EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32006R1027

Regolament tal-Bank Ċentrali Ewropew (KE) Nru 1027/2006 ta’ l- 14 ta’ Ġunju 2006 dwar l-obbligi ta’ rappurtar ta’ statistika fir-rigward ta’ istituzzjonijiet ġiro ta’ l-uffiċċji tal-posta li jirċievu depożiti minn istituzzjonijiet finanzjarji mhux monetarji residenti fiż-żona ta’ l-euro (BĊE/2006/8)

ĠU L 184, 6.7.2006, p. 12–24 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 314M, 1.12.2007, p. 106–118 (MT)
Edizzjoni Speċjali bil-Bulgaru: Kapitolu 10 Volum 007 P. 260 - 272
Edizzjoni Speċjali bir-Rumen: Kapitolu 10 Volum 007 P. 260 - 272
Edizzjoni speċjali bil-Kroat: Kapitolu 01 Volum 008 P. 12 - 24

Status legali tad-dokument M’għadux fis-seħħ, Data tat-tmiem tal-validitàà: 31/12/2014; Imħassar b' 32013R1074

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1027/oj

1.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

106


REGOLAMENT TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW (KE) Nru 1027/2006

ta’ l-14 ta’ Ġunju 2006

dwar l-obbligi ta’ rappurtar ta’ statistika fir-rigward ta’ istituzzjonijiet ġiro ta’ l-uffiċċji tal-posta li jirċievu depożiti minn istituzzjonijiet finanzjarji mhux monetarji residenti fiż-żona ta’ l-euro

(BĊE/2006/8)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta’ Novembru 1998, dwar il-ġbir ta’ informazzjoni statistika mill-Bank Ċentrali Ewropew (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 6(4),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 2533/98 jistabbilixxi fl-Artikolu 2(1) illi, għat-twettiq ta’ l-obbligi tiegħu ta’ rappurtar ta’ statistika, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), megħjun mill-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi), għandu jkollu d-dritt li jiġbor informazzjoni statistika fi ħdan il-limiti tal-popolazzjoni ta’ rappurtar ta’ referenza u ta’ dak li huwa meħtieġ biex jitwettqu d-dmirijiet tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali. L-Artikolu 2(2)(b) jistabbilixxi wkoll illi l-istituzzjonijiet ġiro ta’ l-uffiċċji tal-posta (POGIs) huma parti mill-popolazzjoni ta’ rappurtar ta’ referenza, safejn dan ikun meħtieġ biex jitwettqu l-obbligi ta’ rappurtar ta’ statistika tal-BĊE’s, inter alia fil-qasam ta’ l-istatistika monetarja u bankarja.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 2423/2001 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta’ Novembru 2001 dwar il-karta tal-bilanċ ikkonsolidata tas-settur ta' l-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (BĊE/2001/13) (2) ġie adottat fuq il-bażi tar-Regolament (KE) Nru 2533/98. Skond l-Artikolu 2(1) tar-Regolament BĊE/2001/13, il-popolazzjoni ta’ rappurtar attwali tikkonsisti fl-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (MFIs) residenti fit-territorju ta’ l-Istati Membri parteċipanti.

(3)

It-totali monetarji taż-żona ta’ l-euro u l-kontropartijiet tagħhom huma derivati l-aktar mid-data tal-karta tal-bilanċ ta’ l-MFI miġbura skond ir-Regolament (KE) Nru 2423/2001 (BĊE/2001/13). Madanakollu, it-totali monetarji taż-żona ta’ l-euro jinkludu mhux biss il-passiv monetarju ta’ l-MFIs fil-konfront ta’ residenti taż-żona ta’ l-euro li mhumiex MFIs ħlief għall-gvern ċentrali, iżda wkoll l-passiv monetarju tal-gvern ċentrali fil-konfront ta’ residenti taż-żona ta’ l-euro li mhumiex MFIs ħlief għall-gvern ċentrali. Għaldaqstant, l-informazzjoni statistika supplimentari dwar il-passiv ta’ depożiti tal-gvern ċentrali u l-holdings ta’ flus kontanti u titoli finanzjarji tal-gvern ċentrali maħruġa mill-MFIs fil-preżent tinġabar skond il-Linja ta’ Gwida BĊE/2003/2 tas-6 ta’ Frar 2003 dwar ċerti obbligi ta' rappurtar ta’ statistika tal-BĊE u l-proċeduri għar-rappurtar ta' informazzjoni statistika mill-banek ċentrali nazzjonali fil-qasam ta' l-istatistika monetarja u bankarja (3).

(4)

F’xi Stati Membri, il-POGIs m’għadhomx jagħmlu parti mis-settur tal-gvern ċentrali taħt is-sistema Ewropea ta’ kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità (is-ESA 95) (4), u m’humiex limitati li jirċievu depożiti biss físem it-Teżori nazzjonali tagħhom, iżda jistgħu jirċievu despożiti f’isimhom stess. Għaldaqstant m'għadux possibbli biex informazzjoni statistika dwar dawn id-depożiti tiġi rrapurtata fi ħdan il-qafas tal-Linja ta' Gwida BĊE/2003/2.

(5)

Il-POGIs li jirċievu depożiti, qiegħdin f’dan ir-rigward, iwettqu attivitajiet simili għal dawk imwettqa mill-MFIs. Iż-żewġ tipi ta’ entitajiet għalhekk għandhom ikunu soġġetti għal obbligi simili ta’ rappurtarr ta’ statistika sakemm dawn l-obbligi jkunu relevanti għax-xogħol tagħhom.

(6)

Sabiex jiġi żgurat dan it-trattament armonizzat u sabiex tiġi mħarsa d-disponibbiltà ta’ informazzjoni statistika dwar depożiti li l-POGIs jirċievu, huwa meħtieġ li jiġi adottat regolament ġdid li jimponi obbligu ta' rappurtar fuq dawn l-entitajiet.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

It-termini “Stat Membru parteċipanti”, “aġenti tar-rappurtar” u “residenti” għandhom l-istess tifsira mogħtija lilhom fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 2533/98;

“POGI” tfisser uffiċċju tal-posta li jappartjeni lis-settur ta’ “korporazzjonijiet mhux finanzjarji” (Settur 11 ta’ l-ESA 95), u li, minbarra s-servizzi postali, jirċievi depożiti minn residenti taż-żona ta’ l-euro li m’humiex MFI bil-għan li jipprovdu servizzi ta’ trasferiment ta’ flus għad-depożitanti tagħhom.

Artikolu 2

Popolazzjoni attwali ta’ rappurtar

1.   Il-popolazzjoni attwali ta’ rappurtar għandha tikkonsisti fil-POGIs residenti fit-territorju ta' l-Istati Membri parteċipanti.

2.   Il-Bord Eżekuttiv tal-BĊE jista’ jistabbilixxi u jżomm lista ta’ POGIs suġġetti għal dan ir-Regolament. Il-BĊNi u l-BĊE għandu jagħmel din il-lista u l-aġġornamenti tagħha aċċessibbli b’mod xieraq għall-POGIs interessati, inkluż permezz ta’ mezzi elettroniċi, l-Internet jew, fuq it-talba tal-POGIs interessati, bil-karta miktuba. Il-lista għandha tkun biss għal skopijiet ta’ informazzjoni. Madankollu, fil-każ li l-aħħar verżjoni aċċessibbli tal-lista ma tkunx korretta, il-BĊE m’għandux jimponi sanzjonijiet fuq xi kwalunkwe POGI li ma jkunx issodisfa l-obbligi ta’ rappurtar tiegħu jekk dan ikun qagħad in bona fede fuq il-lista skorretta.

3.   Il-BĊNi jistgħu jagħtu lill-POGIs deroga mill-obbligu li jirrapportaw informazzjoni statistika skond dan ir-Regolament, kemm-il darba din l-informazzjoni statistika tkun diġà rrapportata minn sorsi oħrajn. Il-BĊNi għandhom jaraw illi din il-kondizzjoni tiġi sofisdatta fil-ħin sabiex jagħtu jew jirtiraw, skond il-ħtieġa, kull deroga b’effett mill-bidu ta’ kull sena, bi ftehim mal-BĊE.

Artikolu 3

Obbligi ta’ rappurtar ta’ statistika

1.   Il-popolazzjoni attwali ta' rappurtar għandha tirrapporta kull xahar informazzjoni statistika dwar il-karta tal-bilanċ tagħha ta’ tmiem ix-xahar, għal dak li għandu x’jaqsam ma’ stokks, lill-BĊN ta’ l-Istat Membru parteċipanti fejn il-POGI jkun residenti.

2.   L-informazzjoni statistika meħtieġa taħt dan ir-Regolament hija relatata ma’ negozju mwettaq minn POGI f’ismu stess u hija speċifikata fl-Annessi I u II.

3.   L-informazzjoni statistika meħtieġa skond dan ir-Regolament għandha tiġi rrappurtata skond l-istandards minimi għat-trasmissjoni, l-eżattezza, il-konformità kunċettwali u r-reviżjonijiet stipulati fl-Anness III.

4.   Il-BĊNi għandhom jiddefinixxu u jimplimentaw l-arranġamenti ta’ rappurtar li għandhom jiġu segwiti mill-popolazzjoni attwali tar-rappurtaġġ skond il-karatteristiċi nazzjonali. Il-BĊNi għandhom jiżguraw illi dawn l-arranġamenti ta’ rappurtaġġ jipprovdu l-informazzjoni statistika meħtieġa taħt dan ir-Regolament u jippermettu kontroll preċiż ta’ konformità ma' l-istandards minimi għat-trasmissjoni, l-eżattezza, il-konformità kunċettwali u r-reviżjonijiet stipulati fl-Anness III.

5.   F’każ ta’ xi għaqda bejn kumpaniji, diviżjoni jew kull forma oħra ta’ organizzazzjoni mill-ġdid li tista’ taffettwa l-qadi ta’ l-obbligi ta’ statistika tiegħu, l-aġent tar-rappurtar involut għandu jgħarraf lill-BĊN rilevanti, la darba l-intenzjoni li tiġi implimentata din l-operazzjoni tkun saret pubblika u fi żmien adegwat qabel ma sseħħ l-għaqda, id-diviżjoni jew l-organizzazzjoni mill-ġdid, tal-proċeduri li huma ppjanati biex jitwettqu l-obbligi tar-rappurtar ta’ statistika stipulati f’dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Tempestività

Il-BĊNi għandhom jibagħtu l-informazzjoni statistika rrappurtata skond l-Artikolu 3(1) u (2) lill-BĊE sat-tmiem tal-ġurnata tax-xogħol fil-15-il jum ta’ ħidma wara t-tmiem tax-xahar rilevanti. Il-BĊNi għandhom jiddeċiedu meta jeħtieġu li jirċievu data minn aġenti tar-rappurtaġġ sabiex jilħqu din l-iskadenza.

Artikolu 5

Regoli tal-kontabilità

1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2 u 3, ir-regoli tal-kontabilità segwiti mill-POGIs għall-iskopijiet ta’ rappurtar taħt dan ir-Regolament għandhom ikunu dawk stabbiliti fit-traspożizzjoni nazzjonali tad-Direttiva tal-Kunsill 86/635/KEE tat-8 ta’ Diċembru 1986 dwar il-kontijiet annwali u dawk ikkonsolidati ta’ banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn (5), kif ukoll f’kull standards internazzjonali tal-kontabilità oħra, f’kull każ sa fejn dawn japplikaw għall-POGIs. Mingħajr preġudizzju għall-prattiċi tal-kontabilità u l-arranġamenti ta’ netting prevalenti fl-Istati Membri, l-attiv u l-passiv finanzjarju kollu għandu jiġi rrappurtat fuq bażi gross għal skopijiet ta’ statistika.

2.   Il-passiv ta’despożiti u self għandhom jiġu rrappurtati skond l-ammont nominali pendenti fit-tmiem tax-xhar u fuq bażi gross. L-ammont nominali jfisser l-ammont mis-somma prinċipali illi d-debitur huwa marbut kuntrattwalment li jħallas lill-kreditur.

3.   Il-BĊNi jistgħu jippermettu r-rappurtar ta’ self proviżjonat (provisioned loans) nett mill-provvisti (provisions), u r-rappurtar ta’ self mixtri bil-prezz miftiehem fil-ħin ta’ l-akkwist tiegħu, kemm-il darba dawn il-prattiċi ta’ rappurtar jiġu applikati mill-aġenti tar-rappurtar residenti kollha, u jkunu meħtieġa biex tinżamm il-kontinwità fil-valutazzjoni statistika ta' self mad-data rrappurtata għal perijodi qabel Jannar ta’ l-2005.

Artikolu 6

Verifika u ġbir obbligatorju

Id-dritt ta’ verifika jew ta’ ġbir obbligatorju ta’ l-informazzjoni li l-aġenti tar-rappurtar ser jipprovdu b’konformita ma’ l-obbligi ta’ rappurtar ta’ statistika stabbiliti f’dan ir-Regolament, għandu jiġi eżerċitat mill-BĊNi, mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-BĊE li jeżerċita dawn id-drittijiet huwa stess. Dan id-dritt għandu jiġi eżerċitat b’mod partikolari meta xi POGI inkluż fil-popolazzjoni attwali ta’ rappurtar ma jissodisfax l-istandards minimi għat-trasmissjoni, l-eżattezza, il-konformità kunċettwali u r-reviżjonijiet stipulati fl-Anness III.

Artikolu 7

Dispożizzjonijiet finali

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, l-14 ta’ Ġunju 2006.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8.

(2)  ĠU L 333, 17.12.2001, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2181/2004 (BĊE/2004/21) (ĠU L 371, 18.12.2004, p. 42).

(3)  ĠU L 241, 26.9.2003, p. 1. Il-Linja ta’ Gwida kif emendata bil-Linja ta’ Gwida BĊE/2005/4 (ĠU L 109, 29.4.2005, p. 6).

(4)  Kif adottata mill-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea fir-Regolament tiegħu (KE) Nru 2223/96 tal-25 ta’ Ġunju 1996, dwar is-Sistema Ewropea ta’ kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunita (ĠU L 310, 30.11.1996, p. 1). Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) No 1267/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 180, 18.7.2003, p. 1).

(5)  ĠU L 372, 31.12.1986, p. 1.


ANNESS I

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS II

DEFINIZZJONIJIET DWAR L-OBBLIGI TA’ RAPPURTAR TA’ STATISTIKA

Definizzjonijiet ġenerali

Għal skopijiet ta’ statistika, il-POGIs jikkonsolidaw in-negozju ta’ l-uffiċċji kollha tagħhom (irreġistrati jew prinċipali u/jew fergħat) li jinsabu ġewwa l-istess territorju nazzjonali. L-ebda konsolidazzjoni għall-iskopijiet ta’ statistika ma hi permessa matul il-fruntieri nazzjonali.

Meta kumpanija parent u s–sussidjarji tagħha huma POGIs li jinsabu fl-istess territorju nazzjonali, il- kumpanija parent hija mħollija biex tikkonsolida fid-denunzji ta’ l-istatistika tagħha n-negozju ta’ dawn is-sussidjarji. Is-sussidjarji huma entitajiet inkorporati separati li fihom entita’ oħra għandha parteċipazzjoni ta’ maġġoranza jew parteċipazzjoni sħiħa, fejn il-fergħat huma entitajiet mhux inkorporati (mingħajr status legali indipendenti) li s-sid tagħhom tkun kollha kemm hi l-entita’ parent.

Jekk xi POGI għandha fergħat li jinsabu ġewwa t-territorji ta’ l-Istati Membri parteċipanti l-oħra, l-uffiċċju rreġistrat jew prinċipali li jinsab f’xi Stat Membru parteċipanti għandu jikkunsidra l-pożizzjonijiet lejn dawn il-fergħat kollha bħala pożizzjonijiet lejn residenti fl-Istati Membri l-oħra. Bil-maqlub, fergħa li tinsab f’xi Stat Membru parteċipanti għandha tikkunsidra l-pożizzjonijiet lejn l-uffiċċju rreġistrat jew prinċipali tagħha jew lejn fergħat oħra ta’ l-istess istituzzjoni li jinsabu fit-territorji ta’ l-Istati Membri parteċipanti oħra bħala pożizzjonijiet lejn residenti fl-Istati Membri parteċipanti l-oħra.

Jekk xi POGI għandha fergħat li jinsabu barra t-territorju ta’ l-Istati Membri parteċipanti, l-uffiċċju rreġistrat jew prinċipali f’xi Stat Membru parteċipanti għandu jikkunsidra l-pożizzjonijiet lejn dawn il-fergħat kollha bħala pożizzjonijiet lejn residenti tal-bqija tad-dinja. Bil-kuntrarju, fergħa li tinsab f’xi Stat Membru parteċipanti għandha tikkunsidra l-pożizzjonijiet lejn l-uffiċċju rreġistrat jew prinċipali jew lejn fergħat oħra ta’ l-istess istituzzjoni li tinsab barra l-Istati Membri parteċipanti bħala pożizzjonijiet lejn ir-residenti tal-bqija tad-dinja.

POGIs li jinsabu f’ċentri finanzjarji offshore huma ttrattati statistikament bħala residenti tat-territorji li fihom iċ-ċentri jinsabu.

Definizzjonijiet tas-setturi

Is-ESA 95 tipprovdi l-istandard għall-klassifikazzjoni tas-settur. Il-kontropartijiet tal-POGIs li jinsabu fit-territorju ta’ l-Istati Membri parteċipanti huma identifikati skond is-settur domestiku jew il-klassifikazzjoni istituzzjonali tagħhom skond il-lista ta’ l-MFIs għall-iskopijiet ta’ statistika u l-gwida għall-klassifikazzjoni statistika tal-klijenti li tinsab fil-Manwal tal-Flus u s-Settur Bankarju tal-BĊE (“Gwida għall-klassifikazzjoni statistika tal-klijenti”), li ssegwi prinċipji ta’ klassifikazzjoni li huma konsistenti mas-ESA 95 kemm jista’ jkun.

“MFIs” jkopri s-setturi u s-sottosetturi li ġejjin:

istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (MFI): istituzzjonijiet ta’ kreditu residenti kif iddefiniti fil-liġi tal-Komunita’, u istituzzjonijiet finanzjarji oħra residenti li n-negozju tagħhom huwa li jirċievu depożiti u/jew sostituti mill-qrib għal depożiti minn entitajiet oħra minbarra l-MFIs u, f’isimhom (ta’ lanqas f’termini ekonomiċi), biex jagħtu krediti u/jew jagħmlu investimenti f’titoli finanzjarji,

istituzzjonijiet ta’ kreditu: kif iddefiniti fil-liġi tal-Komunita’ (1), (a) impriża li n-negozju tagħha huwa li tirċievi depożiti jew fondi oħra ripagabbli mill-pubbliku (2) u li tagħti krediti f’isimha; jew (b) istituzzjoni ta’ flus elettroniċi fit-tifsira tad-Direttiva 2000/46/KE tal-Parlament Ewropew Parliament u tal-Kunsill tat-18 ta’ Settembru, 2000, dwar il-bidu, is-segwiment u s-superviżjoni prudenti tal-kummerċ ta’ l-istituzzjonijiet ta’ flus elettroniċi (3),

banek ċentrali: il-banek ċentrali nazzjonali ta’ l-Istati Membri parteċipanti u l-BĊE,

fondi tas-suq tal-flus: dawk l-impriżi ta’ investiment kollettiv li l-units tagħhom huma, f’termini ta’ likwidita’, sostituti mill-qrib għal depożiti u li primarjament jinvestu fi strumenti tas-suq tal-flus u/jew f’MMF ishma/units u/jew strumenti oħra ta’ debitu ttrasferibbli b’maturita’ residwa sa u li tinkludi sena, u/jew f’depożiti mal-banek, u/jew li jsegwu rata ta’ dħul li tqarreb ir-rati ta’ imgħax fuq l-istrumenti tas-suq tal-flus,

istituzzjonijiet finanzjarji monetarji oħra: istituzzjonijiet finanzjarji oħra residenti li jissodisfaw id-definizzjoni ta’ MFI, minkejja n-natura tan-negozju tagħhom.

L-istituzzjonijiet ta’ kummerċ bankarju li jinsabu barra l-Istati Membri jissejħu “banek” aktar milli MFIs. Bl-istess mod, it-terminu “mhux-MFI” jirreferi biss għall-Istati Membri; għal pajjiżi oħra jixraq it-terminu “mhux-banek”. “Mhux-MFIs” jkopri s-setturi u s-sottosetturi li ġejjin:

gvern ġenerali: units residenti li huma prinċipalment ingaġġati fil-produzzjoni ta’ oġġetti u servizzi mhux tas-suq, maħsuba għal konsum individwali u kollettiv u/jew fir-ridistribuzzjoni tad-dħul u l-ġid nazzjonali (is-ESA 95, il-paragrafi 2.68 sa 2.70),

gvern ċentrali: dipartimenti amministrattivi ta’ l-iStat u aġenziji ċentrali oħra li l-kompetenza tagħhom testendi matul it-territorju ekonomiku sħiħ, ħlief għall-amministrazzjoni tal-fondi tas-sigurta’ soċjali (is-ESA 95, il-paragrafu 2.71),

“gvern statali”: units istituzzjonali separati li jezerċitaw xi wħud mill-funzjonijiet tal-gvern fuq livell inqas minn dak tal-gvern ċentrali w ’il fuq minn dak tal-gvern lokali, ħlief għall-amministrazzjoni tal-fondi tas-sigurta’ soċjali (is-ESA 95, il-paragrafu 2.72),

awtoritajiet lokali: amministrazzjoni pubblika li l-kompetenzi tagħha jestendu biss għal xi parti lokali tat-territorju ekonomiku, esklużi l-aġenziji lokali tal-fondi tas-sigurta’ soċjali (is-ESA 95, il-paragrafu 2.73),

fondi tas-sigurta’ soċjali: units ċentrali, ta’ l-istat, u ta’ istituzzjonijiet lokali, li l-attivita’ prinċipali tagħhom hija li jipprovdu benefiċċji soċjali (is-ESA 95, il-paragrafu 2.74).

Is-setturi l-oħra residenti, i.e. residenti mhux MFI minbarra l-gvern ġenerali, jkopru:

intermedjarji finanzjarji oħra + awżillarji finanzjarji: korporazzjonijiet finanzjarji mhux monetarji u kważi korporazzjonijiet (esklużi l-korporazzjonijiet ta’ l-assigurazzjoni u l-fondi tal-pensjoni) ingaġġati prinċipalment f’intermedjazzjoni finanzjarja billi jaċċettaw passiv f’forom oħra milli f’-valuta, depożiti u/jew sostituti mill-qrib għal depożiti minn units istituzzjonali minbarra MFIs (is-ESA 95, il-paragrafi 2.53 sa 2.56). Inklużi wkoll huma awżillarji finanzjarji li jikkonsistu fil-korporazzjonijiet finanzjarji u kważi korporazzjonijiet kollha li prinċipalment huma ingaġġati f’attivitajiet finanzjarji awżillarji (is-ESA 95, il-paragrafi 2.57 sa 2.59),

korporazzjonijiet ta’ assigurazzjoni u fondi tal-pensjoni: korporazzjonijiet finanzjarji mhux monetarji u kważi korporazzjonijiet ingaġġati prinċipalment f’intermedjazzjoni finanzjarja bħala l-konsegwenza tal-ġbir flimkien tar-riskji (is-ESA 95, il-paragrafi 2.60 sa 2.67),

korporazzjonijiet mhux finanzjarji: korporazzjonijiet u kważi korporazzjonijiet li mhumiex ingaġġati f’intermedjazzjoni finanzjarja imma prinċipalment fil-produzzjoni ta’ oġġetti tas-suq u servizzi mhux finanzjarji (is-ESA 95, il-paragrafi 2.21 sa 2.31),

familji: individwi jew gruppi ta’ individwi bħala konsumaturi, u produtturi ta’ oġġetti u servizzi mhux finanzjarji esklussivament għall-konsum finali tagħhom, u bħala produtturi ta’ oġġetti tas-suq u servizzi mhux finanzjarji u finanzjarji, bil-kundizzjoni li l-attivitajiet tagħhom mhumhiex dawk ta’ kważi korporazzjonijiet. Inklużi huma istituzzjonijiet bla skop ta’ qligħ li jservu lill-familji u li huma ingaġġati prinċipalment fil-produzzjoni ta’ oġġetti u servizzi mhux tas-suq maħsuba għal gruppi partikolari ta’ familji (is-ESA 95, il-paragrafi 2.75 sa 2.88).

Għall-klassifikazzjoni tas-settur ta’ kontropartijiet li mhumiex MFI li jinsabu barra t-territorju domestiku, wieħed jista’ isib aktar gwida fil-Manwal tas-Settur ta' l-Istatistika tal-Flus u l-Kummerċ Bankarju tal-BĊE.

Definizzjonijiet ta’ kategoriji ta’ strumenti

Definizzjonijiet tal-kategoriji ta’ l-attiv u l-passiv jikkunsidraw il-karatteristiċi ta’ sistemi finanzjarji differenti. Ċerti kategoriji ta’ attiv u passiv huma kklassifikati skond il-maturita’ tagħhom fil-ħruġ. Il-maturita’ fil-ħruġ (maturita’ oriġinali) tirreferi għall-perijodu fiss tal-ħajja ta’ xi strument finanzjarju li qablu dan l-istrument ma jistax jinfeda (eż. titoli ta’ dejn) jew li qablu jista’ jinfeda biss b’xi forma ta’ penali (eż. xi tipi ta’ depożiti). Il-perijodu ta’ notifika jikkorrespondi maż-żmien bejn il-mument li d-detentur jagħti notifika ta’ intenzjoni biex jifdi l-istrument u d-data li fiha d-detentur jitħalla jibdlu fi flus kontanti mingħajr ma jeħel penali. Strumenti finanzjarji huma kklassifikati skond il-perijodu ta’ notifika biss meta ma jkunx hemm maturita’ miftiehma.

It-tabelli li ġejjin jipprovdu deskrizzjoni standard iddettaljata tal-kategoriji ta’ l-istrumenti, li l-BĊNi jittrasponu f’kategoriji applikabbli fil-livell nazzjonali skond dan ir-Regolament (4).

Deskrizzjoni ddettaljata ta’ kategoriji ta’ strumenti tal-karta tal-bilanċ aggregata kull xahar

KATEGORIJI TA' ATTIV

Kategorija

Deskrizzjoni tal-karatteristiċi ewlenin

1.

Flus kontanti

Holdings ta' euro u ta’ karti tal-flus u muniti barranin fiċ-ċirkolazzjoni li normalment jintużaw biex isiru l-ħlasijiet

2.

Self

Għall-iskopijiet ta' l-iskema ta' rappurtar, dan jikkonsisti f’fondi mislufa minn aġenti tar-rappurtar lil persuni li jisselfu, li m'humiex ippruvati b’dokumenti jew huma rrappreżentati minn dokument wieħed (anke jekk ikun sar negozjabbli). Dan jinkludi attiv fil-forma ta' depożiti:

Depożiti li jsiru ma' MFIs

Self li jispiċċa f’dejn ħażin li ma jkunx għadu ntradd lura jew li nħafer

Self li jispiċċa f’dejn ħażin huwa meqjus bħala self li l-ħlas tiegħu jkun dovut jew li l-ħlas tiegħu jitqies li jkun ipperikolat. Il-BĊNi jiddefinixxu jekk self ħażin għandux jiġi rreġistrat bħala gross jew nett mill-provvedimenti

holdings ta' titoli mhux negozjabbli

Holdings ta' titoli oħra għajr ishma u ishma azzjonarji oħrajn li mhumiex negozjabbli u ma jistgħux jiġu negozjati fis-swieq sekondarji, ara wkoll “self negozjat”

Self negozjat

Self li de facto jkunu sar negozjabbli jrid jiġi kklassifikati taħt l-element ta’ l-attiv “self” kemm-il darba jibqa’ jkollu dokument waħdieni bhala prova u jkun, bħala regola ġenerali, innegozjat biss kull tant:

Debitu subordinat fil-forma ta' depożitu jew self

Strumenti ta' debitu subordinat jipprovdu pretensjoni sussidjarja fuq l-istituzzjoni tal-ħruġ li tista' tigi eżerċitata biss wara li l-pretensjonijiet kollha bi status aktar għoli (e.ż. depożiti/self) ikunu ġew sodisfatti, b’hekk jingħatalhom xi wħud mill-karatteristiċi ta' ishma u ishma azzjonarji oħra. Għal skopijiet ta’ statistika, debitu subordinat għandu jiġi ttrattat skond in-natura ta' l-istrument finanzjarju, jiġifieri, ikklassifikat jew bħala “self” jew “titoli finanzjarji minbarra ishma” skond in-natura ta’ l-istrument. Meta holdings tal-POGIs ta' kull forma ta' debitu subordinat huma attwalment identifikati bħala ċifra waħdanija għal skopijiet ta’ statistika, din iċ-ċifra għandha tiġi kklassifikata taħt l-element “titoli finanzjarji minbarra ishma”, minħabba r-raġuni li debitu subordinat jikkonsisti b’mod predominanti f’titoli, aktar milli self

Pretensjonijiet taħt reverse repos

Kontraparti ta' flus kontanti mħallsa bi skambju għal titoli finanzjarji mixtrija minn aġenti tar-rappurtar

L-element li ġej ma jitqiesx bħala self:

self mogħti fuq bażi ta' fiduċja

Self mogħti fuq bażi ta' fiduċja (“self b’ fedekummess” (trust loans)/“self fiduċjarju”) huwa self li jsir f'isem persuna (“il-fiduċjarju” (trustee)) li taġixxi għan-nom ta' terza persuna (“il-benefiċjarju”). Għal skopijiet ta’ statistika, self b’ fedekummess ma għandux jiġi rreġistrat fil-karta ta' bilanċ tal-fiduċjarju meta r-riskji u l-benefiċċji tat-titolu fuq il-fondi jibqgħu mal-benefiċjarju. Ir-riskji u l-benefiċċji tat-titolu fuq il-fondi jibqgħu mal-benefiċjarju meta: (i) il-benefiċjarju jassumi r-riskju ta' kreditu tas-self (jiġifieri, il-fiduċjarju jkun responsabbli biss għat-tmexxija amministrattiva tas-self); jew (ii) l-investiment tal-benefiċjarju huwa ggarantit kontra xi telf, jekk il-fiduċjarju jidħol fi stralċ (jiġifieri s-self b’ fedekummess ma jkunx parti mill-assi tal-fiduċjarju li jistgħu jitqassmu f’każ ta' falliment)

3.

Titoli minbarra ishma

Holdings ta' titoli oħra għajr ishma u ishma azzjonarji oħra, li huma negozzjabbli u normalment negozjati fis-swieq sekondarji jew jistgħu jiġu paċuti fis-suq, u li ma jagħtux lid-detentur xi drittijiet ta' titolu fuq l-istituzzjoni li tkun ħarġithom. Dan l-element jinkludi:

Holdings ta' titoli li jagħtu lid-detentur id-dritt mingħajr kondizzjoni għal qligħ fiss jew stabbilit b'kuntratt fil-forma ta' ħlasijiet bil-kupuni u/jew somma fissa ddikjarata f'data speċifika (jew dati) jew li tibda minn data ddefinita fil-ħin tal-ħruġ

Self negozjabbli li ġie strutturat mill-ġdid f'numru kbir ta' dokumenti identiċi u li jista’ jiġi negozjat fis-swieq sekondarji (ara wkoll “Self negozjat” f'kategorija 2)

Debitu subordinat fil-forma ta' titoli ta' debitu (ara wkoll “Debitu subordinat fil-forma ta' depożiti jew self” f'kategorija 2)

Sabiex tinżamm il-konsistenza mat-trattament ta' l-operazzjonijiet tat-tip repo, it-titoli mislufa skond l-operazzjonijiet li jselfu titoli jibqgħu fil-karta tal-bilanċ tas-sid oriġinali (u ma għandhomx jiġu ttrasferiti fil-karta ta' bilanċ ta' l-akkwirent temporanju) meta jkun hemm impenn sod li titreġġa’ lura l-operazzjoni (u mhux sempliċement għażla biex isir dan)

3a.

Titoli minbarra ishma b’maturità oriġinali li twassal sa u li tinkludi sena (inkluża)

Holdings ta' titoli negozjabbli ta' dejn (b'dokumenti bħala prova u mingħajr) ta' maturità oriġinali li twassal sa u li tinkludi sena.

Self negozjabbli ta' maturità oriġinali li twassal sa u li tinkludi sena li huwa rristrutturat f'għadd kbir ta' dokumenti identiċi u li huma nnegozjati fis-swieq sekondarji

Debitu subordinat fil-forma ta' titoli ta' debitu ta' maturità oriġinali li twassal sa u li tinkludi sena

3b.

Titoli minbarra ishma b’maturità oriġinali ta’ aktar minn sena u li twassal sa u li tinkludi sentejn

Holdings ta’ titoli ta’ dejn negozjabbli (b’dokumenti bħala prova u mingħajr) ta’ maturita’ oriġinali ta’ aktar minn sena u sa u li tinkludi sentejn

Self negozjabbli ta’ maturita’ oriġinali ta’ aktar minn sena u li twassal sa u li tinkludi sentejn li huwa rristrutturat f’numru kbir ta’ dokumenti identiċi u li huma nnegozjati fis-swieq sekondarji

Debitu subordinat fil-forma ta’ titoli ta’ dejn ta’ maturita’ oriġinali ta’ aktar minn sena u sa u li tinkludi sentejn.

4.

Ishma/units f’fondi tas-suq tal-flus

Dan l-element ta’ attiv jinkludi holdings ta' ishma/unitajiet maħruġa minn MMFs. L-MMFs huma impriżi ta' investiment kollettiv li l-ishma/unitajiet tagħhom huma, f'termini ta' likwidità, sostituti mill-qrib għal depożiti, u li primarjament jinvestu fi strumenti tas-suq tal-flus u/jew f’ ishma/unitajiet ta’ MMF u/jew fi strumenti oħra ta' debitu ttrasferibbli b'maturità residwa li twassal sa u li tinkludi sena, u/jew f'depożiti tal-bank, u/jew li jsegwu rata ta' dħul li tqarreb ir-rati ta' imgħax ta' strumenti tas-suq tal-flus


KATEGORIJI TA’ PASSIV

Kategorija

Deskrizzjoni tal-karatteristiċi ewlenin

9.

Depożiti

Ammonti dovuti lill-kredituri mill-aġenti ta' rappurtaġġ, minbarra dawk li jirriżultaw mill-ħruġ ta' titoli negozzjabbli. Għall-iskopijiet ta' l-iskema ta' rappurtaġġ, din il-kategorija hija maqsuma f'depożiti ta' matul il-lejl, depożiti b'maturità miftiehma, depożiti li jinfdew malli tingħata notifika u ftehim ta' xiri mill-ġdid.

“Depożiti” jkopru wkoll “self” bħala passiv ta' l-MFIs. F'termini kunċettwali, self jirrappreżentaw ammonti rċevuti mill-POGIs li m’humiex strutturati fil-forma ta' “depożiti”. L-ESA 95 jiddistingwi bejn “self” u “depożiti” fuq il-bażi tal-parti li tieħu l-inizjattiva (jekk dan ikun min qed jissellef, allura jikkostitwixxi self, imma jekk dan ikun min qed jislef, allura jikkostitwixxi depożitu), għalkemm fil-prattika r-rilevanza ta' din id-distinzjoni tista' tvarja skond l-istruttura finanzjarja nazzjonali. Fi ħdan l-iskema ta' rappurtaġġ, “self” mhuwiex mgħaruf bħala kategorija separata fuq in-naħa tal-passiv tal-karta tal-bilanċ. Minflok, bilanċi li huma meqjusa bħala self iridu jiġu klassifikati bla distinzjoni taħt il-partita “passiv ta’ depożitu”, għajr jekk ikunu rappreżentati permezz ta' strumenti negozjabbli. Dan huwa konformi mad-definizzjoni ta' “passiv ta’ depożitu” msemmija hawn fuq.

Strumenti ta' debitu mhux negozjabbli maħruġa minn aġenti ta' rappurtaġġ ġeneralment iridu jiġu kklassifikati bħala “passiv ta’ depożitu”. L-istrumenti jistgħu jissejħu “mhux negozjabbli” fis-sens illi hemm restrizzjonijiet fuq it-trasferiment tat-titolu legali ta' l-istrument li jfisser li ma jistgħux jitpoġġew fuq is-suq jew, għalkemm teknikament negozjabbli, ma jistgħux jiġu negozjati minħabba n-nuqqas ta' suq organizzat. Strumenti mhux negozjabbli maħruġa minn aġenti ta' rappurtaġġ li sussegwentement isiru negozjabbli u li jistgħu jiġu negozjati fi swieq sekondarji għandhom jigu kklassifikati mill-ġdid bħala “titoli ta' debitu”.

Depożiti marġinali (marġni) li jsiru taħt kuntratti derivattivi għandhom jiġu kklassifikati bħala “passiv ta' depożitu”, meta jirrappreżentaw kollaterali ta' flus kontanti depożitati ma' POGIs u meta jibqgħu proprjetà tad-depożitur u jkunu refużibbli lid-depożitur meta jintemm il-kuntratt. Fuq il-bażi tal-prattika kurrenti tas-suq, huwa ssuġġerit ukoll illi marġni rċevuti mill-aġent ta' rappurtaġġ għandhom jiġu kklassifikati bħala “passiv ta’ depożitu” biss sal-punt illi l-POGI jiġi provvdut b'fondi li huma liberament disponibbli għal on-lending. Meta parti mill-marġni rċevuta mill-POGI jkollha tingħadda lil parteċipant ieħor fis-suq tad-derivattivi (e.ż. clearing house), dik il-parti biss li tibqa' għad-dispożizzjoni ta' l-MFI għandha fil-prinċipju tiġi kklassifikata bħala “passiv ta’ depożitu”. Il-kumplessitajiet tal-prattika kurrenti fis-suq jistgħu jagħmluha diffiċli li jiġu identifikati dawk il-marġni li verament jistgħu jitħallsu lura, minħabba li tipi differenti ta' marġni jitqiegħdu b'mod li ma jistgħux jiġu distinti fl-istess kont, jew dawk il-marġni li jipprovdu lill-POGI b'riżorsi għal on-lending. F'dawn il-każijiet, huwa aċċettabbli li jiġu kklassifikati dawn il-marġni taħt “passiv rimanenti” jew “passiv ta’ depożitu”, skond il-prattika nazzjonali.

“Bilanċi allokati relatati ma e.ż. kuntratti ta' kiri” huma kklassifikati bħala passiv ta’ depożitu taħt “depożiti b’maturità miftiehma” jew “depożiti li jnfdew malli tingħata notifika” skond il-maturità/dispożizzjonijiet tal-kuntratt bażilari.

Fondi (depożiti) rċevuti fuq bażi ta' fiduċja m' għandhomx jigu reġistrati fuq il-karta ta' bilanċ statistika tal-POGI (ara “Self mogħti fuq bażi ta' fiduċja” taħt il-kategorija 2)

9.1.

Depożiti ta' matul il-lejl

Depożiti li jistgħu jinqalbu f'valuta u/jew li huma trasferibbli fuq talba permezz ta' ċekk, ordni ta' bankier, skrizzjoni ta’ debitu jew mezzi simili, mingħajr dewmien, restirzzjonijiet jew penali sinifikanti. Bilanċi li jirrappreżentaw ammonti mħallsa bil-quddiem fil-kuntest ta' flus elettroniċi, jew fil-forma ta' flus elettroniċi “ibbażati fuq il-ħardwer” (e.ż. kards imħallsa bil-quddiem) jew flus elettroniċi “ibbażati fuq is-softwer”, maħruġa minn POGIs huma nklużi taħt din il-partita. Din il-partita teskludi depożiti mhux trasferibbli li teknikament jistgħu jiġu rtirati fuq talba iżda li huma soġġetti għal penali sinifikanti

Bilanċi (li jagħtu l-imgħax jew le) li huma trasferibbli permezz ta' ċekk, ordni tal-bankier, skrizzjonijiet ta’debitu jew simili, mingħajr xi penali jew restrizzjoni sinifikanti

Bilanċi (li jagħtu l-imgħax jew le) li jistghu jinqalbu immedjatament f'valuta fuq talba jew mat-tmiem tal-ġurnata tax-xogħol fil-jum wara dak meta jkun sar id-depożitu, mingħajr xi penali jew restrizzjoni sinifikanti, iżda li m’humiex trasferibbli

Bilanċi (li jagħtu l-imgħax jew le) li jirrappreżentaw ammonti mħallsa bil-quddiem fil-kuntest ta' flus elettronici elettroniċi “ibbażati fuq il-ħardwer” jew “ibbażati fuq is-softwer” (e.ż. kards imħallsa bil-quddiem)

Self li jrid jintradd lura sat-tmiem tal-ġurnata tax-xogħol fil-jum wara dak li fih ingħata s-self

9.2.

Depożiti b'maturità miftiehma

Depożiti li mhumiex trasferibbli li ma jistgħux jinqalbu f'valuta qabel terminu fiss miftiehem jew li jistgħu jinqalbu biss f'valuta qabel dak it-terminu fiss kemm-il darba d-detentur ikollu jħallas xi tip ta' penali. Din il-partita tinkludi wkoll depożiti ta' tifdil regolati b’mod amministrattiv fejn il-kriterju relatat mal-maturità mhuwiex relevanti (klassifikat fil-faxxa ta' maturità ta' aktar minn sentejn). Prodotti finanzjarji b'dispożizzjonijiet roll-over iridu jigu klassifikati skond il-maturità l-aktar kmieni. Għalkemm depożiti b'maturità miftiehma jistgħu jinkludu l-possibiltà' li jinfdew aktar kmieni wara notifika minn qabel, jew jistgħu jinfdew fuq talba soġġetti għal ċerti penali, dawn il-karatteristiċi mhumiex meqjusa bħala relevanti għall-iskopijiet ta' klassifikazzjoni

9.2a.

Depożiti ta’ maturità miftiehma sa sena (inkluża)

Bilanċi b’terminu fiss ta’ maturità ta’ mhux aktar minn sena (minbarra depożiti b'maturità oriġinali ta' jum wiehed) li mhumiex trasferibbli u li ma jistghux jinqalbu f'valuta qabel dik il-maturità

Bilanċi b’terminu fiss ta’ maturità ta’ mhux aktar minn sena li mhumiex trasferibbli iżda jistgħu jinfdew qabel dak it-terminu wara notifika minn qabel; meta tkun ingħatat notifika, dawn il-bilanċi għandhom jiġu kklassifikati f'9.3a, fejn xieraq

Bilanċi fiss ta’ maturità ta’ mhux aktar minn sena li mhumiex trasferibbli iżda jistgħu jinfdew fuq talba iżda soġġetti għal ċerti penali

Pagamenti marġni li jsiru skond kuntratti derivattivi li jridu jingħalqu fi żmien sena, li jirrappreżentaw kollateral ta' flus kontanti mqegħda biex jipproteġu kontra riskju ta' kreditu iżda li jibqgħu l-proprjetà tad-depożitur u li jistgħu jerġgħu jitħallsu lid-depożitur meta jkun għalaq il-kuntratt

Self li jkollu bhala prova dokument waħdieni ta' maturità oriġinali li twassal sa u tinkludi sena

Titoli ta' debitu mhux negozjabbli maħruġa minn POGIs (li jkollhom jew ma jkollhomx dokumenti bħala prova) ta' maturità originali li twassal sa u tinkludi sena waħda

Dejn subordinat maħruġ minn POGIs fil-forma ta' depożiti jew self ta' maturità oriġinali li twassal sa u tinkludi sena waħda

9.2b.

Depożiti ta’ maturità miftiehma ta’ aktar minn sena u sa sentejn (inklużi)

Bilanċi b’terminu fiss ta’ maturità ta’ ta' bejn sena u sentejn lii mhumiex trasferibbli u li ma jistghux jinqalbu f'valuta qabel dik il-maturità

Bilanċi b’terminu fiss ta’ maturità ta' bejn sena u sentejn li mhumiex trasferibbli iżda jistgħu jinfdew qabel dak it-terminu wara notifika minn qabel; meta tkun ingħatat notifika, dawn il-bilanċi għandhom jiġu kklassifikati f'9.3a, fejn xieraq

Bilanċi b’terminu fiss ta’ maturità ta’ bejn sena u sentejn li mhumiex trasferibbli iżda jistgħu jinfdew fuq talba iżda soġġetti għal ċerti penali

Pagamenti marġni li jsiru skond kuntratti derivattivi li jridu jingħalqu fi żmien sena jew sentejn, li jirrappreżentaw kollateral ta' flus kontanti mqegħda biex jipproteġu kontra riskju ta' kreditu iżda li jibqgħu l-proprjetà tad-depożitur u li jistgħu jerġgħu jitħallsu lid-depożitur meta jkun għalaq il-kuntratt

Self li jkollu bħala prova dokument waħdieni ta' maturità oriġinali ta’ bejn sena u sentejn

Titoli ta' debitu mhux negozjabbli maħruġa minn POGIs (li jkollhom jew ma jkollhomx dokumenti bħala prova) ta' maturità originali ta’aktar minn sena u sa sentejn (inklużi)

Dejn subordinat maħruġ minn POGIs fil-forma ta' depożiti jew self ta' maturità originali ta’aktar minn sena u sa sentejn (inklużi)

9.3.

Depożiti mifdija li jinfdew meta mitlub

Depożiti li mhumiex trasferibbli mingħajr maturità miftiehma li ma jistgħux jinqalbu f'valuta mingħajr perijodu ta' notifika minn qabel, li qabel l-iskadenza tat-terminu ma jissarfu fi fl-flus kontanti jew inkella jistgħu jissarfu biss bi ħlas ta' penali. Dawn jinkludu depożiti li, għalkemm forsi legalment jistgħu jiġu rtirati fuq talba, ikunu soġġetti għal penali u restrizzjonijiet skond il-prattika nazzjonali (klassifikati fil-faxxa ta' maturità “sa u inklużi tlett xhur”), u kontijiet ta' investimenti mingħajr perijodu ta' notifika jew maturità miftiehma, imma li jkun fihom dispożizzjonijiet restrittivi dwar ħrug ta' flus (klassifikati fil-faxxa ta' maturità “sa u inklużi tlett xhur”)

9.3a.

Depożiti li jistgħu jinfdew b’avviż sa tlett xhur (inklużi)

Bilanċi mqegħda mingħajr maturità fissa li jistgħu jiġu rtirati biss soġġetti għal pre-avviż ta’ mhux aktar minn tlett xhur: jekk ikun possibbli li jigu mifdija qabel dak il-perijodu ta' notifika (jew anke mat-talba), ikun jinvolvi l-ħlas ta' penali

Depożiti ta' tifdil mad-daqqa t'għajn li mhumiex trasferibbli u tipi oħra ta' depożiti bl-imnut li, ghalkemm jistgħu jiġu mifdija legalment mat-talba, huma soġġetti għal penali sinifikanti

Bilanċi għal terminu fiss ta' maturità li mhumiex trasferibbli imma li jkunu ġew soġġetti għal notifika ta' inqas minn tliet xhur biex jiġu mifdija aktar kmieni


(1)  L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Marzu, 2000, dwar il-bidu u s-segwiment tal-kummerċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 126, 26.5.2000, p. 1). Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/29/KE (ĠU L 70, 9.3.2006, p. 50), u kif tista’ tiġi emendata minn żmien għal żmien.

(2)  Inkluż id-dħul ta’ flus li jirriżulta mill-bejgħ ta’ bonds tal-banek lill-pubbliku.

(3)  ĠU L 275, 27.10.2000, p. 39. Id-Direttiva kif tista’ tiġi emendata minn żmien għal żmien.

(4)  Fi kliem ieħor, dawn it-tabelli m’humiex listi ta’ strumenti finanzjarji individwali.


ANNESS III

STANDARDS MINIMI LI JRIDU JIĠU APPLIKATI MILL-POPOLAZZJONI ATTWALI TA' RAPPURTAR

L-aġenti tar-rappurtar iridu jissodisfaw l-istandards minimi li ġejjin sabiex jissodisfaw l-obbligi ta’ rappurtar ta’ statistika tal-BĊE.

1.   Standards minimi għat-trasmissjoni

(a)

ir-rappurtar lill-BĊNi għandu jkun fil-ħin u fl-iskadenzi stabbiliti minnhom:

(b)

ir-rapporti ta’ statistika għandhom jieħdu l-forma u l-format mill-obbligi tekniċi tar-rappurtar stabbiliti mill-BĊNi

(c)

il-persuna(i) ta’ kuntatt fi ħdan l-aġent tar-rappurtar għandha tiġi identifikata;

(d)

iridu jiġu segwiti l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għat-trasmissjoni tad-data lill-BĊNi

2.   Standards minimi għall-eżattezza

(e)

L-informazzjoni statistika trid ikun korretta:

għandhom jiġu sodisfatti r-restrizzjonijiet lineari kollha (e.ż.. is-sotto-totali jridu jaqblu mat-totali);

id-data trid tkunu konsistenti tul il-frekwenzi kollha;

(f)

l-aġenti tar-rappurtar għandhom ikunu kapaċi jipprovdu informazzjoni dwar l-iżviluppi implikati mid-data mogħtija;

(g)

l-informazzjoni statistika kollha għandha tkun kompluta; jekk ikun hemm xi lakuni, dawn għandhom jiġu ddikjarati, spjegati lill-BĊNi u, fejn applikabbli, mimlija mill-aktar fis;

(h)

l-informazzjoni statistika ma jistax ikollha lakuni kontinwi u strutturali;

(i)

l-aġenti tar-rappurtar għandhom isegwu d-dimensjonijiet u d-deċimali stabbliti mill-BĊNi għat-trasmissjoni teknika tad-data:

(j)

l-aġenti tar-rappurtar għandhom isegwu l-politika ta' tqarrib (rounding policy) stabbilita mill-BĊNi għat-trasmissjoni teknika tad-data.

3.   Standards minimi għall-konformità kunċettwali

(k)

L-informazzjoni statistika għandha tikkonforma mad-definizzjonijiet u l-klassifazzjonijiet li jinsabu f'dan ir-Regolament;

(l)

F’każ ta' devjazzjonijiet minn dawn id-definizzjonijiet u l-klassifikazzjonijiet, fejn ikun applikabbli, l-aġenti tar-rappurtar għandhom josservaw fuq bażi regolari u jikkwantifikaw id-differenza bejn il-kejl użat u l-kejl li jinsab f'dan ir-Regolament;

(m)

L-aġenti tar-rappurtar għandhom ikunu kapaċi jispjegaw qtugħ fid-data mogħtija meta mqabbla maċ-ċifri tal-perijodi preċedenti.

4.   Standards minimi għar-reviżjonijiet

(n)

Il-politika u l-proċeduri ta' reviżjonijiet stabbiliti mill-BĊE u l-BĊNi għandhom jiġu segwiti. Ir-reviżjonijiet li jiddevjaw mir-reviżjonijiet regolari għandhom jiġu akkumpanjati b'noti ta' spjega.


Fuq