EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea
Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 32008D0014
2008/892/EC: Decision of the European Central Bank of 28 October 2008 on transitional provisions for the application of minimum reserves by the European Central Bank following the introduction of the euro in Slovakia (ECB/2008/14)
2008/892/KE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat- 28 ta’ Ottubru 2008 dwar dispożizzjonijiet transitorji għall-applikazzjoni tar-riżervi minimi mill-Bank Ċentrali Ewropew wara l-introduzzjoni tal-ewro fis-Slovakja (BĊE/2008/14)
2008/892/KE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat- 28 ta’ Ottubru 2008 dwar dispożizzjonijiet transitorji għall-applikazzjoni tar-riżervi minimi mill-Bank Ċentrali Ewropew wara l-introduzzjoni tal-ewro fis-Slovakja (BĊE/2008/14)
ĠU L 319, 29.11.2008, p. 73–75
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Fis-seħħ
29.11.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 319/73 |
DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tat-28 ta’ Ottubru 2008
dwar dispożizzjonijiet transitorji għall-applikazzjoni tar-riżervi minimi mill-Bank Ċentrali Ewropew wara l-introduzzjoni tal-ewro fis-Slovakja
(BĊE/2008/14)
(2008/892/KE)
IL-BORD EŻEKUTTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn issa ’l quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”), u b’mod partikolari l-Artikolu 19.1 u l-ewwel inċiż tal-Artikolu 47.2,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2531/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar l-applikazzjoni tar-riżervi minimi mill-Bank Ċentrali Ewropew (1),
Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1745/2003 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-12 ta’ Settembru 2003 dwar l-applikazzjoni tar-riżervi minimi (BĊE/2003/9) (2),
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar is-setgħat tal-Bank Ċentrali Ewropew biex jimponi sanzjonijiet (3),
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-ġbir ta’ informazzjoni statistika mill-Bank Ċentrali Ewropew (4), u b’mod partikolari l-Artikoli 5(1) u 6(4),
Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 2423/2001 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta’ Novembru 2001 dwar il-karta tal-bilanċ ikkonsolidata tas-settur tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (BĊE/2001/13) (5),
Billi:
(1) |
L-adozzjoni tal-ewro mis-Slovakja fl-1 ta’ Jannar 2009 tfisser li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-fergħat tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jinsabu fis-Slovakja se jkunu suġġetti għall-obbligi tar-riżerva minn dik id-data. |
(2) |
L-integrazzjoni ta’ dawn l-entitajiet fis-sistema tar-riżervi minimi tal-Ewrosistema teħtieġ l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet transitorji sabiex tiġi żgurata l-integrazzjoni bla xkiel mingħajr ma jinħoloq piż sproporzjonat għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu fi Stati Membri parteċipanti, inkluża s-Slovakja. |
(3) |
L-Artikolu 5 tal-Istatut tas-SEBĊ flimkien mal-Artikolu 10 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita' Ewropea jimplika obbligu għall-Istati Membri biex jiddisinjaw u jimplimentaw fil-livell nazzjonali l-miżuri kollha xierqa biex jiġbru l-informazzjoni statistika meħtieġa biex jissodisfaw l-obbligi ta’ rappurtar ta’ statistika tal-BĊE u biex jiżguraw il-preparazzjoni fil-ħin fil-qasam tal-istatistika biex jaddottaw l-ewro, |
ADDOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, it-termini “istituzzjoni”, “obbligu tar-riżerva”, “perijodu ta’ manteniment”, “bażi tar-riżerva”, u “Stat Membru parteċipanti” għandhom l-istess tifsira bħal fir-Regolament (KE) Nru 1745/2003 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2003/9).
Artikolu 2
Dispożizzjonijiet transitorji għal istituzzjonijiet li jinsabu fis-Slovakja
1. B’deroga mill-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1745/2003 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2003/9), għandu jibda jiddekorri perijodu ta’ manteniment transitorju mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-20 ta’ Jannar 2009 għal istituzzjonijiet li jinsabu fis-Slovakja.
2. Il-bażi tar-riżerva għal kull istituzzjoni li tinsab fis-Slovakja għall-perijodu ta’ manteniment transitorju għandha tkun iddefinita fir-rigward tal-elementi tal-karta tal-bilanċ tagħha skond kif din tkun fil-31 ta’ Ottubru 2008. L-istituzzjonijiet li jinsabu fis-Slovakja għandhom jirrappurtaw il-bażi tar-riżerva tagħhom lin-Národná banka Slovenska skond il-qafas ta’ rappurtar tal-BĊE għall-istatistika monetarja u bankarja, kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 2423/2001 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2001/13). L-istituzzjonijiet li jinsabu fis-Slovakja li jibbenefikaw mid-deroga skond l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 2423/2001 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2001/13) għandhom jikkalkulaw bażi tar-riżerva għall-perijodu ta’ manteniment transitorju skond il-karta tal-bilanċ tagħhom skond kif din tkun fit-30 Settembru 2008.
3. Fir-rigward tal-perijodu ta’ manteniment transitorju, jew l-istituzzjoni li tinsab fis-Slovakja jew in-Národná banka Slovenska għandhom jikkalkulaw ir-riżervi minimi ta’ dik l-istituzzjoni. Il-parti li tikkalkula r-riżervi minimi għandha tippreżenta l-kalkoli tagħha lill-parti l-oħra u tħalli żmien biżżejjed biex din tal-aħħar tkun tista’ tivverifikahom u tippreżenta reviżjonijiet. Ir-riżervi minimi kkalkulati, inklużi kull reviżjonijiet, jekk applikabbli, għandhom ikunu kkonfermati miż-żewġ partijiet mhux aktar tard mid-9 ta’ Diċembru 2008. Jekk il-parti nnotifikata ma tikkonfermax l-ammont tar-riżervi minimi sad-9 ta’ Diċembru 2008, hija għandha titqies li tkun ikkonfermat li l-ammont ikkalkulat japplika għall-perijodu ta’ manteniment transitorju.
4. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 sa 4 tal-Artikolu 3 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-istituzzjonijiet li jinsabu fis-Slovakja sabiex dawn l-istituzzjonijiet jistgħu, għall-perijodi inizjali tagħhom ta’ manteniment, inaqqsu mill-bażi tar-riżerva tagħhom kull passiv dovut lil istituzzjonijiet fis-Slovakja, minkejja li fiż-żmien li r-riżervi minimi huma kkalkulati dawn l-istituzzjonijiet ma jidhrux fuq il-lista ta’ istituzzjonijiet suġġetti għall-obbligi tar-riżerva fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 1745/2003 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2003/9).
Artikolu 3
Dispożizzjonijiet transitorji għal istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri parteċipanti oħra
1. Il-perijodu ta’ manteniment li japplika għal istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri parteċipanti oħra skond l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1745/2003 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2003/9) għandu jibqa’ mhux affettwat bl-eżistenza ta’ perijodu ta’ manteniment transitorju għall-istituzzjonijiet li jinsabu fis-Slovakja.
2. L-istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri parteċipanti oħra jistgħu jiddeċiedu jnaqqsu mill-bażi tar-riżerva tagħhom għall-perijodi ta’ manteniment ta’ mill-10 ta’ Diċembru 2008 sal-20 ta’ Jannar 2009, u ta’ mill-21 ta’ Jannar sal-10 ta’ Frar 2009, kull passiv dovut lil istituzzjonijiet li jinsabu fis-Slovakja, minkejja li fiż-żmien li r-riżervi minimi huma kkalkulati dawn l-istituzzjonijiet ma jidhrux fil-lista ta’ istituzzjonijiet suġġetti għall-obbligi tar-riżerva fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 1745/2003 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2003/9).
3. L-istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri parteċipanti oħra li jixtiequ jnaqqsu l-passivi dovuti lil istituzzjonijiet li jinsabu fis-Slovakja għandhom, għall-perijodi ta’ manteniment ta’ mill-10 ta’ Diċembru 2008 sal-20 ta’ Jannar 2009, u ta’ mill-21 ta’ Jannar sal-10 ta’ Frar 2009, jikkalkulaw ir-riżervi minimi tagħhom skond kif tkun il-karta tal-bilanċ tagħhom fil-31 ta’ Ottubru u t-30 ta’ Novembru 2008 rispettivament, u jirrappurtaw tabella skond in-nota f’qiegħ il-paġna 5 tat-Tabella 1 ta’ l-Anness I mar-Regolament (KE) Nru 2423/2001 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2001/13) li turi l-istituzzjonijiet li jinsabu fis-Slovakja bħala li huma suġġetti diġa' tas-sistema tar-riżervi minimi tal-BĊE.
Dan għandu jsir mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-istituzzjonijiet biex jirrappurtaw informazzjoni statistika għall-perijodi rispettivi skond it-Tabella 1 tal-Anness I mar-Regolament (KE) Nru 2423/2001 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2001/13), li għadha turi l-istituzzjonijiet li jinsabu fis-Slovakja bħala banek li jinsabu f’’Il-Bqija tad-Dinja’.
It-tabelli għandhom jiġu rrappurtati skond il-limiti taż-żmien u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2423/2001 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2001/13).
4. Għall-perijodi ta’ manteniment li jibdew jiddekorru f’Diċembru 2008, Jannar u Frar 2009, l-istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri parteċipanti oħra li jibbenefikaw mid-deroga skond l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 2423/2001 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2001/13) u li jixtiequ jnaqqsu l-passivi dovuti lil istituzzjonijiet li jinsabu fis-Slovakja, għandhom jikkalkulaw ir-riżervi minimi tagħhom skond kif tkun il-karta tal-bilanċ tagħhom fit-30 ta’ Settembru 2008, u jirrappurtaw tabella skond in-nota f’qiegħ il-paġna 5 tat-Tabella 1 tal-Anness I mar-Regolament (KE) Nru 2423/2001 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2001/13) li turi l-istituzzjonijiet li jinsabu fis-Slovakja bħala li huma suġġetti diġa' tas-sistema tar-riżervi minimi tal-BĊE.
Dan għandu jsir mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-istituzzjonijiet biex jirrappurtaw informazzjoni statistika għall-perijodi rispettivi skond it-Tabella 1 tal-Anness I mar-Regolament (KE) Nru 2423/2001 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2001/13), li għadha turi l-istituzzjonijiet li jinsabu fis-Slovakja bħala banek li jinsabu f’’Il-Bqija tad-Dinja’.
It-tabelli għandhom jiġu rrappurtati skond il-limiti taż-żmien u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2423/2001 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2001/13).
Artikolu 4
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
1. Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lin-Národná banka Slovenska, istituzzjonijiet li jinsabu fis-Slovakja u istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri parteċipanti oħra.
2. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2008.
3. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi f’din id-Deċiżjoni, id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti BĊE/2003/9 u BĊE/2001/13 għandhom japplikaw.
Magħmula fi Frankfurt am Main, 28 ta’ Ottubru 2008.
Il-President tal-BĊE
Jean-Claude TRICHET
(1) ĠU L 318, 27.11.1998, p. 1.
(2) ĠU L 250, 2.10.2003, p. 10.
(3) ĠU L 318, 27.11.1998, p. 4.
(4) ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8.
(5) OJ L 333, 17.12.2001, p. 1.