EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32008R1053

Regolament (KE) Nru 1053/2008 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat- 23 ta’ Ottubru 2008 dwar bidliet temporanji fir-regoli dwar l-eliġibbiltà tal-garanziji (BĊE/2008/11)

ĠU L 282, 25.10.2008, p. 17–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument M’għadux fis-seħħ, Data tat-tmiem tal-validitàà: 30/11/2008

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1053/oj

25.10.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 282/17


REGOLAMENT (KE) Nru 1053/2008 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-23 ta’ Ottubru 2008

dwar bidliet temporanji fir-regoli dwar l-eliġibbiltà tal-garanziji

(BĊE/2008/11)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u partikolarment l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 105(2) u l-Artikolu 110,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew u partikolarment l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 34.1, flimkien ma’ l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 3.1 u l-Artikolu 18.2,

Billi:

(1)

Biex jittejjeb, temporanjament, l-għoti ta’ likwidità lill-kontropartijiet għall-operazzjonijiet tal-politika monetarja, għandhom jitwessgħu l-kriterji li jiddeterminaw l-eliġibbiltà tal-garanziji li l-kontropartijiet għall-operazzjonijiet tal-politika monetarja ta’ l-Ewrosistema jipprovdu lill-Ewrosistema biex jakkwistaw likwidità. Il-kriterji li jiddeterminaw l-eliġibbiltà tal-garanziji huma stabbiliti fil-Linja Gwida BĊE/2000/7 tal-31 ta’ Awwissu 2000 dwar l-istrumenti u l-proċedura tal-politika monetarja ta’ l-Ewrosistema (1).

(2)

Fil-15 ta’ Ottubru 2008, il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) iddeċieda li jwessa’ temporanjament ir-regoli dwar l-eliġibbiltà tal-garanziji għall-operazzjonijiet ta’ l-Ewrosistema. Barra minn hekk, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li d-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni tiegħu, kif ukoll kull miżura oħra dwar dawn il-kriterji mwessgħa ta’ l-eliġibbiltà jiġu kkomunikati minnufih.

(3)

Sabiex jimplimenta d-deċiżjoni hawn fuq imsemmija b’mod li jippermetti l-applikazzjoni tagħha minnufih, għandu jintuża regolament li ma jeħtieġx l-użu ta’ miżuri oħra ta’ eżekuzzjoni mill-banek ċentrali nazzjonli ta’ l-Istati Membri li adottaw l-ewro (minn issa “l quddiem ‘il-BĊNi”). Dan ir-Regolament għandu jibqa’ fis-seħħ għal perjodu limitat biss u se jiġi sostitwit minn Linja Gwida tal-BĊE,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Twessigħ ta’ ċerti kriterji ta’ l-eliġibbiltà għall-garanziji

1.   Il-kriterji ta’ l-eliġibbilità għall-garanziji stabbiliti fl-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2000/7 (minn issa ’l quddiem id-“Dokumentazzjoni Ġenerali”) għandhom jitwessgħu skond l-Artikoli 2 sa 7.

2.   Fil-każ ta’ xi diskrepanza bejn dan ir-Regolament u d-Dokumentazzjoni Ġenerali, kif implimentata fuq livell nazzjonali mill-BĊNi, ta’ l-ewwel għandu jipprevali. Il-BĊNi għandhom ikomplu japplikaw id-dispożizzjonijiet kollha tad-Dokumentazzjoni Ġenerali mingħajr tibdil sakemm ma jiġix stabbilit mod ieħor f’dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Aċċettazzjoni ta’ garanziji ddenominati f’dollari Amerikani, liri Sterlini jew yen Ġappuniżi bħala garanziji eliġibbli

1.   Strumenti ta’ dejn negozzjabbli kif deskritti fit-Taqsima 6.2.1 tad-Dokumentazzjoni Ġenerali, jekk iddenominati f’dollari Amerikani, liri Sterlini jew yen Ġappuniżi, għandhom jikkostitwixxu garanziji eliġibbli għall-finijiet tal-operazzjonijiet tal-politika monetarja ta’ l-Ewrosistema, bil-kundizzjoni li: (i) dawn jinħarġu u jinżammu/jitħallsu (settled) fiż-żona ta’ l-ewro; u (ii) min joħroġhom ikun stabbilit fiż-Żona Ekonomika Ewropea.

2.   Haircut addizzjonali ta’ 8 % għandha tiġi imposta mill-Ewrosistema fuq dawn l-istrumenti kollha ta’ dejn negozjabbli.

Artikolu 3

Aċċettazzjoni ta’ self sindakat irregolat bil-liġijiet ta’ l-Ingilterra u Wales bħala garanziji eliġibbli

1.   Self sindakat kif deskritt fit-Taqsima 6.2.2 tad-Dokumentazzjoni Ġenerali rregolat bil-liġijiet ta’ l-Ingilterra u ta’ Wales għandu jikkostitwixxi garanzija eliġibbli għall-finijiet ta’ l-operazzjonijiet tal-politika monetarja ta’ l-Ewrosistema.

2.   Barra minn dan, l-obbligu stabbilit fit-Taqsima 6.2.2 tad-Dokumentazzjoni Ġenerali, li jistabbilixxi li n-numru totali ta’ liġijiet li jirregolaw u li huma applikabbli għal: (i) il-kontroparti; (ii) il-kreditur; (iii) id-debitur; (iv) il-garanti (jekk rilevanti); (v) il-ftehim dwar il-klejm ta’ kreditu; u (vi) il-ftehim dwar il-mobilizzazzjoni m’għandux jaqbeż tnejn, għandu jiġi emendat fil-każ ta’ dan is-self sindakat sabiex in-numru totali ta’ liġijiet li jirregolaw ma jaqbiżx tlieta.

Artikolu 4

Aċċettazzjoni ta’ strumenti ta’ dejn maħruġin minn istituzzjonijiet ta’ kreditu, li huma nnegozjati f’ċerti swieq mhux irregolati bħala garanziji eliġibbli

1.   Strumenti ta’ dejn maħruġin minn istituzzjonijiet ta’ kreditu, li huma nnegozjati f’ċerti swieq mhux irregolati kif speċifikat mill-BĊE, għandhom jikkostitwixxu garanziji eliġibbli għall-finijiet ta’ l-operazzjonijiet tal-politika monetarja ta’ l-Ewrosistema.

2.   Haircut addizzjonali ta’ 5 % għandha tiġi imposta mill-Ewrosistema fuq dawn l-istrumenti kollha ta’ dejn.

Artikolu 5

Aċċettazzjoni ta’ garanziji b’valutazzjoni ta’ kreditu “BBB-” u ogħla, bħala garanziji eliġibbli

1.   L-obbligu minimu ta’ l-Ewrosistema għall-valutazzjoni ta’ l-istandard ta’ kreditu ta’ assi eliġibbli bħala garanziji għall-finijiet ta’ l-operazzjonijiet tal-politika monetarja ta’ l-Ewrosistema għandu jkun valutazzjoni ta’ kreditu ekwivalenti għal “BBB-”. Din il-bidla fl-obbligu tal-valutazzjoni ta’ kreditu għandha tapplika kemm għal assi negozjabbli u dawk mhux negozjabbli, bl-eċċezzjoni ta’ titoli bbażati fuq assi (asset-backed securities) kif deskritt fit-Taqsima 6.3 tad-Dokumentazzjoni Ġenerali, li għalihom l-obbligu għal standards għoljin ta’ kreditu m’għandux jinbidel.

2.   Haircut addizzjonali ta’ 5 % għandha tiġi imposta mill-Ewrosistema fuq l-assi kollha eliġibbli b’valutazzjoni ta’ kreditu ta’ anqas minn “A-”.

Artikolu 6

Aċċettazzjoni ta’ assi subordinati b’garanziji adegwati bħala garanziji eliġibbli

1.   L-obbligu li ma jkunx hemm subordinazzjoni fir-rigward ta’ l-eliġibbilità ta’ assi negozjabbli bħala garanziji għall-finijiet ta’ l-operazzjonijiet tal-politika monetarja ta’ l-Ewrosistema, kif deskritt fit-Taqsima 6.2.1 tad-Dokumentazzjoni Ġenerali, m’għandux japplika meta garanti li huwa sod finanzjarjament jipprovdi garanzija bla ebda kundizzjoni u irrevokabbli pagabbli ma’ l-ewwel talba għal dawn l-assi, kif iddefinit aktar fit-Taqsima 6.3.2 tad-Dokumentazzjoni Ġenerali.

2.   Haircut addizzjonali ta’ 10 % għandha tiġi imposta mill-Ewrosistema fuq dawn l-assi kollha, b’5 % oħra ta’ żvalutazzjoni fil-każ li jkun hemm valutazzjoni teoretika.

Artikolu 7

Aċċettazzjoni ta’ depożiti b’terminu ta’ żmien fiss bħala garanziji eliġibbli

Depożiti b’terminu ta’ żmien fiss kif deskritti fit-Taqsima 3.5 tad-Dokumentazzjoni Ġenerali minn kontropartijiet eliġibbli għandhom ikunu eliġibbli bħala garanziji għall-operazzjonijiet kollha ta’ finanzjament mill-ġdid ta’ l-Ewrosistema.

Artikolu 8

Miżuri oħra ta’ implimentazzjoni

Il-Kunsill Governattiv iddelega l-kompetenza biex jieħu kwalunkwe deċiżjonijiet oħra li jkunu meħtieġa biex jimplimenta d-deċiżjoni tiegħu tal-15 ta’ Ottubru 2008 lill-Bord Eżekuttiv.

Artikolu 9

Dispożizzjonijiet finali

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-25 ta’ Ottubru 2008. L-Artikoli 2 u 3 għandhom japplikaw mill-14 ta’ Novembru 2008.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika sat-30 ta’ Novembru 2008.

3.   Dan ir-Regolament għandu jiġi ppubblikat mingħajr dewmien fuq il-website tal-BĊE.

Magħmul fi Frankfurt am Main, 23 ta’ Ottubru 2008.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  ĠU L 310, 11.12.2000, p. 1.


Fuq