EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32010D0010(01)

2010/469/UE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tad- 19 ta’ Awwissu 2010 dwar nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti għar-rappurtar tal-istatistika (BĊE/2010/10)

ĠU L 226, 28.8.2010, p. 48–49 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Edizzjoni speċjali bil-Kroat: Kapitolu 01 Volum 005 P. 274 - 275

Status legali tad-dokument Fis-seħħ

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/469/oj

28.8.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 226/48


DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tad-19 ta’ Awwissu 2010

dwar nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti għar-rappurtar tal-istatistika

(BĊE/2010/10)

(2010/469/UE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u partikolarment l-Artikoli 5.1 u 34.1 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta’ Novembru 1998, dwar il-ġbir ta’ statistika mill-Bank Ċentrali Ewropew (1) u partikolarment l-Artikolu 7 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98 tat-23 ta’ Novembru 1998, dwar il-poter tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (2), u partikolarment l-Artikolu 6(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 2157/1999 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-23 ta’ Settembru 1999 dwar il-poter tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (BĊE/1999/4) (3),

Billi:

(1)

Ir-Regolamenti (KE) Nru 25/2009 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar il-karta tal-bilanċ tas-settur tal-istituzzjonijiet monetarji finanzjarji (tfassil mill-ġdid) (BĊE/2008/32) (4) u (KE) Nru 63/2002 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-20 ta’ Diċembru 2001 dwar l-istatistika dwar ir-rati ta’ imgħax li jiġu applikati mill-istituzzjonijiet monetarji finanzjarji fuq depożiti u self fil-konfront ta’ djar u korporazzjonijiet mhux finanzjarji (BĊE/2001/18) (5) jistabbilixxu r-rekwiżiti tal-Bank Ċentrali Ewropew għar-rappurtar tal-istatistika li magħhom għandhom jikkonformaw l-aġenti għar-rappurtar.

(2)

Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 2533/98 jistipula illi l-BĊE għandu l-poter jimponi sanzjonijiet fuq aġenti għar-rappurtar li jonqsu milli jikkonformaw mar-rekwiżiti għar-rappurtar tal-istatistika stabbiliti fir-regolamenti jew id-deċiżjonijiet tal-BĊE.

(3)

Sabiex jiġi żgurat it-trattament ugwali tal-aġenti għar-rappurtar, il-BĊE għandu jadotta metodoloġija armonizzata għal kalkolu ta’ sanzjonijiet għall-ksur tar-rekwiżiti għar-rappurtar, għall-proċedura ta’ ksur u għal kull fażi preċedenti,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni:

1.

“aġent għar-rappurtar” għandha jkollha l-istess tifsira mogħtija fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 2533/98;

2.

“istituzzjoni monetarja finanzjarja” għandha jkollha l-istess tifsira mogħtija fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 25/2009 (BĊE/2008/32);

3.

“ksur” u “sanzjoni” għandhom l-istess tifsira mogħtija fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 2532/98;

4.

“mġieba ħażina serja” tinkludi kull wieħed mill-ksur tar-rekwiżiti għar-rappurtar segwenti mill-aġenti għar-rappurtar:

(a)

rappurtar sistematiku ta’ dejta mhux korretta;

(b)

nuqqas ta’ konformità sistematika mal-istandards minimi għar-reviżjonijiet;

(ċ)

rappurtar intenzjonalment mhux korrett, imdewwem jew mhux komplet;

(d)

grad insuffiċjenti ta’ diliġenza jew koperazzjoni mal-BĊN relevanti jew il-BĊE;

5.

“bank ċentrali nazzjonali kompetenti” (BĊN kompetenti) tfisser il-BĊN tal-Istat Membru li fil-ġuriżdizzjoni tiegħu seħħ il-ksur;

6.

“skadenza tal-BĊN” tfisser id-data stabbilita minn kull BĊN sabiex jirċievi dejta mingħand l-aġenti għar-rappurtar.

Artikolu 2

Skop tal-applikazzjoni

1.   Il-BĊE u l-BĊN għandhom jissorveljaw il-konformità tal-aġenti għar-rappurtar mal-istandards minimi meħtieġa sabiex jissodisfaw l-obbligi tar-rappurtar tagħhom, kif stabbiliti f’Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 25/2009 (BĊE/2008/32) u Anness III tar-Regolament (KE) Nru 63/2002 (BĊE/2001/18). F’każ ta’ non-konformità, il-BĊE u l-BĊN kompetenti jistgħu jiddeċiedu illi jagħmlu fażi ta’ valutazzjoni u/jew iniedu proċedura ta’ ksur kif imsemmi fl-Artikolu 3(1) u (2). Wara proċedura ta’ ksur il-BĊE jista’ jimponi sanzjonijiet skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 2533/98.

2.   Sanzjonijiet jistgħu jiġu imposti wara proċedura ta’ ksur f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ standards minimi għat-trażmissjoni (b’rabta ma’ rekwiżiti ta’ puntwalità u rappurtar tekniku), eżattezza (b’rabta ma’ kostrizzjonijiet lineari u konsistenza tad-dejta mal-frekwenzi kollha) u konformità kunċettwali (b’rabta ma’ definizzjonijiet u klassifikazzjonijiet). Sanzjonijiet jiġu ukoll applikati f’każ ta’ imġieba ħażina serja.

Artikolu 3

Fażi ta’ valutazzjoni u proċedura ta’ ksur

1.   Qabel it-tnedija ta’ proċedura ta’ ksur taħt ir-Regolament (KE) Nru 2532/98 u r-Regolament (KE) Nru 2157/1999 (BĊE/1999/4):

(a)

il-BĊN kompetenti jista’, fejn ikun irreġistra non-konformità mar-rekwiżiti għar-rappurtar, jagħti twissija lill-aġent għar-rappurtar ikkonċernat biex jinfurmah dwar in-natura tan-non-konformità rreġistrata, u jirrikkmanda miżuri korrettivi li għandhom jittieħdu sabiex tiġi evitata ripetizzjoni tan-non-konformità;

(b)

il-BĊE jew il-BĊN kompetenti jistgħu jistaqsu lill-aġent għar-rappurtar ikkonċernat għal kull tagħrif b’rabta man-non-konformità skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 2157/1999 (BĊE/1999/4);

(ċ)

l-aġent għar-rappurtar ikkonċernat għandu jingħata opportunità biex jagħti spjegazzjonijiet jekk iqis illi n-non-konformità kienet dovuta għal ċirkostanzi li ma kellux kontroll fuqhom.

2.   Il-BĊE jew il-BĊN kompetenti jistgħu jniedu proċedura ta’ ksur skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2532/98 u l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2157/1999 (BĊE/1999/4). Għandhom japplikaw ukoll ir-regoli segwenti:

(a)

proċedura ta’ ksur għandha titnieda, mingħajr fażi ta’ valutazzjoni, f’każ ta’ mġieba ħażina serja;

(b)

mingħajr preġudizzju għall-punt (a), proċedura ta’ ksur għandha titnieda wara li tkun ġiet irreġistrata non-konformità ripetuta mill-BĊN kompetenti, sakemm:

(i)

il-BĊE jew il-BĊN kompetenti iqisu illi ebda proċedura ta’ ksur m’għandha titnieda peress illi wieħed jew aktar mill-każijiet ta’ non-konformità rreġistrati huwa lil hinn mill-kontroll tal-aġent għar-rappurtar; jew

(ii)

il-multa potenzjali ma tilħaqx il-limitu minimu għall-imposizzjoni ta’ sanzjoni.

3.   Jekk il-BĊE jew il-BĊN kompetenti iniedu proċedura ta’ ksur, il-proċedura għandha ssir skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2532/98, inkluż il-ħruġ ta’ notifika bil-miktub u l-adozzjoni ta’ deċiżjoni motivata mill-BĊE.

Artikolu 4

Applikazzjoni ta’ sanzjonijiet

1.   Is-sanzjonijiet għandhom ikunu maħduma abbażi ta’ proċedura fuq żewġ fażijiet. L-ewwel jinħadem ammont bħala bażi ta’ referenza li jirrifletti aspetti kwantitattivi. Iċ-ċirkostanzi tal-każ kif imsemmi fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2531/98 huma mbagħad ikkunsidrati u jistgħu jeffettwaw l-ammont attwali tas-sanzjoni.

2.   F’każ ta’ ksur marbut mal-puntwalità, is-serjetà tal-ksur għandha tiddependi fuq in-numru ta’ jiem ta’ xogħol ta’ posponiment fil-konfront tal-iskadenza tal-BĊN.

3.   F’każ ta’ ksur marbut ma’ nuqqas ta’ eżattezza u/jew konformità kunċettwali, is-serjetà tal-ksur għandha tiddependi fuq id-daqs tal-iżball. Il-BĊE m’għandux jikkunsidra żbalji ta’ aġġustament jew żbalji negliġibbli. Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-konformità kunċettwali, reviżjonijiet ordinarji, jiġifieri reviżjonijiet mhux sistematiċi lis-serje rrappurtata fil-perjodu (xahar jew trimestru) wara r-rappurtar inizjali, m’għandhomx ikunu meqjusin bħala każijiet ta’ non-konformità kunċettwali.

4.   Artikolu 7(4) tar-Regolament (KE) Nru 2533/98 jistabbilixxi s-sanzjonijiet massimi li jista’ jimponi l-BĊE fuq l-aġenti għar-rappurtar.

5.   Jekk ksur tar-rekwiżiti għar-rappurtar tal-istatistika jirriżulta ukoll fi ksur tar-rekwiżiti għar-riżervi minimi, ebda sanzjoni m’għandha tiġi imposta għall-ksur tar-rekwiżiti għar-rappurtar tal-istatistika.

Artikolu 5

Dispożizzjoni finali

Din id-Deċizjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2010. Għandha tapplika mill-perjodu ta’ referenza Diċembru 2010 għar-rekwiżiti għar-rappurtar ta’ kull xahar u annwali u mir-raba’ trimestru tal-2010 għar-rekwiżiti għar-rappurtar trimestrali.

Magħmula fi Frankfurt am Main, id-19 ta’ Awwissu 2010.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8.

(2)  ĠU L 318, 27.11.1998, p. 4.

(3)  ĠU L 264, 12.10.1999, p. 21.

(4)  ĠU L 15, 20.1.2009, p. 14.

(5)  ĠU L 10, 12.1.2002, p. 24.


Fuq