EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32013D0035

2013/645/UE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas- 26 ta’ Settembru 2013 dwar miżuri addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral (BĊE/2013/35)

ĠU L 301, 12.11.2013, p. 6–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument M’għadux fis-seħħ, Data tat-tmiem tal-validitàà: 30/04/2015; Imħassar b' 32015D0009

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/645/oj

12.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 301/6


DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-26 ta’ Settembru 2013

dwar miżuri addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral

(BĊE/2013/35)

(2013/645/UE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artiklu 3.1, l-Artikolu 12.1, l-Artikolu 14.3 u l-Artikolu 18.2 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Linja gwida BĊE/2011/14 tal-20 ta’ Settembru 2011 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema (1) u d-Deċiżjoni BĊE/2013/6 tal-20 ta’ Marzu 2013 dwar ir-regoli fuq l-użu bħala kollateral ta’ bonds tal-bank skoperti għall-użu proprju ggarantiti mill-gvern għal operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema (2),

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 18.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (minn hawn ’il quddiem il-“BĊNi”) jistgħu jmexxu operazzjonijiet ta’ kreditu ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u parteċipanti oħra fis-suq, bis-self ikun ibbażat fuq kollateral xieraq. Il-kundizzjonijiet standard li taħthom il-BĊE u l-BĊNi jinsabu lesti biex jidħlu f’operazzjonijiet ta’ kreditu, inkluż il-kriterji li jiddeterminaw l-eliġibbiltà ta’ kollateral għall-finijiet ta’ operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema, huma stabbiliti fl-Anness I tal-Linja gwida BĊE/2011/14 u d-Deċiżjoni BĊE/2013/6.

(2)

Il-Linja gwida BĊE/2013/4 tal-20 ta’ Marzu 2013 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral u li temenda l-Linja gwida BĊE/2007/9 (3), u d-Deċiżjoni BĊE/2013/22 tal-5 ta’ Lulju 2013 dwar miżuri temporanji fir-rigward tal-eliġibbiltà ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika ta’ Ċipru (4), stabbilixxew miżuri temporanji addizzjonali relatati mal-eliġibbiltà tal-kollateral għall-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema.

(3)

Bis-saħħa tat-Taqsima 1.6 tal-Anness I tal-Linja gwida BĊE/2011/14, il-Kunsill Governattiv jista’, fi kwalunkwe ħin, jibdel l-istrumenti, il-kundizzjonijiet, il-kriterji u l-proċeduri għat-twettiq ta’ operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema.

(4)

Fis-17 ta’ Lulju 2013, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jsaħħaħ aktar il-qafas tiegħu għall-kontroll tar-riskju, billi jaġġusta l-kriterji tal-eliġibbiltà u t-telf impost applikat għall-kollateral aċċettati fl-operazzjonijiet tal-politika monetarja u li jaddotta ċerti miżuri addizzjonali biex itejbu l-konsistenza ġenerali tal-qafas u tal-implimentazzjoni prattika tiegħu.

(5)

Id-deċiżjonijiet imsemmija fil-Premessa 4 għandhom jiġu stipulati f’Deċiżjoni tal-BĊE,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Bidliet u żidiet għal ċerti dispożizzjonijiet tal-Linja gwida BĊE/2011/14

1.   Ir-regoli għat-tmexxija ta’ operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema u l-kriterji tal-eliġibbiltà għall-kollateral stipulati f’din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw flimkien ma’ atti legali oħra tal-Eurosistema relatati mal-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema u, b’mod partikolari, mal-Linja gwida BĊE/2011/14.

2.   F’każ ta’ diskrepanza bejn din id-Deċiżjoni u l-Linja gwida BĊE/2011/14 u/jew kwalunkwe miżura li timplimentawhom f’livell nazzjonali, din id-Deċiżjoni għandha tipprevali. Il-BĊNi għandhom ikomplu japplikaw id-dispożizzjonijiet kollha tal-Linja gwida BĊE/2011/14 mingħajr tibdil sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor f’din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Talbiet għal informazzjoni

1.   Bħala parti mill-qafas tal-politika monetarja msemmija fil-Kapitolu 1 tal-Anness I tal-Linja gwida BĊE/2011/14, l-Eurosistema tirriżerva d-dritt li titlob u takkwista kwalunkwe informazzjoni relevanti meħtieġa biex jitwettqu l-kompiti u jinkisbu l-objettivi marbuta mat-tħaddim tal-politika monetarja.

2.   Dan id-dritt hu mingħajr preġudizzju għal drittijiet speċifiċi oħra eżistenti tal-Eurosistema biex tintalab informazzjoni relatata mat-tħaddim tal-politika monetarja.

Artikolu 3

Kriterji komuni ta’ eliġibbiltà għall-assi negozjabbli

1.   Dawn il-paragrafi li ġejjin għandhom jinqraw flimkien mar-rekwiżiti komuni ta’ eliġibbiltà għall-assi negozjabbli tal-Eurosistema msemmija fit-tieni subparagrafu tat-Taqsima 6.2.1.1(1) tal-Anness I tal-Linja gwida BĊE/2011/14 u l-miżuri tal-kontroll tar-riskju għall-assi negozjabbli msemmija fit-Taqsima 6.4.2 tal-Anness I tal-Linja gwida BĊE/2011/14.

2.   Kull strument eliġibbli ta’ dejn għandu jkollu:

(a)

(i)

ammont prinċipali li huwa fiss u mingħajr kundizzjoni (5); jew

(ii)

ammont prinċipali mingħajr kundizzjoni li huwa marbut fuq bażi fissa ta’ indiċi tal-inflazzjoni taż-żona tal-euro waħda biss f’mument partikolari, li ma jkun jinkludi ebda struttura oħra kkumplikata (6); u

(b)

(i)

kupuni fissi, żero, u multi-step bi skeda ta’ kupun predefinita u valuri tal-kupun predefiniti li ma jistgħux jirriżultaw fi fluss negattiv ta’ kontanti; jew

(ii)

kupun varjabbli li ma jistax jirriżulta fi fluss negattiv ta’ kontanti u li għandu l-istruttura li ġejja: rata tal-kupun = (rata ta’ referenza * l) ± x, b’ f ≤ rata tal-kupun ≤ c, fejn:

1.

ir-rata ta’ referenza hija biss waħda milli ġejjin f’mument partikolari:

(a)

rata tas-suq tal-flus tal-euro (eż. EURIBOR, LIBOR) jew indiċi simili,

(b)

rata kostanti ta’ tpartit ta’ maturità (eż. CMS, EIISDA, EUSA),

(c)

ir-rendiment bond wieħed tal-gvern taż-żona tal-euro, jew indiċi ta’ bosta minnhom, li għandhom maturità ta’ sena jew inqas, jew

(d)

indiċi tal-inflazzjoni taż-żona tal-euro pprovdut mill-Eurostat jew awtorità nazzjonali tal-istatistika ta’ Stat Membru (eż. HICP),

u għandha tkun l-istess rata ta’ referenza bħal (a)(ii) hawn fuq f’każ li l-ħlas lura tal-prinċipal huwa marbut ma’ rata ta’ referenza, u

2.

f (minimu), c (massimu), l (fattur leveraging/deleveraging) u x (marġni) huma, jekk preżenti, numri li huma ffissati u predefiniti fil-ħin tal-ħruġ, li jistgħu jinbidlu maż-żmien, fejn f, c, u x huma ikbar minn jew daqs żero u l huwa ikbar minn żero matul il-ħajja kollha tal-assi. Għall-kupuni varjabbli b’rata ta’ referenza ta’ indiċi ta’ inflazzjoni, l għandu jkun ugwali għal wieħed.

3.   L-istrutturi kollha mhux inklużi fil-paragrafu 2 huma ineliġibbli: Għalhekk, il-lista tal-istrutturi tal-kupun esklużi mit-tieni subparagrafu tat-Taqsima 6.2.1.1(1)(b)(v) tal-Anness I tal-Linja gwida BĊE/2011/14 għandha titqies li hija inapplikabbli. L-assi li kienu fil-lista ta’ assi eliġibbli fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni u li jsiru ineliġibbli minħabba l-paragrafu 2 għandhom jibqgħu eliġibbli għal 12-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

4.   Il-valutazzjoni tal-eliġibbiltà ta’ ass fir-rigward tal-istruttura tal-kupun tiegħu, fil-każ li l-kupun ikun tat-tip multi-step - fiss jew varjabbli -, għandha tiġi bbażata fuq it-tul tal-ħajja kollha tal-ass kemm b’perspettiva tal-ġejjieni kif ukoll tal-imgħoddi.

5.   Kupuni eliġibbli m’għandhomx ikollhom opzjonijiet għall-emittent, i.e. m’għandhomx jawtorizzaw bidliet fl-istruttura tal-kupun matul il-ħajja tal-ass, ibbażati fuq perspettiva tal-ġejjieni kif ukoll tal-imgħoddi, li huma kontinġenti fuq deċiżjoni tal-emittent.

6.   It-tieni paragrafu tat-Taqsima 6.7 tal-Anness I tal-Linja gwida BĊE/2011/14 m’għandux jibqa’ japplika.

Artikolu 4

Kriterju addizzjonali tal-eliġibbiltà għal titoli ggarantiti minn ipoteki kummerċjali

Mingħajr preġudizzju għall-kriterji ta’ eliġibbiltà fit-Taqsima 6.2.1.1.2 tal-Anness I tal-Linja gwida BĊE/2011/14, l-assi li jiġġeneraw likwidità fit-titoli ggarantiti minn ipoteki kummerċjali m’għandhomx ikollhom self li huma f’xi ħin, strutturati, sindikati jew leveraged. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, it-termini “self strutturat”, “self mingħand konsorzju” u “self leveraged” għandhom ikollhom l-istess tifsira mogħtija lilhom fil-punti 4 sa 6 tal-Artikolu 3(6) tal-Linja gwida BĊE/2013/4.

Artikolu 5

Kriterji speċifiċi ta’ eliġibbiltà għal bonds iggarantiti

1.   Il-paragrafi li ġejjin għandhom jinqraw flimkien mal-kriterju tal-eliġibbiltà addizzjonali għal bonds iggarantiti speċifikati fit-Taqsima 6.2.1.1.3 tal-Anness I tal-Linja gwida BĊE/2011/14.

2.   Għall-finijiet tat-Taqsima 6.2.1.1.3(b) tal-Anness I tal-Linja gwida BĊE/2011/14, entità titqies bħala parti minn grupp konsolidat jew affiljat tal-istess organu ċentrali jekk ikun hemm rabtiet mill-qrib bejn l-entitajiet involuti kif deskritti fit-Taqsima 6.2.3.2. Is-sħubija komuni jew affiljazzjoni fi grupp trid tiġi ddeterminata fiż-żmien li l-unitajiet superjuri tat-titolu garantit minn assi huma trasferiti fil-ġabra ta’ kopertura tal-bonds koperti, skont id-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar il-bidu u s-segwitu tan-negozju ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (7).

3.   Bonds koperti li ma kinux fil-lista tal-assi eliġibbli fit-30 ta’ Marzu 2013 għandhom jibbenefikaw minn perjodu ta’ anterjorità sat-28 ta’ Novembru 2014. Ħruġ tap ta’ tali bonds koperti jistgħu jibbenefikaw ukoll minn perjodu ta’ anterjorità kemm-il darba, mill-31 ta’ Marzu 2013, titoli ggarantiti minn assi li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti speċifikati fit-Taqsima 6.2.1.1.3(a) sa (c) tal-Anness I tal-Linja gwida BĊE/2011/14 ma jkunux miżjuda fil-ġabra ta’ kopertura.

4.   Il-paragrafi 1 sa 3 hawn fuq għandhom jinftiehmu mingħajr preġudizzju għar-regoli tad-Deċiżjoni BĊE/2013/6 dwar ir-regoli fuq l-użu bħala kollateral ta’ bonds tal-bank skoperti għall-użu proprju ggarantiti mill-gvern għal operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema.

Artikolu 6

Standards addizzjonali ta’ kreditu għoljin għall-assi negozjabbli

1.   Il-valutazzjoni ta’ kreditu ECAI tal-assi negozjabbli barra t-titoli ggarantiti minn assi, imsemmija fit-Taqsima 6.3.2(a) tal-valutazzjoni ta’ kreditu ECAI, tal-Anness I tal-Linja gwida BĊE/2011/14, għandha tkun suġġetta għal dawn il-kriterji:

(i)

Mill-inqas valutazzjoni waħda ta’ kreditu minn ECAI (8) aċċettat jew għal ħruġ jew, fin-nuqqas tal-klassifikazzjoni tal-ħruġ mill-istess ECAI, is-serje tal-programm/ħruġ li taħtu inħareġ l-ass, għandu jikkonforma mal-limitu minimu tal-kwalità tal-kreditu tal-Eurosistema (9). Il-BĊE jippubblika l-limitu minimu tal-kwalità tal-kreditu lill-ECAIs aċċettanti kollha, kif stabbilit fit-Taqsima 6.3.1 tal-Anness I tal-Linja gwida BĊE/2011/14 (10). Jekk diversi valutazzjonjiet ta’ kreditu tal-ECAI jkunu disponibbli għall-istess ħruġ jew, jekk applikabbli, għas-serje tal-programm/ħruġ, imbagħad tiġi applikata r-regola tal-ewwel u l-aqwa (jiġifieri l-aħjar valutazzjoni ta’ kreditu tal-ECAI disponibbli għall-ħruġ jew, jekk applikabbli, għas-serje tal-programm/ħruġ). Jekk il-valutazzjoni tal-kreditu għall-ħruġ fuq il-bażi tal-ewwel u l-aqwa jew, jekk applikabbli, għas-serje tal-programm/ħruġ ma tikkonformax mal-limitu minimu tal-kwalità tal-kreditu tal-Eurosistema, l-ass ma jkunx eliġibbli, anke jekk tkun teżisti garanzija aċċettabbli fit-Taqsima 6.3.2(c) tal-Anness I tal-Linja gwida BĊE/2011/14. Fin-nuqqas ta’ valutazzjoni ta’ kreditu ECAI għall-ħruġ jew, jekk applikabbli, is-serje tal-programm/ħruġ, l-aqwa valutazzjoni ta’ kreditu ECAI disponibbli għall-emittent jew il-garanti (jekk il-garanzija tkun aċċettabbli taħt it-Taqsima 6.3.2(c) tal-Anness I tal-Linja gwida BĊE/2011/14) għandha tikkonforma mal-limiti tal-kwalità tal-kreditu tal-Eurosistema biex l-assi jkunu eliġibbli.

(ii)

Għall-klassifikazzjonijiet tal-ħruġ ECAI u s-serje tal-programm/ħruġ, ma ssir l-ebda distinzjoni mill-maturità oriġinali tal-assi għall-iskopijiet li jiġu stabbiliti standards għoljin ta’ kreditu għall-assi negozjabbli. Kwalunkwe klassifikazzjoni ECAI assenjata mal-ħruġ u s-serje tal-programm/ħruġ li tilħaq il-limiti tal-kwalità tal-kreditu tal-Eurosistema hija aċċettabbli.Fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-emittenti jew il-garanti, il-valutazzjoni ta’ kreditu ECAI aċċettabbli tiddependi minn maturità oriġinali tal-assi.Issir distinzjoni bejn l-assi f’terminu qasir (jiġifieri dawk l-assi b’maturità oriġinali sa 390 ġurnata) u l-assi fuq żmien twil (jiġifieri dawk l-assi b’maturità oriġinali ta’ iktar minn 390 ġurnata). Għall-assi f’terminu qasir, klassifikazzjonijiet tal-emittent ECAI f’terminu qasir u fuq żmien twil u l-klassifikazzjonijiet tal-garanti fit-tul huma aċċettabbli, fuq bażi tar-regola tal-ewwel u l-aqwa.Għall-assi fuq żmien twil, l-emittenti fuq żmien twil ECAI jew il-klassifikazzjonijiet tal-garanti għal żmien twil huma aċċettabbli.

2.   Il-limitu tal-kwalità tal-kreditu applikabbli għat-titoli ggarantiti minn assi suġġett għall-ħtiġijiet ta’ rapportar ta’ dejta dwar il-livell ta’ self, kif speċifikat fil-qafas tal-valutazzjoni ta’ kreditu tal-Eurosistema fit-Taqsima 6.3.2(b) valutazzjoni ta’ kreditu ECAI tat-titoli ggarantiti minn assi – tal-Anness I tal-Linja gwida BĊE/2011/14, għandha tikkorrispondi ma’ Kreditu ta’ Kwalità tat-tip Pass 2 (CQS) fl-iskala ta’ klassifika armonizzata tal-Eurosistema (“A waħdanija” (11)) kemm fil-ħruġ kif ukoll matul il-ħajja tat-titoli ggarantiti minn assi. Ir-rekwiżiti l-oħra fit-Taqsima 6.3.2(b) tal-valutazzjoni ta’ kreditu ECAI tat-titoli ggarantiti minn assi tal-Anness I tal-Linja gwida BĊE/2011/14 għandha tibqa’ mingħajr tibdil.

3.   It-titoli ggarantiti minn assi li ma jikkonformawx mal-ħtiġijiet ta’ rapportar ta’ dejta dwar il-livell ta’ self għandhom jibqgħu suġġetti għall-ħtiġijiet ta’ valutazzjoni ta’ kreditu previsti fit-Taqsima 6.3.2(b)-valutazzjoni ta’ kreditu ECAI tat-titoli ggarantiti minn assi - tal-Anness I tal-Linja gwida BĊE/2011/14.

4.   Fin-nuqqas ta’ valutazzjoni ta’ kreditu ECAI għall-klassifikazzjoni ta’ ħruġ (jew, jekk applikabbli, is-serje tal-programm/ħruġ), l-istandards ta’ kreditu ogħla għall-assi negozjabbli, barra mit-titoli ggarantiti minn assi, jistgħu jiġu stabbiliti abbażi l-garanziji pprovduti minn garanti finanzjarjament sodi kif riferiti fit-Taqsima 6.3.2(c) tal-Anness I tal-Linja gwida BĊE/2011/14. Is-sodezza finanzjarja tal-garanti tiġi vvalutata fuq il-bażi ta’ klassifikazzjonijiet tal-garanti għal żmien twil ECAI li jissodisfaw il-limitu ta’ kwalità ta’ kreditu tal-Eurosistema. Il-garanzija għandha tilħaq ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (i) sa (iv) tat-Taqsima 6.3.2(c) tal-Anness I tal-Linja gwida BĊE/2011/14.

Artikolu 7

Determinazzjoni ta’ telf impost

Il-valutazzjoni tal-kreditu użata għall-finijiet tal-eliġibbiltà skont it-Taqsimiet 6.3.2 u 6.3.3 tal-Anness I tal-Linja gwida BĊE/2011/14 għandhom japplikaw biex jiddeterminaw it-telf impost applikabbli skont it-Taqsima 6.4.1 tal-Anness I tal-Linja gwida BĊE/2011/14.

Artikolu 8

Kategoriji ta’ telf impost u telf impost għall-assi negozjabbli u l-assi mhux negozjabbli

1.   Il-kategoriji ta’ likwidità għall-assi negozjabbli, kif speċifikati fil-miżuri ta’ kontroll ta’ riskju għal assi negozjabbli fl-Eurosistema fit-Tabella 6 tat-Taqsima 6.4.2 tal-Anness I tal-Linja gwida BĊE/2011/14, għandhom ikunu riferiti bħala kategoriji ta’ telf impost matul it-Taqsima, mingħajr tibdil fl-assenjazzjoni tal-assi eliġibbli lill-kategoriji rispettivi.

2.   Il-livelli tat-telf impost ta’ valutazzjoni applikati għall-assi negozjabbli, kif speċifikati fil-miżuri tal-kontroll tar-riskju tal-Eurosistema fit-Tabella 7 tat-Taqsima 6.4.2 tal-Anness I tal-Linja gwida BĊE/2011/14, għandhom jiġu sostituti mit-telf impost stipulat fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni.

3.   It-telf impost applikat għat-titoli ggarantiti minn assi inklużi fil-kategorija V tat-telf impost, speċifikata fit-Taqsima 6.4.2(d) tal-Anness I tal-Linja gwida BĊE/2011/14, għandu jkun 10 % irrispettivament mill-istrutturi tal-maturità u tal-kupun.

4.   Bonds koperti għall-użu proprju huma suġġetti għal telf impost ta’ valutazzjoni addizzjonali. Dan it-telf impost miżjud huwa direttament applikat għall-valur tal-ħruġ kollu tal-istrument tad-dejn individwali fil-forma ta’ tnaqqis ta’ valutazzjoni ta’ (a) 8 % għal bonds koperti għall-użu proprju fis-CQS1&2, u (b) 12 % għall-bonds koperti għall-użu proprju fis-CQS3. Għal dawn il-finijiet, “bonds koperti għall-użu proprju” tfisser bonds tal-banek koperti maħruġa jew minn kontroparti jew entitajiet marbuta mill-qrib magħha, u użati f’persentaġġ ogħla minn 75 % tal-ammont kunċettwali pendenti mill-kontroparti u/jew entitajiet b’rabtiet mill-qrib.

5.   Il-livelli tat-telf impost ta’ valutazzjoni applikati għall-assi mhux negozjabbli, kif speċifikati fil-miżuri tal-kontroll tar-riskju tal-Eurosistema fit-Tabella 9 tat-Taqsima 6.4.3 tal-Anness I tal-Linja gwida BĊE/2011/14, għandhom jiġu sostituti minn telf impost stipulati fl-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni.

6.   It-telf impost ta’ valutazzjoni għall-istrumenti ta’ dejn sostnuti minn ipoteki bl-imnut mhux negozjabbli, speċifikati fit-Taqsima 6.4.3.2 tal-Anness I tal-Linja gwida BĊE/2011/14, għandha tkun 39,5 % tal-ammont kunċettwali pendenti.

Artikolu 9

Rimedji f’każ ta’ inadempjenza u fuq bażi ta’ prudenza

1.   Ir-rimedji li l-arranġamenti kuntrattwali u regolatorji applikati mill-BĊN għandhom jiżguraw, kif riferiti fit-Taqsima I.7 tal-Anness II tal-Linja gwida BĊE/2011/14, għandhom ikunu suġġetti għat-termini speċifikati fil-paragrafi li ġejjin.

2.   Wara li jseħħ avveniment ta’ inadempjenza jew fuq raġunijiet ta’ prudenza, il-BĊN huwa intitolat li jeżerċita dawn ir-rimedji li ġejjin:

(a)

jissospendi, jillimita jew jeskludi l-Kontroparti mill-aċċess għall-operazzjonijiet ta’ suq miftuħ;

(b)

jissospendi, jillimita jew jeskludi l-Kontroparti mill-aċċess għall-faċilitajiet permanenti tal-Eurosistema;

(c)

itemm il-ftehimiet u t-tranżazzjonijiet kollha pendenti;

(d)

jitlob it-twettiq aċċellerat tat-talbiet li għadhom ma mmaturawx jew li huma kontinġenti;

(e)

juża d-depożiti tal-Kontroparti mqiegħda mal-BĊN biex ipaċi t-talbiet kontra dik il-Kontroparti;

(f)

jissospendi t-twettiq tal-obbligi fil-konfront tal-Kontroparti sakemm it-talba kontra l-Kontroparti tkun ġiet sodisfatta.

3.   Barra minn dan, wara li jseħħ avveniment ta’ inadempjenza, il-BĊN jista’ jkun intitolat li jeżerċita dawn ir-rimedji li ġejjin:

(a)

jitlob l-imgħax għall-inadempjenza;

(b)

jitlob kumpens għal kull telf li jirriżulta bħala konsegwenza ta’ inadempjenza mill-Kontroparti.

4.   Barra minn hekk, fuq bażi ta’ prudenza, il-BĊN jista’ jkun intitolat li jiċħad, jillimita l-użu ta’ jew japplika t-telf impost supplimentari għal assi sottomessi bħala kollateral fl-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema mill-Kontroparti relevanti.

5.   Il-BĊN għandu f’kull ħin ikun f’pożizzjoni legali li jirrealizza l-assi kollha pprovduti bħala kollateral mingħajr dewmien żejjed u b’tali mod li jintitola lill-BĊN li jirrealizza l-valur tal-kreditu pprovdut, jekk il-Kontroparti ma tħallasx il-bilanċ negattiv tagħha mal-ewwel.

6.   Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni tal-miżuri imposti, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE jista’ jiddeċiedi fuq ir-rimedji, inkluża s-sospensjoni, il-limitazzjoni jew l-esklużjoni mill-aċċess għall-ftuħ tal-operazzjonijiet tas-suq jew il-faċilitajiet permanenti tal-Eurosistema.

Artikolu 10

Kjarifika tad-definizzjoni tal-pajjiżi taż-ŻEE

1.   Għall-finijiet tal-qafas tal-kollateral tal-Eurosistema, il-pajjiżi taż-ŻEE għandhom jinftiehmu li jinkludu l-Istati Membri kollha tal-UE, irrispettivament minn jekk aderixxewx formalment maż-ŻEE jew le, flimkien mal-Islanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja.

2.   Id-definizzjoni tal-pajjiżi taż-ŻEE li tinsab fl-Appendiċi 2 tal-Anness I tal-Linja gwida BĊE/2011/14 (Glossarju) għandha titqies li hija emendata f’dan is-sens.

Artikolu 11

Aġġustamenti fl-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-livell ta’ self għat-titoli ggarantiti minn assi

1.   Mingħajr preġudizzju għat-Taqsima 6.2.1.1.2 tal-Anness I tal-Linja gwida BĊE/2011/14 u l-Appendiċi 8 tiegħu, l-Eurosistema tista’ taċċetta bħala titoli ggarantiti minn assi kollateral eliġibbli b’punteġġ inqas minn A1 wara t-tlestija tal-perjodu tranżitorju relevanti, fuq bażi ta’ każ b’każ u suġġett għad-dispożizzjoni tal-ispjegazzjonijiet adegwati għan-nuqqas li jakkwista l-punteġġ mandatorju. Għal kull spjegazzjoni adegwata l-Kunsill Governattiv għandu jispeċifika livell ta’ tolleranza massima u orizzont ta’ tolleranza. L-orizzont ta’ tolleranza għandu jindika li l-kwalità tad-dejta għat-titoli ggarantiti minn assi għandhom jitjiebu fi żmien perjodu speċifiku.

2.   Il-lista sħiħa tal-ispjegazzjonijiet adegwati, il-livelli ta’ tolleranza u l-orizzonti ta’ tolleranza huma disponibbli fuq il-websajt tal-BĊE u tikkonsisti, inter alia, f’deskrizzjonijiet tal-assi tradizzjonali u s-sistemi tal-IT tradizzjonali.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.   Din id-Deċizjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 2013.

2.   Bħala eċċezzjoni, l-Artikolu 8(4) għandu japplika mill-1 ta’ Novembru 2013.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-26 ta’ Settembru 2013.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 331, 14.12.2011, p. 1.

(2)  ĠU L 95, 5.4.2013, p. 22.

(3)  ĠU L 95, 5.4.2013, p. 23.

(4)  ĠU L 195, 18.7.2013, p. 27.

(5)  Bonds b’mandati jew drittijiet simili oħrajn annessi magħhom mhumiex eliġibbli.

(6)  Strumenti ta’ debitu b’ammont prinċipali marbut ma’ indiċi ta’ inflazzjoni taż-żona tal-euro waħda biss f’mument wieħed huma permissibbli wkoll billi l-istruttura tal-kupun hija skont kif iddefinita fl-Artikolu 3(2)(b)(ii)(l)(d) u hija marbuta mal-istess indiċi ta’ inflazzjoni.

(7)  ĠU L 177, 30.6.2006, p. 1.

(8)  L-ECAIs, l-ICASs u RTs terzi aċċettati u l-fornituri tagħhom huma mniżżla fil-websajt tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu

(9)  Valutazzjoni tal-ECAI għas-serje tal-programm/ħruġ hija relevanti biss jekk tapplika għal assi partikolari u ma tkun teżisti l-ebda klassifikazzjoni tal-ħruġ differenti mill-ECAI.

(10)  Dan it-tagħrif huwa ppubblikat fuq il-websajt tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu

(11)  Gradazzjoni ta’ “A waħdanija” hija gradazzjoni ta’ mill-anqas “A3” minn Moody’s, “A” minn Fitch jew Standard & Poor’s, jew “AL” minn DBRS.


ANNESS I

LIVELLI TAT-TELF IMPOST TA’ VALUTAZZJONI APPLIKATI GĦALL-ASSI NEGOZJABBLI ELIĠIBBLI

 

Kategoriji ta’ telf impost

Kwalità tal-kreditu

Maturità residwa

(snin)

Kategorija I

Kategorija II (*)

Kategorija III (*)

Kategorija IV (*)

Kategorija V (*)

kupun fiss

kupun żero

kupun fiss

kupun żero

kupun fiss

kupun żero

kupun fiss

kupun żero

 

Passi 1 u 2 (AAA sa A-) (**)

0-1

0,5

0,5

1,0

1,0

1,0

1,0

6,5

6,5

10,0

1-3

1,0

2,0

1,5

2,5

2,0

3,0

8,5

9,0

3-5

1,5

2,5

2,5

3,5

3,0

4,5

11,0

11,5

5-7

2,0

3,0

3,5

4,5

4,5

6,0

12,5

13,5

7-10

3,0

4,0

4,5

6,5

6,0

8,0

14,0

15,5

> 10

5,0

7,0

8,0

10,5

9,0

13,0

17,0

22,5

 

Kategoriji ta’ telf impost

Kwalità tal-kreditu

Maturità residwa

(snin)

Kategorija I

Kategorija II (*)

Kategorija III (*)

Kategorija IV (*)

Kategorija V (*)

kupun fiss

kupun żero

kupun fiss

kupun żero

kupun fiss

kupun żero

kupun fiss

kupun żero

 

Pass 3 (BBB + sa BBB-) (**)

0-1

6,0

6,0

7,0

7,0

8,0

8,0

13,0

13,0

Mhux eliġibbli

1-3

7,0

8,0

10,0

14,5

15,0

16,5

24,5

26,5

3-5

9,0

10,0

15,5

20,5

22,5

25,0

32,5

36,5

5-7

10,0

11,5

16,0

22,0

26,0

30,0

36,0

40,0

7-10

11,5

13,0

18,5

27,5

27,0

32,5

37,0

42,5

> 10

13,0

16,0

22,5

33,0

27,5

35,0

37,5

44,0


(*)  Titoli individwali sostnuti minn assi, bonds tal-banek koperti (bonds tal-banek koperti jumbo, bonds tal-banek koperti tradizzjonali u bonds tal-banek koperti oħrajn) u bonds tal-banek mhux koperti li teoretikament huma vvalutati skont it-Taqsima 6.5 tal-Anness I tal-Linja gwida BĊE/2011/14 huma suġġetti għal valutazzjoni addizzjonali tat-telf impost. Dan it-telf impost huwa applikat direttament fil-livell ta’ valutazzjoni teoretika tal-istrument ta’ dejn individwali f’forma ta’ tnaqqis ta’ valutazzjoni ta’ 5 %. Barra minn hekk, tnaqqis addizzjonali ta’ valutazzjoni huwa applikat fil-bonds koperti għall-użu proprju. Dan it-tnaqqis ta’ valutazzjoni huwa ta’ 8 % għall-bonds koperti għall-użu proprju fis-CQS1&2 u 12 % għall-bonds koperti għall-użu proprju fis-CQS3.

(**)  Il-klassifiki huma skont kif speċifikati fl-iskala ta’ klassifikazzjoni armonizzata tal-Eurosistema, ippubblikata fuq il-websajt tal-BĊE www.ecb.europa.eu


ANNESS II

LIVELLI TA’ VALUTAZZJONI TAT-TELF IMPOST APPLIKATI GĦAT-TALBIET TA’ KREDITU B’PAGAMENTI FISSI TAL-IMGĦAX

 

Metodoloġija ta’ valutazzjoni

Kwalità tal-kreditu

Maturità residwa (snin)

Pagament fiss ta’ imgħax u valutazzjoni bbażata fuq prezz teoretiku assenjat mill-BĊN

Pagament fiss ta’ imgħax u valutazzjoni bbażata skont l-ammont pendenti assenjat mill-BĊN

Passi 1 u 2 (AAA sa A-)

0-1

10,0

12,0

1-3

12,0

16,0

3-5

14,0

21,0

5-7

17,0

27,0

7-10

22,0

35,0

> 10

30,0

45,0

 

Metodoloġija ta’ valutazzjoni

Kwalità tal-kreditu

Maturità residwa (snin)

Pagament fiss ta’ imgħax u valutazzjoni bbażata fuq prezz teoretiku assenjat mill-BĊN

Pagament fiss ta’ imgħax u valutazzjoni bbażata skont l-ammont pendenti assenjat mill-BĊN

Pass 3 (BBB+ sa BBB-)

0-1

17,0

19,0

1-3

29,0

34,0

3-5

37,0

46,0

5-7

39,0

52,0

7-10

40,0

58,0

> 10

42,0

65,0


Fuq