EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32008R1052

Regolament (KE) Nru 1052/2008 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat- 22 ta’ Ottubru 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1745/2003 (BĊE/2003/9) tat- 12 ta’ Settembru 2003 dwar l-applikazzjoni tar-riżervi minimi (BĊE/2008/10)

ĠU L 282, 25.10.2008, p. 14–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Edizzjoni speċjali bil-Kroat: Kapitolu 10 Volum 005 P. 78 - 80

Status legali tad-dokument M’għadux fis-seħħ, Data tat-tmiem tal-validitàà: 25/06/2021; Imħassar b' 32021R0378

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1052/oj

25.10.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 282/14


REGOLAMENT (KE) Nru 1052/2008 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-22 ta’ Ottubru 2008

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1745/2003 (BĊE/2003/9) tat-12 ta’ Settembru 2003 dwar l-applikazzjoni tar-riżervi minimi

(BĊE/2008/10)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn issa ‘l quddiem “l-Istatut tas-SEBĊ”) u b’mod partikolari l-Artikolu 19.1,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2531/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar l-applikazzjoni tar-riżervi minimi mill-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar is-setgħat tal-Bank Ċentrali Ewropew biex jimponi sanzjonijiet (2),

Whereas:

(1)

L-Artikolu 19.1 ta’ l-Istatut tas-SEBĊ jistabbilixxi li l-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jista’ jistabbilixxi regolamenti dwar il-kalkolu u d-determinazzjoni tar-riżervi minimi meħtieġa.

(2)

L-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 2531/98 jistabbilixxi li l-BĊE jista’, fuq bażi mhux diskriminatorja, jeżenta istituzzjonijiet mill-obbligu li jżommu riżervi minimi skond kriterji stabbiliti mill-BĊE.

(3)

Il-BĊE jikkunsidra li jinħtieġ li jiġu ristretti l-kriterji biex jingħataw eżenzjonijiet mill-obbligi tar-riżerva u, minbarra dan, li jiżdied kriterju ġdid fir-rigward tal-possibbiltà li tingħata eżenzjoni lil dawk l-istituzzjonijiet li jkunu suġġetti għal miżuri imposti mill-Komunità jew minn xi Stat Membru, liema miżuri jirriżultaw fl-iffriżar ta’ fondi jew fir-restrizzjoni ta’ l-użu ta’ fondi ta’ istituzzjoni, jew inkella li jkunu suġġetti għal deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE, liema deċiżjoni tissospendi jew teskludi l-aċċess ta’ l-istess istituzzjonijiet għall-operazzjonijiet tas-suq miftuħ jew għall-istanding facilities ta’ l-Ewrosistema.

(4)

Fid-dawl ta’ l-esperjenza passata, jinħtieġ ukoll li r-Regolament (KE) Nru 1745/2003 (BĊE/2003/9) (3) jiġi emendat biex jirfina d-definizzjoni tal-komponenti tal-bażi tar-riżerva, skond liema definizzjoni jiġu kkalkulati r-riżervi minimi, u d-dispożizzjonijiet dwar l-għoti ta’ eżenzjoni mill-obbligi ta’ rappurtar separat lill-istituzzjonijiet li jżommu riżervi minimi permezz ta’ intermedjarju.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 1745/2003 (BĊE/2003/9) għandu jipprovdi wkoll għal kriterji ġenerali li jirregolaw perijodi tranżitorji ta’ manteniment għall-istituzzjonijiet li jkunu saru suġġetti għall-obbligi tar-riżerva tal-BĊE minħabba l-adozzjoni ta’ l-ewro mill-Istati Membri li fihom huma jinsabu,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1745/2003 (BĊE/2003/9) huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2(2) u (3) huwa sostitwit b’li ġej:

“2.   Mingħajr ma tkun obbligata tippreżenta talba, istituzzjoni għandha tkun eżentata mill-obbligi tar-riżerva mill-bidu tal-perjodu ta’ manteniment li fih tiġi rtirata jew miċħuda l-awtorizzazzjoni tagħha, jew li fih tittieħed deċiżjoni, biex l-istituzzjoni titqiegħed fi proċedimenti ta’ xoljiment, minn awtorità ġudizzjarja jew kull awtorità kompetenti oħra ta’ Stat Membru parteċipanti.

Il-BĊE jista’ jeżenta lill-istituzzjonijiet li ġejjin mill-obbligi tar-riżerva fuq bażi mhux diskriminatorja:

(a)

l-istituzzjonijiet suġġetti għal miżuri ta’ riorganizzazzjoni;

(b)

l-istituzzjonijiet suġġetti għall-iffriżar ta’ fondi u/jew miżuri oħra imposti mill-Komunità jew minn xi Stat Membru skond l-Artikolu 60(2) tat-Trattat li jirrestrinġu l-użu tal-fondi tagħhom, jew li huma suġġetti għal deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE li tissospendi jew teskludi l-aċċess tagħhom għall-operazzjonijiet tas-suq miftuħ jew għall-istanding facilities ta’ l-Ewrosistema;

(ċ)

l-istituzzjonijiet li għalihom l-iskop tas-sistema tar-riżervi minimi tal-BĊE ma jintlaħaqx bl-impożizzjoni ta’ l-obbligi tar-riżerva fuqhom. Meta jasal għal deċiżjoni dwar eżenzjoni bħal din, il-BĊE għandu jqis wieħed jew aktar mill-kriterji li ġejjin:

(i)

l-istituzzjoni hija awtorizzata ssegwi biss funzjonijiet bi skop speċjali;

(ii)

l-istituzzjoni hija pprojbita milli teżerċita funzjonijiet bankarji attivi f’kompetizzjoni ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu oħra;

(iii)

l-istituzzjoni hija taħt obbligu legali li jkollha d-depożiti kollha tagħha magħżulin għall-finijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ assistenza għall-iżvilupp reġjonali u/jew internazzjonali.

3.   Il-BĊE għandu jippubblika lista ta’ istituzzjonijiet suġġetti għall-obbligi tar-riżerva. Il-BĊE għandu jippubblika wkoll lista ta’ istituzzjonijiet eżenti mill-obbligi tiegħu ta’ riżerva għal raġunijiet oħra milli jkunu suġġetti għal:

(a)

miżuri ta’ riorganizzazzjoni;

(b)

l-iffriżar ta’ fondi u/jew miżuri oħra imposti mill-Komunità jew minn xi Stat Membru skond l-Artikolu 60(2) tat-Trattat li jirrestrinġu l-użu ta’ fondi ta’ istituzzjoni, jew xi deċiżjoni maħruġa mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE li tissospendi jew teskludi l-aċċess ta’ istituzzjoni għall-operazzjonijiet tas-suq miftuħ jew għall-istanding facilities ta’ l-Eurosistema.

L-istituzzjonijiet jistgħu joqogħdu fuq dawn il-listi meta jiddeċiedu jekk il-passivi tagħhom humiex dovuti lil xi istituzzjoni oħra li hija nnifisha suġġetta għall-obbligi tar-riżerva. Dawn il-listi m’għandhomx jiddeterminaw jekk l-istituzzjonijiet humiex suġġetti għall-obbligi tar-riżerva skond l-Artikolu 2.”

(2)

L-Artikolu 3(2) huwa sostitwit b’li ġej:

“2.   Il-passivi li ġejjin għandhom jiġu esklużi mill-bażi tar-riżerva:

(a)

passivi li huma dovuti lil kull istituzzjoni oħra mhux imniżżla bħala eżenti mis-sistema tar-riżervi minimi tal-BĊE skond l-Artikolu 2(3);

(b)

passivi li huma dovuti lill-BĊE jew lil xi BĊN parteċipanti.

Meta tapplika din id-dispożizzjoni, l-istituzzjoni għandha tipprovdi evidenza lill-BĊN parteċipanti relevanti, ta’ l-ammont attwali tal-passivi tagħha dovuti lil kull istituzzjoni oħra mhux imniżżla bħala eżenti mis-sistema tar-riżervi minimi tal-BĊE, u tal-passivi tagħha dovuti lill-BĊE jew lil xi BĊN parteċipanti, sabiex teskludihom mill-bażi tar-riżerva. Jekk din l-evidenza ma tistax tiġi ppreżentata fir-rigward ta’ titoli ta’ dejn maħruġa b’maturità oriġinali ta’ mhux aktar minn sentejn u maturità li tinkludi sentejn, l-istituzzjoni tista’ tapplika tnaqqis standard għall-ammont dovut tat-titoli ta’ dejn tagħha maħruġa b’maturità oriġinali ta’ mhux aktar minn sentejn u maturità li tinkludi sentejn mill-bażi tar-riżerva. L-ammont ta’ dan it-tnaqqis standard għandu jkun ippubblikat mill-BĊE bl-istess mod tal-pubblikazzjoni tal-lista msemmija fl-Artikolu 2(3).”

(3)

L-Artikolu 4(1) huwa sostitwit b’li ġej:

“1.   Għandu japplika proporzjon ta’ riżerva ta’ 0 % għall-kategoriji ta’ passivi li ġejjin (kif iddefinit ġewwa l-qafas ta’ rappurtar tal-BĊE għall-istatistika bankarja u tal-flus fir-Regolament (KE) Nru 2423/2001 (BĊE/2001/13):

(a)

depożiti b’maturità miftiehma ta’ aktar minn sentejn;

(b)

depożiti li jinfdew b’notifika ta’ aktar minn sentejn;

(ċ)

repos;

(d)

titoli ta’ dejn maħruġa b’maturità oriġinali ta’ aktar minn sentejn.”

(4)

L-Artikolu 11 huwa sostitwit b’li ġej:

“Artikolu 11

Holding ta’ riżerva fuq bażi kkonsolidata

L-istituzzjonijiet li jitħallew jirrappurtaw data statistika dwar il-bażi tar-riżerva kkonsolidata tagħhom bħala grupp (kif iddefinit ġewwa l-qafas ta’ rappurtar tal-BĊE għall-istatistika bankarja u tal-flus fir-Regolament (KE) Nru 2423/2001 (BĊE/2001/13) għandhom iżommu riżervi minimi permezz ta’ waħda mill-istituzzjonijiet fil-grupp, li taġixxi esklussivament bħala intermedjarju għal dawn l-istituzzjonijiet u skond id-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 10. Malli tirċievi awtorizzazzjoni mill-BĊE biex twettaq rappurtar statistiku dwar il-bażi tar-riżerva kkonsolidata għall-istituzzjonijiet fil-grupp, l-istituzzjoni li taġixxi bħala intermedjarju għall-grupp għandha tkun awtomatikament eżentata mid-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 10(6), u l-grupp sħiħ biss għandu jkun intitolat jirċievi l-benefiċċju msemmi fl-Artikolu 5(2).”

(5)

Jiddaħħal l-Artikolu 13a li ġej:

“Artikolu 13a

Tkabbir taż-żona ta’ l-Ewro

1.   Il-Kunsill Governattiv tal-BĊE jiddelega lill-Bord Eżekuttiv tal-BĊE is-setgħa biex jiddeċiedi, f’każijiet fejn Stat Membru jadotta l-ewro skond it-Trattat, dwar il-kwistjonijiet li ġejjin, wara li jqis il-fehmiet tal-Kumitat tas-SEBĊ għall-Operazzjonijiet tas-Suq, fejn applikabbli:

(a)

id-dati tal-perjodu tranżitorju ta’ manteniment għall-applikazzjoni ta’ l-obbligi tar-riżervi minimi lil istituzzjonijiet li jinsabu f’dak l-Istat Membru, bid-data inizjali tkun id-data ta’ l-adozzjoni ta’ l-ewro f’dak l-Istat Membru;

(b)

il-mod ta’ kalkolu tal-bażi tar-riżerva għall-finijiet li jiġi stabbilit il-livell ta’ riżervi minimi meħtieġ li jinżamm mill-istituzzjonijiet li jinsabu fl-Istat Membru li jadotta l-ewro matul il-perijodu tranżitorju ta’ manteniment, filwaqt li jitqies il-qafas ta’ rappurtar tal-BĊE għall-istatistika bankarja u tal-flus kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 2423/2001 (BĊE/2001/13); u

(ċ)

il-limitu ta’ żmien, li sa mhux aktar tard minnu għandhom isiru l-kalkolu u l-verifika tar-riżervi minimi mill-istituzzjonijiet li jinsabu fl-Istat Membru li jadotta l-ewro u mill-bank ċentrali nazzjonali tagħhom, fir-rigward tal-perijodu tranżitorju ta’ manteniment.

Il-Bord Eżekuttiv għandu jippubblika stqarrija dwar id-deċiżjoni tiegħu ta’ lanqas xahrejn qabel id-data ta’ l-adozzjoni ta’ l-ewro f’dak l-Istat Membru.

2.   Il-Kunsill Governattiv tal-BĊE jiddelega wkoll lill-Bord Eżekuttiv tal-BĊE, is-setgħa li jawtorizza lill-istituzzjonijiet li jkunu fi Stati Membri parteċipanti oħra, biex inaqqsu mill-bażi tar-riżerva tagħhom għall-perijodi ta’ manteniment li jikkoinċidu ma’ u li jsegwu l-perjodu tranżitorju ta’ manteniment, passivi dovuti lill-istituzzjonijiet li jinsabu fl-Istat Membru li jadotta l-ewro, minkejja li fil-ħin li r-riżervi minimi huma kkalkulati dawn l-istituzzjonijiet ma jidhrux fil-lista ta’ istituzzjonijiet suġġetti għall-obbligi tar-riżerva fl-Artikolu 2(3). F’dan il-każ, id-deċiżjonijiet li l-Bord Eżekuttiv tal-BĊE joħroġ skond dan il-paragrafu jistgħu jispeċifikaw aktar il-mod li bih għandu jsir it-tnaqqis ta’ dawn il-passivi.

3.   Kull deċiżjoni li l-Bord Eżekuttiv joħroġ skond il-paragrafi 1 u 2 għandha tkun innotifikata minnufih lill-Kunsill Governattiv tal-BĊE, u l-Bord Eżekuttiv tal-BĊE għandu jaderixxi ma’ kull deċiżjoni dwar dan adottata mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE.”

Artikolu 2

Dispożizzjoni finali

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il–Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, 22 ta’ Ottubru 2008.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  ĠU L 318, 27.11.1998, p. 1.

(2)  ĠU L 318, 27.11.1998, p. 4.

(3)  ĠU L 250, 2.10.2003, p. 10.


Fuq