EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32011D0010

2011/410/UE: Deċizjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas- 7 ta’ Lulju 2011 dwar miżuri temporanji marbutin mal-eliġibbiltà ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti mill-Gvern Portugiż (BĊE/2011/10)

ĠU L 182, 12.7.2011, p. 31–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Edizzjoni speċjali bil-Kroat: Kapitolu 10 Volum 003 P. 215 - 216

Status legali tad-dokument M’għadux fis-seħħ, Data tat-tmiem tal-validitàà: 02/05/2013; Imħassar b' 32013D0005(01)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/410/oj

12.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 182/31


DEĊIZJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-7 ta’ Lulju 2011

dwar miżuri temporanji marbutin mal-eliġibbiltà ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti mill-Gvern Portugiż

(BĊE/2011/10)

(2011/410/UE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ’il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”), u partikolarment l-Artikolu 12.1 u t-tieni inċiż tal-Artikolu 34.1, flimkien mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1 u l-Artikolu 18.2 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 18.1 tal-Istatut tas-SEBĊ, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jistgħu jwettqu operazzjonijiet ta’ kreditu ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u parteċipanti oħra fis-suq, bis-self ikun ibbażat fuq garanzija xierqa. Il-kriterji li jiddeterminaw l-eliġibbiltà tal-garanzija għall-finijiet tal-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema huma stabbiliti fl-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2000/7 tal-31 ta’ Awwissu 2000 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema (1) (minn hawn ’il quddiem imsejħa d-“Dokumentazzjoni Ġenerali”).

(2)

Skont it-Taqsima 1.6 tad-Dokumentazzjoni Ġenerali, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE jista’, f’kull ħin, jibdel l-istrumenti, il-kundizzjonijiet, il-kriterji u l-proċeduri għall-eżekuzzjoni tal-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema. Skont it-Taqsima 6.3.1 tad-Dokumentazzjoni Ġenerali, l-Eurosistema tirriżerva d-dritt li tiddetermina jekk ħruġ, emittent, debitur jew min qed jiggarantixxi jissodisfax ir-rekwiżiti tagħha għal standards ta’ kreditu għoljin fuq il-bażi ta’ kull informazzjoni li tista’ tikkunsidra bħala rilevanti.

(3)

Iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali prevalenti fis-suq finanzjarju, flimkien mal-pożizzjoni fiskali tal-Gvern Portugiż, sfrattaw il-valutazzjoni mis-suq tat-titoli maħruġa mill-Gvern Portugiz, b’effetti negattivi fuq l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. Din is-sitwazzjoni eċċezzjonali teħtieġ adattazzjoni ta’ malajr u temporanja tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema.

(4)

Il-Kunsill Governattiv ivvaluta l-fatt illi l-Gvern Portugiż approva programm u jinsab fil-proċess tal-implimentazzjoni ta’ programm ta' aġġustament ekonomiku u finanzjarju, li nnegozja mal-Kummissjoni Ewropea, il-BĊE u l-Fond Monetarju Internazzjonali, u li l-Gvern Portugiż intrabat li jimplimenta bis-sħiħ. Il-Kunsill Governattiv ivvaluta wkoll, minn perspettiva ta’ ġestjoni tar-riskju tal-kreditu tal-Eurosistema, l-effetti ta’ programm bħal dan fuq it-titoli maħruġin mill-Gvern Portugiż. Il-Kunsill Governattiv iqis il-programm bħala xieraq, sabiex, minn perspettiva ta’ ġestjoni tar-riskju tal-kreditu, l-istrumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin mill-Gvern Portugiż jew iggarantiti mill-Gvern Portugiż iżommu standard ta’ kwalità suffiċjenti għat-tkomplija tal-eliġibbiltà tagħhom bħala kollateral għall-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema, irrispettivament minn kull valutazzjoni ta’ kreditu esterna. Dawn il-valutazzjonijiet pożittivi huma l-bażi għal dan l-adattament eċċezzjonali u temporanju tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema, stabbilit bil-ħsieb li jikkontribwixxi għas-saħħa tal-istituzzjonijiet finanzjarji, u b'hekk isaħħaħ l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha u jipproteġi l-klijenti ta' dawk l-istituzzjonijiet.

(5)

Il-Kunsill Governattiv ser jimmonitorja mill-qrib l-impenn b’saħħtu u kontinwat tal-Gvern Portugiż biex jimplimenta bis-sħiħ il-programm ta’ aġġustament ekonomiku u finanzjarju li huwa l-bażi ta’ dan l-adattament eċċezzjonali u temporanju tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema.

(6)

L-adattament eċċezzjonali tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema ġie deċiż u mħabbar pubblikament mill-Kunsill Governattiv fils-7 ta’ Lulju 2011. Għandu japplika temporanjament, sakemm il-Kunsill Governattiv jikkunsidra illi l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja tippermetti l-applikazzjoni normali tal-qafas għall-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Sospensjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Dokumentazzjoni Ġenerali

1.   Ir-rekwiżiti minimi tal-Eurosistema għal-limiti tal-kwalità tal-kreditu, kif speċifikati fir-regoli tal-qafas tal-valutazzjoni tal-kreditu tal-Eurosistema għal titoli negozjabbli f’Taqsima 6.3.2 tad-Dokumentazzjoni Ġenerali, għandhom jiġu sospiżi skont l-Artikoli 2 u 3.

2.   F’każ ta’ xi diskrepanza bejn din id-Deċiżjoni u d-Dokumentazzjoni Ġenerali, tal-ewwel għandha tingħata preċedenza.

Artikolu 2

Eliġibbiltà kontinwata bħala kollateral għal strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin mill-Gvern Portugiż

Il-limitu tal-kwalità tal-kreditu tal-Eurosistema m’għandux japplika għal strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin mill-Gvern Portugiż. Dawn l-assi għandhom jikkostitwixxu kollateral eliġibbli għall-finijiet tal-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema, irrispettivament mill-klassifika esterna tal-kreditu tagħhom.

Artikolu 3

Eliġibbiltà kontinwata bħala kollateral għal strumenti ta’ dejn negozjabbli ggarantiti mill-Gvern Portugiż

Il-limitu tal-kwalità tal-kreditu tal-Eurosistema m’għandux japplika għal strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin minn entitajiet stabbiliti fil-Portugall u ggarantiti bis-sħiħ mill-Gvern Portugiż. Garanzija mogħtija mill-Gvern Portugiż għandha tkompli tkun soġġetta għar-rekwiżiti li jinsabu f'Taqsima 6.3.2 tad-Dokumentazzjoni Ġenerali. Dawn l-assi għandhom jikkostitwixxu kollateral eliġibbli għall-finijiet tal-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema, irrispettivament mill-klassifika esterna tal-kreditu tagħhom.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċizjoni għandha tidħol fis-seħħ fis-7 ta’ Lulju 2011.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-7 ta’ Lulju 2011.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  ĠU L 310, 11.12.2000, p. 1.


Fuq