EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32005O0015

2005/951/KE: Linja ta’ Gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 15 ta’ Diċembru 2005 li temenda l-Linja ta’ Gwida BĊE/2000/1 dwar il-maniġment ta’ l-assi barranin tar-riżerva tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-banek ċentrali nazzjonali, u d-dokumentazzjoni legali għal operazzjonijiet li jinvolvu l-assi barranin tar-riżerva tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2005/15)

ĠU L 345, 28.12.2005, p. 33–34 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 349M, 12.12.2006, p. 735–736 (MT)

Status legali tad-dokument M’għadux fis-seħħ, Data tat-tmiem tal-validitàà: 31/12/2006

ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2005/951/oj

12.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

735


LINJA TA’ GWIDA TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-15 ta’ Diċembru 2005

li temenda l-Linja ta’ Gwida BĊE/2000/1 dwar il-maniġment ta’ l-assi barranin tar-riżerva tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-banek ċentrali nazzjonali, u d-dokumentazzjoni legali għal operazzjonijiet li jinvolvu l-assi barranin tar-riżerva tal-Bank Ċentrali Ewropew

(BĊE/2005/15)

(2005/951/KE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea, partikolarment it-tielet subinċiż ta’ l-Artikolu 105(2),

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, partikolarment it-tielet subinċiż ta’ l-Artikolu 3.1 u ta’ l-Artikoli 12.1, 14.3 u 30.6,

Billi:

(1)

Il-Linja ta’ Gwida BĊE/2000/1 tat-3 ta’ Frar, 2000, dwar il-maniġment ta’ l-assi barranin tar-riżerva tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-banek ċentrali nazzjonali, u d-dokumentazzjoni legali għal operazzjonijiet li jinvolvu l-assi barranin tar-riżerva tal-Bank Ċentrali Ewropew (1) tispeċifika, inter alia, liema dokumentazzjoni legali għandha tintuża għal dawn l-operazzjonijiet.

(2)

Il-Linja ta’ Gwida BĊE/2000/1 ġiet emendata fil-11 ta’ Marzu, 2005, sabiex tirrifletti d-deċiżjoni tal-BĊE biex jintuża l-Ftehim Master tal-Federazzjoni Bankarja ta’ l-Unjoni Ewropea (Fédération Bancaire Européenne) (FBE) għal Tranżazzjonijiet Finanzjarji (Edizzjoni 2004) għal operazzjonijiet iggarantiti u operazzjonijiet ta’ derivattivi over-the-counter, li jinvolvu l-assi barranin tar-riżerva tal-BĊE, bil-kontropartijiet inkorporati jew organizzati skond il-liġijiet ta’ ċerti ġurisdizzjonijiet Ewropej.

(3)

Fir-rigward ta’ dawk il-kontropartijiet li huma inkorporati jew organizzati skond il-liġi Svediża, il-BĊE fil-preżent iqis li jkun adattat li jintuża l-Ftehim Master tal-FBE għal Tranżazzjonijiet Finanzjarji (Edizzjoni 2004):

(i)

għall-operazzjonijiet kollha ta’ derivattivi over-the-counter li jinvolvu l-assi barranin tar-riżerva tal-BĊE ma’ dawk il-kontropartijiet; u

(ii)

għad-dokumentazzjoni tad-depożiti li jinvolvu l-assi barranin tar-riżerva tal-BĊE ma’ dawk il-kontropartijiet sakemm dawn ikunu eliġibbli għal depożiti kif ukoll għal repo u/jew tranżazzjonijiet fil-kambju.

(4)

Għalhekk, il-Linja ta’ Gwida BĊE/2000/1 għandha tiġi emendata sabiex tipprovdi għall-użu tal-Ftehim Master tal-FBE għal Tranżazzjonijiet Finanzjarji (Edizzjoni 2004) għall-operazzjonijiet ta’ derivattivi over-the-counter u għad-depożiti ma’ kontropartijiet li huma inkorporati jew organizzati skond il-liġi Svediża, u konsegwentament sabiex tirrifletti d-deċiżjoni tal-BĊE biex ma jintużax aktar il-Ftehim Master dwar in-Netting tal-BĊE ma’ dawn il-kontropartijiet.

(5)

Skond l-Artikolu 12.1 u l-Artikolu 14.3 ta’ l-Istatut, il-Linji ta’ Gwida tal-BĊE jagħmlu parti integrali mil-liġi tal-Komunità,

ADOTTA DIN IL-LINJA TA’ GWIDA:

Artikolu 1

Il-Linja ta’ Gwida BĊE/2000/1 hija emendata kif ġej:

1.

L-Artikolu 3(3) huwa sostitwit b’li ġej:

“Għandu jkun hemm fis-seħħ mal-kontropartijiet kollha ftehim master dwar in-netting f’waħda mill-forom mehmużin bħala Anness 2 ma’ din il-Linja ta’ Gwida, ħlief mal-kontropartijiet li magħhom il-BĊE iffirma Ftehim Master tal-FBE għat-Tranżazzjonijiet Finanzjarji (Edizzjoni 2004) u li huma organizzati jew inkorporati skond il-liġijiet ta’ kwalunkwe ġurisdizzjoni minn dawn li ġejjin: l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, Spanja, l-Isvezja, ir-Renju Unit (l-Ingilterra u Wales biss) jew l-Isvizzera.”

2.

It-titlu ta’ l-Anness 2a huwa sostitwit b’li ġej:

“Ftehim Master dwar in-Netting iggvernat bil-liġi Ingliża u abbozzat bil-lingwa Ingliża (biex jintuża mal-kontropartijiet kollha għajr dawk il-kontropartijiet:

(i)

inkorporati fl-Istati Uniti ta’ l-Amerika; jew

(ii)

inkorporati fi Franza u l-Ġermanja u li huma eliġibbli biss għal depożiti; jew

(iii)

li magħhom il-BĊE iffirma Ftehim Master tal-FBE għat-Tranżazzjonijiet Finanzjarji (Edizzjoni 2004) u li huma organizzati jew inkorporati skond il-liġijiet ta’ kwalunkwe ġurisdizzjoni minn dawn li ġejjin: l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, Spanja, l-Isvezja, ir-Renju Unit (l-Ingilterra u Wales biss) jew l-Isvizzera.”

3.

Il-paragrafu 2(a) ta’ l-Anness 3 huwa sostitwit b’li ġej:

“Il-Ftehim Master tal-FBE għat-Tranżazzjonijiet Finanzjarji (Edizzjoni 2004) għal operazzjonijiet ma’ kontropartijiet organizzati jew inkorporati skond il-liġijiet ta’ kwalunkwe ġurisdizzjoni minn dawn li ġejjin: l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, Spanja, l-Isvezja, ir-Renju Unit (l-Ingilterra u Wales biss) jew l-Isvizzera.”

4.

Il-paragrafu 3 ta’ l-Anness 3 huwa sostitwit b’li ġej:

“Id-depożiti kollha li jinvolvu l-assi barranin tar-riżerva tal-BĊE ma’ kontropartijiet li huma eliġibbli għal operazzjonijiet iggarantiti kif deskritt fil-paragrafu 1 u/jew operazzjonijiet ta’ derivattivi over-the-counter kif deskritt fil-paragrafu 2, u li huma organizzati jew inkorporati skond il-liġijiet ta’ kwalunkwe ġurisdizzjoni minn dawn li ġejjin, għandhom jiġu ddokumentati permezz tal-Ftehim Master tal-FBE għat-Tranżazzjonijiet Finanzjarji (Edizzjoni 2004), f’dik il-forma li tista’ tiġi approvata jew emendata mill-BĊE minn żmien għal żmien: l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, Spanja, ir-Renju Unit (l-Ingilterra u Wales biss) jew l-Isvizzera.”

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din il-Linja ta’ Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-15 ta’ Marzu 2006.

Artikolu 3

Destinatarji

Din il-Linja ta’ Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali nazzjonali ta’ l-Istati Membri li adottaw l-ewro skond it-Trattat.

Magħmul fi Frankfurt am Main, nhar il-15 ta’ Diċembru 2005.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  ĠU L 207, 17.8.2000, p. 24. Il-Linja ta’ Gwida kif emendata l-aħħar bil-Linja ta’ Gwida BĊE/2005/6 (ĠU L 109, 29.4.2005, p. 107).


Fuq