EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32013D0036(01)

2013/646/UE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas- 26 ta’ Settembru 2013 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral (BĊE/2013/36)

ĠU L 301, 12.11.2013, p. 13–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument M’għadux fis-seħħ, Data tat-tmiem tal-validitàà: 19/08/2014; Imħassar b' 32014D0032

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/646/oj

12.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 301/13


DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-26 ta’ Settembru 2013

dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral

(BĊE/2013/36)

(2013/646/UE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1 u l-Artikolu 12.1, l-Artikolu 14.3 u l-Artikolu 18.2 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Linja gwida BĊE/2011/14 tal-20 ta’ Settembru 2011 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema (1) u d-Deċiżjoni BĊE/2013/6 tal-20 ta’ Marzu 2013 dwar ir-regoli fuq l-użu bħala kollateral ta’ bonds tal-bank skoperti għall-użu proprju ggarantiti mill-gvern għal operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema (2),

Wara li kkunsidra l-Linja gwida BĊE/2013/4 tal-20 ta’ Marzu 2013 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral u li temenda l-Linja gwida BĊE/2007/9 (3), u d-Deċiżjoni BĊE/2013/22 tal-5 ta’ Lulju 2013 dwar miżuri temporanji fir-rigward tal-eliġibbiltà ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika ta’ Ċipru (4),

Billi:

(1)

Bis-saħħa tal-Artikolu 18.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (minn hawn ’il quddiem il-“BĊNi”) jistgħu jmexxu operazzjonijiet ta’ kreditu ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u parteċipanti oħra fis-suq, bis-self ikun ibbażat fuq kollateral xieraq. Il-kundizzjonijiet standard li taħthom il-BĊE u l-BĊNi jinsabu lesti biex jidħlu f’operazzjonijiet ta’ kreditu, inklużi l-kriterji li jiddeterminaw l-eliġibbiltà ta’ kollateral għall-finijiet ta’ operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema, huma stipulati fl-Anness I tal-Linja gwida BĊE/2011/14, li ġie aġġustat skont ir-regoli dwar l-użu bħala kollateral ta’ bonds tal-bank skoperti għall-użu proprju ggarantiti mill-gvern għal operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema permezz tad-Deċiżjoni BĊE/2013/6.

(2)

Skont it-Taqsima 1.6 tal-Anness I tal-Linja gwida BĊE/2011/14, il-Kunsill Governattiv jista’, f’kull ħin, jibdel l-istrumenti, il-kundizzjonijiet, il-kriterji u l-proċeduri għat-twettiq ta’ operazzjonijiet ta’ politika monetarja tal-Eurosistema.

(3)

Il-Linja gwida BĊE/2013/4 u d-Deċiżjoni BĊE/2013/22 stabbilixxew miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward tal-eliġibbiltà tal-kollateral għall-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema.

(4)

Fis-17 ta’ Lulju 2013, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jsaħħaħ aktar il-qafas tiegħu għall-kontroll tar-riskju, billi jaġġusta l-kriterji tal-eliġibbiltà u t-telf impost applikat għall-kollateral aċċettat fl-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema u billi jadotta ċerti miżuri addizzjonali li jtejbu l-konsistenza ġenerali tal-qafas u l-implimentazzjoni prattika tiegħu. Uħud minn dawn id-deċiżjonijiet jaffettwaw miżuri temporanji addizzjonali relatati mal-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral ipprovduti fil-Linja gwida BĊE/2013/4, b’mod partikolari t-telf impost fil-valutazzjoni u d-dispożizzjonijiet dwar il-kontinwità fl-isservizzjar applikabbli għat-titoli ggarantiti minn assi aċċettati taħtu.

(5)

Barra minn hekk, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jaġġusta l-kriterji ta’ eliġibbiltà applikati għal talbiet ta’ kreditu addizzjonali taħt il-qafas temporanju tal-kollateral tal-Eurosistema.

(6)

Id-deċiżjonijiet imsemmija fil-Premessi 4 u 5 għandhom jiġu stipulati f’Deċiżjoni tal-BĊE,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Bidliet f’ċerti dispożizzjonijiet tal-Linja gwida BĊE/2013/4

1.   Ir-regoli għat-tmexxija ta’ operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema u l-kriterji tal-eliġibbiltà għall-kollateral stipulati f’din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw flimkien ma’ atti legali oħra tal-Eurosistema relatati mal-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema u, b’mod partikolari, mal-Linja gwida BĊE/2013/4.

2.   F’każ ta’ diskrepanza bejn din id-Deċiżjoni u l-Linja gwida BĊE/2013/4 u/jew kwalunkwe miżura li timplimentahom f’livell nazzjonali, għandha tipprevali din id-Deċiżjoni. Il-BĊNi għandhom ikomplu japplikaw id-dispożizzjonijiet kollha tal-Linja gwida BĊE/2013/4 mingħajr tibdil sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor f’din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Telf impost għat-titoli ggarantiti minn assi taħt il-qafas temporanju

1.   It-titoli ggarantiti minn assi li għalihom issir referenza fl-Artikolu 3(1) tal-Linja gwida BĊE/2013/4 għandhom ikunu suġġetti għat-telf impost li ġej fil-valutazzjoni:

(a)

10 % jekk għandhom żewġ gradazzjonijiet ta’ mill-inqas “A waħdanija” (5);

(b)

22 % jekk m’għandhomx żewġ gradazzjonijiet ta’ mill-inqas “A waħdanija”;

2.   It-titoli ggarantiti minn assi li għalihom issir referenza fl-Artikolu 3(5) tal-Linja gwida BĊE/2013/4 għandhom ikunu suġġetti għal telf impost fil-valutazzjoni ta’ 22 %.

Artikolu 3

Dispożizzjonijiet dwar il-kontinwità tas-servizzjar

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 3(6) tal-Linja gwida BĊE/2013/4, “dispożizzjonijiet dwar il-kontinwità tas-servizzjar” għandha jkollha t-tifsira speċifikata fil-paragrafu 2 hawn isfel.

2.   “Dispożizzjonijiet dwar il-kontinwità tas-servizzjar” tfisser dispożizzjonijiet fid-dokumentazzjoni legali ta’ titolu ggarantit minn assi li jikkonsistu jew f’dispożizzjonijiet dwar is-servizzjant sostitut jew dispożizzjonijiet dwar il-faċilitatur tas-servizzjant sostitut (jekk ma jkun hemm l-ebda dispożizzjoni dwar is-servizzjant sostitut). F’każ ta’ dispożizzjonijiet dwar il-faċilitatur tas-servizzjant sostitut, għandu jiġi nnominat faċilitatur tas-servizzjant sostitut u l-faċilitatur għandu jingħata l-mandat li jsib servizzjant sostitut xieraq fi żmien 60 jum minn meta jseħħ avveniment ta’ skatt sabiex jiżgura pagament fil-ħin u s-servizzjar tat-titolu ggarantit minn assi. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jinkludu l-iskattar tas-sostituzzjoni tas-servizzjant għall-ħatra ta’ servizzjant sostitut, li tista’ tkun ibbażata fuq klassifikazzjoni u/jew mhux ibbażata fuq klassifikazzjoni, eż. in-nuqqas tat-twettiq tal-obbligi mis-servizzjant kurrenti.

3.   It-titoli ggarantiti minn assi b’dispożizzjonijiet dwar il-kontinwità tas-servizzjar li jikkonformaw mal-Linja gwida BĊE/2013/4 li kienu fuq il-lista ta’ assi eliġibbli qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jibqgħu eliġibbli għal sena mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Bidliet fir-regoli għall-ammissjoni ta’ talbiet ta’ kreditu addizzjonali

Jekk iseħħu ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali msemmija fl-Artikolu 4(3) tal-Linja gwida BĊE/2013/4, il-BĊNi jistgħu, suġġett għall-approvazzjoni tal-Kunsill Governattiv, jaċċettaw talbiet ta’ kreditu:

(a)

fl-applikazzjoni tal-kriterji għall-eliġibbiltà u l-miżuri għall-kontroll tar-riskju stabbiliti minn BĊN ieħor bis-saħħa tal-Artikolu 4(1) u (2) tal-Linja gwida BĊE/2013/4;

(b)

irregolati bil-liġi ta’ kwalunkwe Stat Membru li mhux Stat Membru li fih il-BĊN aċċettanti huwa stabbilit;

(ċ)

li huma inklużi fil-ġabra tat-talbiet ta’ kreditu jew sostnuti minn assi tal-proprjetà immobbli, jekk il-liġi li tirregola t-talba ta’ kreditu jew id-debitur relevanti (jew garanti, fejn applikabbli) hija dik ta’ kwalunkwe Stat Membru li mhuwiex wieħed li fih il-BĊN huwa stabbilit.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċizjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 2013.

L-Artikolu 4 għandu jibda japplika mill-1 ta’ Jannar, 2014.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-26 ta’ Settembru 2013.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 331, 14.12.2011, p. 1.

(2)  ĠU L 95, 5.4.2013, p. 22.

(3)  ĠU L 95, 5.4.2013, p. 23.

(4)  ĠU L 195, 18.7.2013, p. 27

(5)  Gradazzjoni ta’ “A waħdanija” hija gradazzjoni ta’ mill-anqas “A3” minn Moody’s, “A-” minn Fitch jew Standard & Poor’s, jew “AL” minn DBRS.


Fuq