożizzjoni ta' kapijiet ta' l-istat jew tal-gvern

tal-21 ta' Marzu 2003

fuq l-emenda ta' l-Artikolu 10.2 ta' l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew

(2003/223/KE)

IL-LAQGĦA TAL-KUNSILL LI QED JILTAQA' FIL-KOMPOŻIZZJONI TA' KAPIJIET TA' L-ISTAT JEW TAL-GVERN,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew [1], u partikolarmnet l-Artikolu 10.6 ta' dan,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Bank Ċentrali Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [3],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni [4],

Billi:

(1) It-tkabbir taż-żona tal-euro ser twassal għal żieda fin-numru ta' membri tal-Kunsill Regolatorju tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Hemm il-ħtieġa li tinżamm il-kapaċità tal-Kunsill Regolatorju għal teħid ta' deċiżjonijiet b'effiċjenza u f'waqthom f'żona akbar ta' l-euro, irrispettivament minn numru ta' Stati Membri li jadottaw l-euro. Sabiex ikun jista' jsir hekk, in-numru ta' gvernaturi li għandhom id-dritt tal-vot ser ikollu jkun iżgħar minn numru komplessiv ta' gvernaturi fil-Kunsill Regolatorju. Sistema ta' rotazzjoni hija mod ġust, effiċjenti w aċċettabbli ta' kif jiġu assenjati d-drittijiet tal-vot fost il-gvernaturi fil-Kunsill Regolatorju. In-numru ta' 15-il dritt għall-vot għall-gvernaturi jilħaq bilanċ xieraq bejn, fuq naħa waħda, il-kontinwità mal-forma eżistenti nkluż l-għoti bbilanċjat tad-drittijiet tal-vot bejn is-sitt membri tal-Bord Eżekuttiv u l-membri l-oħra tal-Kunsill Regolatorju u, fuq in-naħa l-oħra, il-ħieġa li jiġi assigurat mod effiċjenti ta' teħid ta' deċiżjonijiet f'Kunsill Regolatorju sostanzjalment akbar.

(2) Fid-dawl tal-ħatra tagħhom fuq livell Ewropew bi proċedura tat-Trattat u r-rwol tagħhom fil-BĊE, bil-kompetenza tagħhom tifrex maż-żona ta' l-euro kollha, kull membru tal-Bord Eżekuttiv għandu jżomm d-dritt tal-vot permanenti fil-Kunsill Regolatorju.

(3) Il-modalitajiet tal-votazzjoni fil-Kunsill Regolatorju huma aġġustati fuq il-bażi ta' l-Artikolu 10.6 ta' l-Istatut. Minħabba li dan l-Artikolu jikkonċerna biss l-emendi għall-Artikolu 10.2 ta' l-Istatut, kull aġġustament tal-modalitajiet tal-votazzjoni m'għandu l-ebda implikazzjoni għall-votazzjoni fuq deċiżjonijiet meħuda skond l-Artikoli 10.3, 10.6 u 41.2 ta' l-Istatut.

(4) Ħames prinċipji fondamentali huma riflessi fl-elementi kostituttivi tas-sistema ta' rotazzjoni magħżula. Il-prinċipju "membru wieħed, vot wieħed", li huwa l-prinċipju ċentrali tal-Kunsill Regolatorju dwar it-teħid tad-deċiżjonijiet, ikompli japplika għall-membri kollha tal-Kunsill Regolatorju li għandhom dritt tal-vot. Il-membri kollha tal-Kunsill Regolatorju jkomplu jipparteċipaw fil-laqgħat tiegħu fil-kapaċità personali u ndipendenti, irrespettivament minn jekk għandhomx dritt tal-vot jew le. Is-sistema ta' rotazzjoni hija robusta fis-sens li hija kapaċi takkomoda kull tkabbir taż-żona ta' l-euro san-numru massimu ta' Stati Membri li bħalissa qiegħed jiġi previst. Barra dan, is-sistema ta' rotazzjoni tevita li tipproduċi sitwazzjonijiet li fihom il-gvernaturi li għandhom dritt tal-vot huma minn banek ċentrali nazzjonali (NCBs) ta' Stati Membri li, meħuda flimkien, huma pperċeputi bħala mhux rappreżentattivi ta' l-ekonomija taż-żona ta' l-euro b'mod sħiħ. Fl-aħħar, is-sistema ta' rotazzjoni hija trasparenti.

(5) L-allokazzjoni ta' gvernaturi lill-gruppi u l-assenjar ta' numri speċifici ta' drittijiet tal-vot lil dawn il-gruppi huma mfassla biex jiżguraw li dawk il-gvernaturi li għandhom id-dritt tal-vot huma minn NCBs ta' Stati Membri li, meħuda flimkien, huma rappreżentattivi ta' l-ekonomija taż-żona euro b'mod sħiħ. Gvernaturi jeżerċitaw id-dritt tal-vot tagħhom bi frekwenzi differenti li jiddependu fuq id-daqs relattiv ta' l-ekonomija ta' l-Istat Membru ta' l-NCB fiż-żona ta' l-euro. L-allokazzjoni ta' gvernaturi lill-gruppi hija għalhekk dipendenti fuq l-ikklassifikar ta' l-Istat Membru ta' l-NCB bbażat fuq indikatur b'żewġ komponenti: id-daqs tas-sehem ta' l-Istat Membru ta' l-NCB (i) fil-prodott gross domestiku komplessiv bil-prezzijiet tas-suq (hawnhekk iżjed ‘il quddiem GDP mp) ta' l-Istati Membri li adottaw l-euro; u (ii) fit-total komplessiv tal-balance sheet ta' l-istituzzjonijiet monterarji finazjarji (hawnhekk iżjed ‘il quddiem TABS-MFIs) ta' l-Istati Membri li adottaw l-euro. Il-piż ekonomiku ta' l-Istat Membru kif rifless fil-GDP mp tiegħu huwa komponent appropjat bħalma l-impatt tad-deċiżjonijiet tal-bank ċentrali huwa akbar fl-Istati Membri li għandhom ekonomiji akbar minn dawk b'ekonomiji iżgħar. Fl-istess ħin, id-daqs tas-settur finanzjarju ta' Stat Membru għandu wkoll rilevanza partikolari għad-deċiżjonijiet tal-bank ċentrali, billi il-kontropartijiet ta' l-operazzjonijiet tal-bank ċentrali jappartjenu għal dan is-settur. Piż ta' 5/6 huwa attribwit lill-GDP mp u piż ta' 1/6 lit-TABS-MFIs. Din l-għażla ta' piżijiet hija adattata, minħabba li din tfisser li s-settur finanzjarju huwa rappreżentat b'mod suffiċjenti u elokwenti.

(6) Sabiex jipprovdi għall-introduzzjoni mingħajr diffikultà tas-sistema ta' rotazzjoni, it-twaqqif tagħha ser iseħħ f'żewġ stadji. Fl-ewwel stadju l-gvernaturi ser ikunu allokati f'żewġ gruppi malli n-numru tagħhom jeċċedi l-15. Il-frekwenza tad-drittijiet tal-vot tal-gvernaturi allokati lill-ewwel grupp mhux ser ikun anqas mill-frekwenza tad-drittijiet tal-vot ta' dawk tat-tieni grupp. Meta numru sinifikattiv ta' Stati Membri ġodda jkunu daħlu fiż-żona euro, jiġifieri n-numru ta' gvernaturi jeċċedi l-21, huma jkunu allokati lill-tlett gruppi. Fi ħdan kull grupp il-gvernaturi għandhom dritt tal-vot għall-ammonti ta' żmien ugwali. Id-disposizzjoniiet dettaljati dwar l-implimentazzjoni dwar iż-żewġ prinċipji kif ukoll kull deċiżjoni possibbli biex jiġi pospost il-bidu tas-sistema ta' rotazzjoni biex tiġi evitata sitwazzjoni li gvernaturi fi ħdan xi wieħed mill-gruppi għandhom frekwenza ta' voti ta' 100 % għandhm jiġu adottati mill-Kunsill Regolatorju, li jaġixxi b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri kollha tiegħu, bid-dritt tal-vot jew mingħajru.

(7) L-ishma ta' kull Stat Membru ta' l-NCBs fil-GDP mp komplessiv u fit-TABS-MFIs ta' l-Istati Membri li adottaw l-euro għandhom ikunu aġġustati kull meta l-GDP mp komplessiv huwa aġġustat skond l-Artikolu 29.3 ta' l-Istatut jew kull meta n-numru ta' gvernaturi fil-Kunsill Regolatorju jiżdied. L-ishma l-ġodda li jirriżultaw minn aġġustamenti regolari għandhom japplikaw mill-ewwel ġurnata tas-sena ta' wara. Malli wieħed jew aktar mill-gvernaturi jsiru membri tal-Kunsill Regolatorji, il-perjodi ta' riferenza li għandhom jintużaw biex jiġi kalkolati l-ishma ta' l-Istat Membru ta' l-NCBs rispettivi fil-GDP mp komplessiv u fit-TABS-MFI ta' l-Istati Membri li adottaw l-euro għandhom ikun identiċi għal dawk użati għall-aħħar aġġustament kwinkwennjali ta' l-ishma. L-ishma l-ġodda li jirriżultaw minn dawn l-aġġustamenti mhux regolari japplikaw mill-ġurnata li fiha l-gvernatur(i) jingħaqad(jingħaqdu) fil-Kunsill Regolatorju. Dawn id-dettlaji operazzjonali huma parti mid-disposizzjoniiet ta' implimentazzjoni li għandhom jiġu adottati mill-Kunsill Regolatorju,

IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

L-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew huma hawnhekk emendati kif ġej:

L-Artikolu 10.2 ta' l-Istatut għandu jkun mibdul b'dan li ġej:

"(10.2) Kull membru tal-Kunsill Regolatorju għandu jkollu vot wieħed. Mid-data li fiha n-numru ta' membri tal-Kunsill Regolatorju jeċċedi l-21, kull membru tal-Kunsill Regolatorju għandu jkollu vot wieħed u n-numru ta' gvernaturi bid-dritt tal-vot għandu jkun 15. Dawn id-drittijiet tal-vot ta' l-aħħar għandhom ikunu assenjati u għandhom iduru kif ġej:

- mid-data li fiha n-numru ta' gvernaturi jeċċedi l-15, sakemm jilħaq 22, il-gvernaturi għandhom ikunu allokati għal żewġ gruppi, skond l-ikklassifikar tad-daqs ta-sehem ta' l-Istat Membru tal-bank ċentrali nazzjonali fil-prodott gross domestiku komplessiv bi prezzijiet tas-suq u fit-total komplessiv tal-balance sheet ta' l-istituzzjonijiet monetarji finanzjarji ta' l-Istati Membri li adottaw l-euro. L-ishma fil-prodott gross domestiku komplessiv bil-prezzijiet tas-suq u fit-total komplessiv tal-balance sheet ta' l-istituzzjonijiet monetarji finanzjarji għandhom ikunu assenjati l-piżijiet ta' 5/6 u 1/6 rispettivament. L-ewwel grupp għandu jkun kompost minn ħames gvernaturi u t-tieni grupp mill-gvernaturi li jkun fadal. Il-frekwenza tad-drittijiet tal-vot tal-gvernaturi allokati għall-ewwel grupp m'għandux ikun anqas mill-frekwenza tad-drittijiet tal-vot ta' dawk tat-tieni grupp. Bla ħsara għas-sentenza preċedenti, l-ewwel grupp għandu jkun assenjat erba' drittijiet tal-vot u t-tieni grupp ħdax il-dritt tal-vot;

- mid-data li fiha n-numru ta' gvernaturi jilħaq 22, il-gvernaturi għandhom ikun allokati lil tlett gruppi skond klassifikazzjoni bbażata fuq il-kriterji t'hawn fuq. L-ewwel grupp għandu jkun kompost minn ħames gvernaturi u għandu jkun assenjat b'erba' drittijiet tal-vot. It-tieni grupp għandu jkun kompost minn nofs in-numru totali ta' gvernaturi, b'kull frazzjoni miżjuda sa' l-eqreb numru sħiħ, u għandu jkun assenjat tmien drittijiet tal-vot. It-tielet grupp għandu jkun kompost mill-bqija tal-gvernaturi u għandu jkun assenjat tlett drittijiet tal-vot;

- f'kull grupp, il-gvernaturi għandhom ikollhom id-drittijiet tal-vot tagħhom għal ammonti ta' żmien ugwali;

- għall-kalkolazzjoni ta' l-ishma fil-prodott gross domestika komplessiv bil-prezzijiet tas-suq għandu japplika l-Artikolu 29.2. It-total komplessiv tal-balance sheet ta' l-istituzzjonijiet finazjarju monetarji għandu jkun kalkolat skond il-qafas ta' l-istatistika li japplika fil-Komunità Ewropea fil-ħin tal-kalkolazzjoni;

- kull meta l-prodott gross domestiku komplessiv bil-prezzijiet tas-suq ikun aġġustat skond l-Artikolu 29.3, jew kull meta n-numru ta' gvernaturi jiżdied, id-daqs u/jew il-kompożizzjoni tal-gruppi għandu jkun aġġustat skond il-prinċipji msemmija hawn fuq;

- il-Kunsill Regolatorju, li jaġixxi b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri tiegħu, bid-dritt tal-vot jew mingħajr id-dritt tal-vot, għandu jieħu l-passi kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-prinċipji msemmija hawn fuq u jista' jiddeċiedi li jipposponi l-bidu tas-sistema ta' rotazzjoni sad-data li fiha n-numru ta' gvernaturi jeċċedi 18.

Id-dritt tal-vot għandu jiġi eżerċitat personalment. B'deroga minn din ir-regola, ir-Regoli ta' Proċedura msemmija fl-Artikolu 12.3 jistgħu jistabbilixxu li membri tal-Kunsill Regolatorju jistgħu jitfgħu l-vot tagħhom permezz ta' teleconferencing. Dawn ir-regoli għandu jipprovdu wkoll li membru tal-Kunsill Regolatorju li ma jkunx jista' jattendi l-laqgħat tal-Kunsill Regolatorju għall-perjodu twil jista' jaħtar sostitut bħala membru tal-Kunsill Regolatorju.

Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti huma mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-vot tal-membri kollha tal-Kunsill Regolatorju, bid-dritt tal-vot jew mingħajru, skond l-Artikoli 10.3, 10.6 u 41.2.

Ħlief kif provdut f'dan l-Istatut, il-Kunsill Regolatorju għandu jaġixxi b'maġġornaza sempliċi tal-membri li għandhom d-dritt tal-vot. F'każ ta' riżultat b'voti ndaqs, il-President għandu jkollu vot deċiżiv.

Sabiex il-Kunsill Regolatorju jkun jista' jivvota, irid ikun hemm kworum ta' żewġ terzi tal-membri li għandhom id-dritt tal-vot. Jekk il-kworum ma jintlaħaqx, il-President jista' jsejjaħ laqgħa straordinarja li matulha deċiżjonijiet jittieħdu mingħajr konsiderazzjoni għall-kworum."

Artikolu 2

1. Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ratifikata mill-Istati Membri kollha skond l-obbligi kostituzzjonali rispettivi. L-istrumenti tar-ratifikazzjoni għandhom jiġu depożitati mal-Gvern tar-Repubblika Taljana.

2. Din id-Deċiżjoni għandha tiġi fis-seħħ fl-ewwel ġurnata tat-tieni xahar wara dak li fih l-istrument tar-ratifikazzjoni jkun depożitat mill-aħħar Stat Membru firmatarju sabiex jaderixxi ma' dik il-formalità.

Magħmula fi Brussel, fil-21 ta' Marzu 2003.

Għall-Kunsill, li qed jiltaqa' fil-komposizzjonita' Kapijiet ta' l-Istat jew Gvern

Il-President

C. Simitis

[1] L-Istatut stabbilit mill-Protokoll anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, kif emendat mit-Trattat ta' Nizza.

[2] ĠU C 29, 07.02.03, p. 6.

[3] L-Opinjoni mogħtija fit-13 ta' Marzu 2003 (għadha m'hix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[4] L-Opinjoni mogħtija fil-21 ta' Frar 2003 (għadha m'hix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

--------------------------------------------------

Fuq