EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32012D0032(01)

2012/839/UE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tad- 19 ta’ Diċembru 2012 dwar miżuri temporanji marbutin mal-eliġibbiltà ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika (BĊE/2012/32)

ĠU L 359, 29.12.2012, p. 74–76 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument M’għadux fis-seħħ, Data tat-tmiem tal-validitàà: 02/05/2013; Imħassar b' 32013D0005(01)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/839/oj

29.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 359/74


DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tad-19 ta’ Diċembru 2012

dwar miżuri temporanji marbutin mal-eliġibbiltà ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika

(BĊE/2012/32)

(2012/839/UE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikoli 3.1, l-Artikolu 12.1, l-Artikolu 18 u t-tieni inċiż tal-Artikolu 34.1,

Wara li kkunsidra l-Linja Gwida BĊE/2011/14 tal-20 ta’ Settembru 2011 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema (1), u b’mod partikolari t-Taqsima 1.6 u t-Taqsimiet 6.3.1, 6.3.2 u 6.4.2 ta’ Anness I tagħha,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 18.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (BĊNi) jistgħu jwettqu operazzjonijiet ta' kreditu ma' istituzzjonijiet ta' kreditu u parteċipanti oħra fis-suq, bis-self ikun ibbażat fuq kollateral adegwat. Il-kriterji li jiddeterminaw l-eliġibbiltà ta’ kollateral għall-finijiet tal-operazzonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema huma stabbiliti f'Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14.

(2)

Skont it-Taqsima 1.6 ta’ Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14, il-Kunsill Governattiv jista’, f’kull ħin, jibdel l-istrumenti, il-kundizzjonijiet, il-kriterji u l-proċeduri għall-eżekuzzjoni tal-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema. Skont it-Taqsima 6.3.1 ta’ Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14, l-Eurosistema tirriżerva d-dritt li tiddetermina jekk ħruġ, emittent, debitur jew garanti jissodisfax ir-rekwiżiti tagħha għal standards għoljin abbażi ta’ kull informazzjoni li tista’ tqis bħala relevanti.

(3)

Id- Deċiżjoni BĊE/2012/3 tal-5 ta’ Marzu 2012 dwar l-eliġibbiltà ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika fil-kuntest tal-offerta għall-iskambju ta’ dejn tar-Repubblika Ellenika (2) issospendiet b’mod temporanju r-rekwiżiti minimi tal-Eurosistema għal-limiti minimi tal-kwalità tal-kreditu applikabbli għal strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika, u ddikjarathom eliġibbli għad-dewmien tat-tisħiħ tal-kollateral mogħti mir-Repubblika Ellenika lill-BĊNi. Mat-terminazzjoni tat-tisħiħ tal-kollateral, peress illi dak iż-żmien l-adegwatezza bħala kollateral ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika ma’ kenitx żgurata, il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2012/14 (3) li tħassar id-Deċiżjoni BĊE/2012/3 b’effett mil-25 ta’ Lulju 2012, biex b’hekk għamel lil dawn l-istrumenti ineliġibbli.

(4)

Il-Kunsill Governattiv issa kkunsidra l-evalwazzjoni pożittiva tal-pakkett politiku mill-Grupp tal-euro għall-ewwel rieżami tat-Tieni Programm ta’ Aġġustament Ekonomiku għall-Greċja.

(5)

Il-Kunsill Governattiv iqis illi dan il-pakkett politiku huwa wieħed xieraq, biex l-istrumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika jkollhom standard ta’ kwalità suffiċjenti sabiex tiggarantixxi l-eliġibbiltà tagħhom bħala kollateral għal operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema, irrispettivament minn xi valutazzjoni tal-kreditu esterna.

(6)

Il-Kunsill Governattiv għalhekk iddeċieda illi jrodd l-eliġibbiltà ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika għal operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema, suġġett għall-applikazzjoni ta’ telf impost speċifiku għal strumenti li huma differenti minn dawn li għalihom hemm provvediment f’Taqsima 6.4.2 ta’ Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14.

(7)

Din il-miżura eċċezzjonali ser tapplika b’mod temporanju sakemm il-Kunsill Governattiv iqis illi tista’ terġa' tiddaħħal l-applikazzjoni normali tal-kriterji ta’ eliġibbiltà tal-Eurosistema u l-qafas għall-kontroll tar-riskju għal operazzjonijiet tal-politika monetarja,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Sospensjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Linja Gwida BĊE/2012/14 u l-eliġibbiltà ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika

1.   Ir-rekwiżiti minimi tal-Eurosistema għall-kwalità tal-kreditu, kif speċifikat fir-regoli tal-qafas tal-valutazzjoni tal-kreditu tal-Eurosistema għal ċerti assi negozjabbli fit-Taqsima 6.3.2 ta’ Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14 għandha tiġi sospiża għal strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika.

2.   Strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika jikkostitwixxu kollateral eliġibbli għall-finijiet tal-operazzjoniiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema, suġġett għall-applikazzjoni ta’ telf impost speċifiku stabbilit fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

3.   F’każ ta’ diskrepanza bejn din id-Deċiżjoni u l-Linja Gwida BĊE/2011/14, din id-Deċiżjoni għandha tipprevali.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċizjoni tidħol fis-seħħ fil-21 ta’ Diċembru 2012.

Magħmul fi Frankfurt am Main, id-19 ta’ Diċembru 2012.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 331, 14.12.2011, p. 1.

(2)  ĠU L 77, 16.3.2012, p. 19.

(3)  ĠU L 199, 26.7.2012, p. 26.


ANNESS

Skeda ta’ tnaqqis impost applikabbli għal strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika

Bonds tal-Gvern Grieg (GGBs – Greek Government bonds)

Maturity bucket

Telf impost għal kupuni fissi u floaters

Telf impost għal kupuni zero

0-1

15,0

15,0

1-3

33,0

35,5

3-5

45,0

48,5

5-7

54,0

58,5

7-10

56,0

62,0

> 10

57,0

71,0

Government-guaranteed bank bonds (GGBBs) u bonds ta’ korporazzjonijiet mhux finanzjarji ggarantiti mill-gvern

Maturity bucket

Telf impost għal kupuni fissi u floaters

Telf impost għal kupuni zero

0-1

23,0

23,0

1-3

42,5

45,0

3-5

55,5

59,0

5-7

64,5

69,5

7-10

67,0

72,5

> 10

67,5

81,0


Fuq