EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32011D0008(01)

2011/397/UE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 21 ta’ Ġunju 2011 dwar il-proċeduri għall-akkreditazjoni ambjentali u tas-saħħa u sigurtà għall-produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro (BĊE/2011/8)

ĠU L 176, 5.7.2011, p. 52–58 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Edizzjoni speċjali bil-Kroat: Kapitolu 15 Volum 028 P. 129 - 135

Status legali tad-dokument M’għadux fis-seħħ, Data tat-tmiem tal-validitàà: 26/02/2015; Imħassar b' 32013D0054(01)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/397/oj

5.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 176/52


DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-21 ta’ Ġunju 2011

dwar il-proċeduri għall-akkreditazjoni ambjentali u tas-saħħa u sigurtà għall-produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro

(BĊE/2011/8)

(2011/397/UE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 128(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 128(1) tat-Trattat u l-Artikolu 16 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ’il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”) jipprovdu li l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għandu d-dritt esklussiv li jawtorizza l-ħruġ ta’ karti tal-flus tal-euro fi ħdan l-Unjoni. Dan id-dritt jinkludi l-kompetenza biex jieħu miżuri biex jipproteġi l-integrità ta’ karti tal-flus tal-euro bħala mezz ta’ pagament.

(2)

Il-politika ambjentali tal-Unjoni hija bbażata fuq il-prinċipju tal-integrazzjoni ambjentali, kif stabbilit fl-Artikolu 11 tat-Trattat, skont liema r-rekwiżiti tal-protezzjoni ambjentali għandhom ikunu integrati fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet tal-Unjoni, b’mod partikolari bil-ħsieb li jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli. Bil-ħsieb ta’ dan il-prinċipju, l-Eurosistema tippromwovi ġestjoni ambjentali tajba bbażata fuq is-sensiela ta’ standards ISO 14000.

(3)

Skont l-Artikolu 9 tat-Trattat, fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet tagħha, l-Unjoni għandha tikkunsidra r-rekwiżiti, inter alia, marbutin mal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem. Bil-ħsieb ta’ dan il-prinċipju, l-iskansament u l-minimizzazzjoni ta’ kull riskju għas-saħħa u s-sigurtà tal-pubbliku ġenerali u tal-ħaddiema involuti fil-produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro jew tal-materja prima għall-karti tal-flus tal-euro huma ta’ importanza fundamentali għall-Eurosistema. L-Eurosistema tappoġġja l-ġestjoni tajba tas-saħħa u s-sigurtà skont il-linja tal-politiki tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (1) u s-sensiela ta’ standards OHSAS 18000.

(4)

Għal dawn ir-raġunijiet, għandhom jiġu stabbiliti proċeduri għall-akkreditazjoni ambjentali u tas-saħħa u sigurtà biex jiżguraw li jkunu biss il-manifatturi li jikkonformaw mar-rekwiżiti minimi ambjentali u tas-saħħa u sigurtà li jiġu akkreditati biex iwettqu attività ta’ produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro.

(5)

Sabiex jimmonitorja l-imġiba ambjentali u tas-saħħa u sigurtà tal-manifatturi akkreditati tal-karti tal-flus tal-euro u tal-materja prima għall-karti tal-flus tal-euro kemm jista’ jkun mill-qrib, il-BĊE għandu bżonn jiġbor regolarment dejta mingħand dawk il-manifatturi dwar l-impatt fuq l-ambjent u fuq is-saħħa u sigurtà tal-produzzjoni tagħhom ta’ karti tal-flus tal-euro u tal-materja prima għall-karti tal-flus tal-euro,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

TAQSIMA I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“BĊN” tfisser il-bank ċentrali nazzjonali ta’ Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro;

(b)

“materja prima għall-karti tal-flus tal-euro” tfisser karta, inka, fojl u ħajt użati għall-produzzjoni tal-karti tal-flus tal-euro;

(c)

“sit tal-manifattura” tfisser kull post li jintuża minn, jew li jixtieq juża, manifattur għall-produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro jew tal-materjal prima għall-karti tal-flus tal-euro;

(d)

“manifattur” tfisser kull entità li hija, jew li tixtieq tkun, involuta f’attvità ta’ produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro;

(e)

“akkreditazzjoni ambjentali” tfisser l-istat, li l-iskop tiegħu huwa stabbilit fl-Artikolu 3, mogħti mill-BĊE lil manifattur u li jikkonferma illi l-attività tiegħu ta’ produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro hija konformi mar-rekwiżiti stabbiliti f’Taqsima II;

(f)

“akkreditazzjoni tas-saħħa u sigurtà” tfisser l-istat, li l-iskop tiegħu huwa stabbilit fl-Artikolu 4, mogħti mill-BĊE lil manifattur u li jikkonferma illi l-attività tiegħu ta’ produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro hija konformi mar-rekwiżiti stabbiliti f’Taqsima II;

(g)

“manifattur akkreditat” tfisser manifattur li ġie mogħti akkreditazzjoni ambjentali u akkreditazzjoni tas-saħħa u sigurtà;

(h)

“awtorità għaċ-ċertifikazzjoni” tfisser awtorità għaċ-ċertifikazzjoni indipendenti li tevalwa s-sistemi tal-manifatturi għall-ġestjoni tal-ambjent jew tas-saħħa u sigurtà u li hija akkreditata biex tiċċertifika illi l-manifattur jissodisfa r-rekwiżiti tas-sensiela ta’ standards ISO 14000 jew OHSAS 18000;

(i)

“attività tal-produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro” tfisser il-produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro jew ta’ xi materja prima għall-karti tal-flus tal-euro;

(j)

“jum ta’ xogħol tal-BĊE” tfisser jum mit-Tnejn sal-Ġimgħa, bl-esklużjoni tal-festi pubbliċi tal-BĊE;

(k)

“produzzjoni ta’ pjanċi” tfisser il-produzzjoni ta’ pjanċi tal-istampar għat-teknoloġiji ta’ stampar bil-litografija jew bl-intall użati għall-produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro;

(l)

“produzzjoni individwali” tfisser produzzjoni komposta minn bosta gruppi magħmulin mill-istess materja prima mingħand l-istess fornituri, fejn il-komposizzjoni hija dejjem omoġenja, u ma tintroduċix sustanzi ġodda, jew l-istess sustanzi b’varjazzjonijiet fil-konċentrazzjoni li huma ’l fuq mil-limitu, kif speċifikat mill-BĊE separatament.

Artikolu 2

Prinċipji ġenerali

1.   Manifattur jista’ jwettaq attività ta’ produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro biss jekk il-BĊE jagħtih akkreditazjoni ambjentali u akkreditazzjoni tas-saħħa u s-sigurtà għal dik l-attività.

2.   Ir-rekwiżiti tal-BĊE għall-akkreditazzjoni ambjentali u tas-saħħa u sigurtà għandhom ikunu rekwiżiti minimi. Il-manifatturi jistgħu jadottaw u jimplimentaw standards ambjentali u/jew tas-saħħa u sigurtà li huma aktar stretti, iżda l-BĊE għandu jivvaluta biss it-twettiq mill-manifattur tar-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.

3.   Il-Bord Eżekuttiv għandu jkun kompetenti biex jieħu d-deċiżjonijiet kollha marbutin mal-akkreditazzjoni ambjentali u tas-saħħa u sigurtà ta’ manifattur, billi jqis l-opinjonijiet tal-Kumitat tal-Karti tal-Flus, u għandu jinforma lill-Kunsill Governattiv dwar dan.

4.   Manifattur akkreditat jista’ jwettaq attività ta’ produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro biss fis-siti tal-manifattura li għalihom ikun ġie mogħti: (a) akkreditazjoni ambjentali; u (b) akkreditazzjoni tas-saħħa u sigurtà, minkejja kull akkreditazzjoni oħra mogħtija skont xi att legali ieħor tal-BĊE.

5.   Spejjeż u telf assoċjat illi manifattur jinkorri b’konnessjoni mal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jinħarġu mill-manifattur.

6.   Il-BĊE għandu jistabbilixxi separatament id-dettalji tekniċi tar-rekwiżiti li jridu jiġu sodisfatti mill-manifatturi sabiex jiksbu akkreditazzjoni ambjentali u tas-saħħa u sigurtà.

Artikolu 3

Akkreditazzjoni ambjentali

1.   Akkreditazzjoni fuq bażi tas-sensiela ta’ standards ISO 14000 dwar sistemi ta’ ġestjoni ambjentali għandhom isegwu l-proċedura stabbilita f’Taqsima II. Manifattur jista’ jwettaq attività ta’ produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro biss jekk il-BĊE ikun tah akkreditazjoni ambjentali għal dik l-attività.

2.   Manifattur jista’ jingħata akkreditazzjoni ambjentali għal attività ta’ produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro bil-patt illi jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

jikkonforma mas-sensiela ta’ standards ISO 14001 f’sit ta’ manifattura partikolari għal attività ta’ produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro partikolari u l-awtorità għaċ-ċertifikazzjoni tkun ħarġet ċertifikat għal dak il-għan;

(b)

fejn huwa stamperija, is-sit ta’ manifattura tiegħu jinsab fi Stat Membru;

(c)

fejn mhuwiex stamperija, is-sit tal-manifattura tiegħu jinsab fi Stat Membru jew fi stat membru tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA).

3.   Il-Bord Eżekuttiv jista’ jagħti eżenzjonijiet mir-rekwiżit tal-pożizzjoni stabbilit fil-paragrafu 2(b) u (c) skont il-każ, billi jqis l-opinjonijiet tal-Kumitat tal-Karti tal-Flus. Kull deċiżjoni bħal din għandha tiġi nnotifikata minnufih lill-Kunsill Governattiv. Il-Bord Eżekuttiv għandu jimxi ma’ kull deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv dwar din il-kwistjoni.

4.   Akkreditazzjoni ambjentali għandha tingħata lil manifattur għal tliet snin, mingħajr ħsara għal deċiżjoni meħuda skont l-Artikoli 13 jew 14.

5.   Il-kunsens tal-BĊE bil-miktub minn qabel għandu jkun meħtieġ għal manifattur b’akkreditazzjoni ambjentali biex jagħti biex issir barra l-produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro jew ta’ materja prima għall-karti tal-flus tal-euro lil sit ta’ manifattura ieħor jew lil xi terza persuna, inklużi s-sussidjarji tal-manifattur u kumpaniji assoċjati.

Artikolu 4

Akkreditazzjoni tas-saħħa u sigurtà

1.   Akkreditazzjoni fuq bażi tal-istandards OHSAS 18001 dwar sistemi ta’ ġestjoni tas-saħħa u sigurtà għandhom isegwu l-proċedura stabbilita f’Taqsima III. Manifattur jista’ jwettaq attività ta’ produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro biss jekk il-BĊE ikun tah akkreditazjoni tas-saħħa u sigurtà għal dik l-attività.

2.   Manifattur jista’ jingħata akkreditazzjoni tas-saħħa u sigurtà għal attività ta’ produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro bil-patt illi jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

jikkonforma mal-istandard OHSAS 18001 f’sit ta’ manifattura partikolari għal attività ta’ produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro partikolari u l-awtorità għaċ-ċertifikazzjoni tkun ħarġet ċertifikat għal dak il-għan;

(b)

fejn huwa stamperija, is-sit ta’ manifattura tiegħu jinsab fi Stat Membru;

(c)

fejn mhuwiex stamperija, is-sit tal-manifattura tiegħu jinsab fi Stat Membru jew fi stat membru tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA).

3.   Il-Bord Eżekuttiv jista’ jagħti eżenzjonijiet mir-rekwiżit tal-pożizzjoni stabbilit fil-paragrafu 2(b) u (c) skont il-każ, billi jqis l-opinjonijiet tal-Kumitat tal-Karti tal-Flus. Kull deċiżjoni bħal din għandha tiġi nnotifikata minnufih lill-Kunsill Governattiv. Il-Bord Eżekuttiv għandu jimxi ma’ kull deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv dwar din il-kwistjoni.

4.   Akkreditazzjoni tas-saħħa u sigurtà għandha tingħata lil manifattur għal tliet snin, mingħajr ħsara għal kull deċiżjoni meħuda skont l-Artikoli 13 jew 14.

5.   Il-kunsens tal-BĊE bil-miktub mogħti minn qabel għandu jkun meħtieġ għal manifattur b’akkreditazzjoni tas-saħħa u sigurtà biex jagħti l-produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro jew ta’ materja prima għall-karti tal-flus tal-euro biex issir barra lil sit ta’ manifattura ieħor jew lil xi terza persuna, inklużi s-sussidjarji tal-manifattur u kumpaniji assoċjati.

TAQSIMA II

PROĊEDURA GĦALL-AKKREDITAZZJONI AMBJENTALI

Artikolu 5

Talba għad-tnedija

1.   Manifattur li jixtieq iwettaq attività ta’ produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro għandu jagħmel talba bil-miktub lill-BĊE sabiex iniedi l-proċedura għall-akkreditazzjoni ambjentali. It-talba għat-tnedija għandha tinkludi kull waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

speċifikazzjoni tas-sit tal-manifattura u fejn jinsab;

(b)

kopja taċ-ċertifikat ISO 14001 għas-sit speċifikat;

(c)

taqsira bl-Ingliż tal-aħħar rapport ta’ verifika annwali maħruġ mill-awtorità għaċ-ċertifikazzjoni;

(d)

rapport annwali bl-Ingliż li jiddeskrivi l-funzjonament tas-sistema interna għall-ġestjoni ambjentali li jsir permezz ta’ mudell fornit mill-BĊE.

2.   Il-BĊE għandu jivverifika jekk id-dokumentazzjoni pprovduta mill-manifattur fit-talba għat-tnedija tiegħu hijiex kompleta. Huwa għandu jinforma lill-manifattur bl-eżitu ta’ din il-valutazzjoni fi żmien 30 jum tax-xogħol tal-BĊE mid-data li jkun irċieva t-talba għat-tnedija. Il-BĊE jista’ jestendi dan it-terminu darba, permezz ta’ avviż bil-miktub lill-manifattur. Filwaqt illi l-BĊE ikun qed jagħmel din il-valutazzjoni, huwa jista’ jitlob tagħrif kumplimentari mingħand il-manifattur b’rabta mar-rekwiżiti elenkati fil-paragrafu 1. Jekk il-BĊE jitlob tagħrif kumplimentari, huwa għandu jinforma lill-manifattur bl-eżitu tal-valutazzjoni fi żmien 20 jum tax-xogħol tal-BĊE mid-data li jkun irċieva t-tagħrif kumplimentari.

3.   Il-BĊE għandu jiċħad it-talba għat-tnedija u jinforma lill-manifattur bil-miktub bid-deċiżjoni tiegħu li jagħmel dan u bir-raġunijiet fi żmien it-termini speċifikatifil-paragrafu 2 jekk tkun tapplika xi waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

il-manifattur jonqos milli jipprovdi l-informazzjoni mitluba skont il-paragrafu 1;

(b)

huwa jonqos milli jagħti informazzjoni kumplimentarii mitluba mill-BĊE skont il-paragrafu 2 fi żmien perijodu raġjonevoli li għandu jkun miftiehem bejn iż-żewġ partijiet;

(c)

l-akkreditazzjoni ambjentali tal-manifattur tkun ġiet irrevokata u l-perijodu tal-projbizzjoni fuq applikazzjoni mill-ġdid speċifikat fid-deċiżjoni tar-revoka ma jkunx skada;

(d)

il-pożizzjoni tas-sit tal-manifattura ma tkunx tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3(2)b jew (c);

Artikolu 6

Akkreditazzjoni ambjentali

1.   F’każ ta’ evalwazzjoni pożittiva mill-BĊE tat-talba għat-tnedija skont Artikolu 5(2), il-manifattur għandu jingħata akkreditazzjoni ambjentali.

2.   Id-deċiżjoni tal-BĊE li tagħti l-akkreditazzjoni ambjentali lill-manifattur għandha tidentifika b’mod ċar:

(a)

l-isem tal-manifattur;

(b)

is-sit tal-manifattura li għalih tingħata l-akkreditazzjoni ambjentali u l-indirizz eżatt tiegħu;

(c)

id-data tal-iskadenza tal-akkreditazzjoni ambjentali;

(d)

kundizzjonijiet speċifiċi relatati ma’ punti (b) u (c).

3.   Akkreditazzjoni ambjentali għandha tingħata lil manifattur għal perijodu ta’ tliet snin li jista’ jiġġedded. Jekk il-manifattur b’akkreditazzjoni ambjentali jerġa’ japplika għal akkreditazzjoni ambjentali qabel id-data tal-iskadenza ta’ din l-akkreditazzjoni, l-akkreditazzjoni ambjentali tiegħu għandha tibqa’ valida sakemm il-BĊE ikun ħa deċiżj’ni skont paragrafu 1.

4.   Jekk il-BĊE jiċħad it-talba għall-akkreditazzjoni ambjentali, il-manifattur jista’ jniedi l-proċedura għall-appell stabbilita fl-Artikolu 15.

TAQSIMA III

PROĊEDURA GĦALL-AKKREDITAZZJONI TAS-SAĦĦA U SIGURTÀ

Artikolu 7

Talba għad-tnedija

1.   Manifattur li jixtieq iwettaq attività ta’ produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro għandu jagħmel talba bil-miktub lill-BĊE sabiex iniedi l-proċedura għall-akkreditazzjoni tas-saħħa u sigurtà. Din it-talba għat-tnedija għandha tinkludi kull waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

speċifikazzjoni tas-sit tal-manifattura u l-pożizzjoni tiegħu;

(b)

kopja taċ-ċertifikat OHSAS 18001 għas-sit speċifikat;

(c)

taqsira bl-Ingliż tal-aħħar rapport ta’ verifika annwali maħruġ mill-awtorità għaċ-ċertifikazzjoni;

(d)

rapport annwali bl-Ingliż li jiddeskrivi l-funzjonament tas-sistema interna għall-ġestjoni tas-saħħa u sigurtà li jsir permezz ta’ mudell fornit mill-BĊE.

2.   Il-BĊE għandu jivverifika jekk id-dokumentazzjoni pprovduta mill-manifattur fit-talba għat-tnedija tiegħu hijiex kompleta. Huwa għandu jinforma lill-manifattur bl-eżitu ta’ din l-evalwazzjoni fi żmien 30 jum tax-xogħol tal-BĊE mid-data li jkun irċieva t-talba għat-tnedija. Il-BĊE jista’ jestendi dan it-terminu darba permezz ta’ avviż bil-miktub lill-manifattur. Filwaqt illi l-BĊE ikun qed jagħmel din l-evalwazzjoni, huwa jista’ jitlob tagħrif kumplimentari mingħand il-manifattur b’rabta mar-rekwiżiti elenkati fil-paragrafu 1. Jekk il-BĊE jitlob tagħrif kumplimentari, huwa għandu jinforma lill-manifattur bl-eżitu tal-evalwazzjoni fi żmien 20 jum tax-xogħol tal-BĊE mid-data li jkun irċieva t-tagħrif kumplimentari.

3.   Il-BĊE għandu jiċħad it-talba għat-tnedija u jinforma lill-manifattur bil-miktub bid-deċiżjoni tiegħu li jagħmel dan u bir-raġunijiet fi żmien it-termini speċifikati fil-paragrafu 2 jekk tkun tapplika xi waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

il-manifattur jonqos milli jipprovdi l-informazzjoni mitluba skont il-paragrafu 1;

(b)

huwa jonqos milli jagħti xi informazzjoni kumplimentarii mitluba mill-BĊE skont il-paragrafu 2 fi żmien perijodu raġjonevoli li għandu jkun miftiehem bejn iż-żewġ partijiet;

(c)

l-akkreditazzjoni tas-saħħa u sigurtà tal-manifattur tkun ġiet revokata u l-perijodu tal-projbizzjoni fuq applikazzjoni mill-ġdid speċifikat fid-deċiżjoni tar-revoka ma jkunx skada;

(d)

il-pożizzjoni tas-sit tal-manifattura ma tkunx tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 4(2)(b) jew (c);

Artikolu 8

Akkreditazzjoni tas-saħħa u sigurtà

1.   F’każ ta’ evalwazzjoni pożittiva mill-BĊE tat-talba għat-tnedija skont Artikolu 7(2), il-manifattur għandu jingħata akkreditazzjoni tas-saħħa u sigurtà.

2.   Id-deċiżjoni tal-BĊE li tagħti l-akkreditazzjoni tas-saħħa u sigurtà lill-manifattur għandha tidentifika b’mod ċar:

(a)

l-isem tal-manifattur;

(b)

is-sit tal-manifattura li għalih tingħata l-akkreditazzjoni tas-saħħa u sigurtà u l-indirizz eżatt tiegħu;

(c)

id-data tal-iskadenza tal-akkreditazzjoni tas-saħħa u sigurtà;

(d)

kundizzjonijiet speċifiċi relatati ma’ punti (b) u (c).

3.   Akkreditazzjoni tas-saħħa u sigurtà għandha tingħata lil manifattur għal perijodu ta’ tliet snin li jista’ jiġġedded. Jekk il-manifattur b’akkreditazzjoni tas-saħħa u sigurtà jerġa’ japplika għal akkreditazzjoni tas-saħħa u sigurtà qabel id-data tal-iskadenza ta’ din l-akkreditazzjoni, l-akkreditazzjoni tas-saħħa u sigurtà tiegħu għandha tibqa’ valida sakemm il-BĊE ikun ħa deċiżjoni skont paragrafu 1.

4.   Jekk il-BĊE jiċħad it-talba għall-akkreditazzjoni tas-saħħa u sigurtà, il-manifattur jista’ jniedi l-proċedura għall-appell stabbilita fl-Artikolu 15.

TAQSIMA IV

OBBLIGI LI JKOMPLU

Artikolu 9

Obbligi li jkomplu ta’ manifatturi akkreditati

1.   Manifattur akkreditat għandu jinforma lill-BĊE bil-miktub u mingħajr dewmien żejjed b’kull waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

il-bidu ta’ kull proċedura għal-likwidazzjoni jew riorganizzazzjoni tal-manifattur jew kull proċedura analoga;

(b)

il-ħatra ta’ likwidatur, riċevitur, amministratur jew uffiċjal simili b’rabta mal-manifattur;

(c)

kull intenzjoni li xogħol ta’ kuntratt jiġi mogħti lil ħaddieħor jew li partijiet terzi jiġu involuti f’attività ta’ produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro li għaliha l-manifattur għandu akkreditazzjoni ámbjentali u tas-saħħa u sigurtà;

(d)

kull bidla li sseħħ wara li tkun ingħatat l-akkreditazzjoni ambjentali u tas-saħħa u sigurtà li għandha effett, jew li jista’ jkollha effett, fuq it-twettiq tar-rekwiżiti għall-akkreditazzjoni ambjentali u tas-saħħa u sigurtà;

(e)

kull bidla fil-kontroll tal-manifattur akkreditat wara bidla fl-istruttura tal-proprjetà tiegħu jew għal kull raġuni oħra.

2.   Għas-sit ta’ manifattura rilevanti, manifattur akkreditat għandu jipprovdi lill-BĊE bi:

(a)

kopja taċ-ċertifikati għas-sistemi ta’ ġestjoni ambjentali u tas-saħħa u sigurtà kull darba li jiġġedded iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikoli 3(2)(a) u 4(2)(a);

(b)

għal kull sena kalendarja u fi żmien erba’ xhur minn tmiem is-sena, it-taqsiriet, tradotti għall-Ingliż, tal-aħħar rapporti esterni ta’ verifika ambjentali u tas-saħħa u sigurtà maħruġin mill-awtoritajiet għaċ-ċertifikazzjoni rilevanti;

(c)

għal kull sena kalendarja u fi żmien erba’ xhur minn tmiem is-sena, rapporti bl-Ingliż dwar il-funzjonament tas-sistemi ta’ ġestjoni ambjentali u tas-saħħa u sigurtà tiegħu skont il-mudelli msemmijin f’Artikoli 5(1)(d) u 7(1)(d);

(d)

għal kull sena kalendarja u fi żmien erba’ xhur minn tmiem is-sena, informazzjoni ġenerali u dejta ambjentali dwar il konsum annwali u l-emissjonijiet li jinħolqu minn attività ta’ produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro kif stabbilita mill-Kwestjonarju Ambjentali tal-BĊE ipprovdut mill-BĊE.

3.   Jekk il-manifattur akkreditat huwa stamperija, huwa għandu wkoll:

(a)

iwettaq analiżi fuq is-sustanzi kimiċi speċifikati fil-lista msemmija fl-Artikolu 10(1) mmexxija mil-laboratorji indikati fil-lista msemmija fl-Artikolu 10(2). Dawn l-analiżi għandhom jitwettqu fuq karti tal-flus tal-euro lesti skont il-proċeduri operattivi standard stabbiliti separatament mill-anqas darba għal kull produzzjoni individwali u addizzjonalment kull meta l-manifattur akkreditat iqis illi huwa xieraq li tiġi mmonitorjata l-konformità mal-limiti aċċettati ta’ sustanzi kimiċi. Il-manifattur akkreditat għandu jirrapporta lill-BĊE dwar kull analiżi ta’ kampjun individwali permezz tal-mudell għar-rapport tal-analiżi pprovdut mill-BĊE;

(b)

jirrapporta għal kull sena kalendarja u fi żmien erba’ xhur minn tmiem is-sena dwar il-funzjonament tal-laboratorji li jkunu wettqu l-analiżi msemmijin f’punt (a) permezz tal-mudell għar-rapport dwar il-funzjonament ipprovdut mill-BĊE;

(c)

jikkonkludi kuntratti għall-provvista ma’ fornituri tal-materja prima għall-karti tal-flus tal-euro, li jinkludu l-obbligu tal-fornituri tal-materja prima għall-karti tal-flus tal-euro li jiżguraw illi s-sustanzi kimiċi li jinsabu fil-materja prima għall-karti tal-flus tal-euro prodotta minn dawn tal-aħħar ma jkunux jaqbżu l-limiti aċċettati msemmijin fl-Artikolu 10(1), meta jiġu analizzati f’karti tal-flus tal-euro lesti skont paragrafu 3(a). Sabiex jissodisfa dan ir-rekwiżit, il-manifattur akkreditat għandu jipprovdi d-dokumentazzjoni kollha rilevanti lill-fornituri tal-materja prima għall-karti tal-flus tal-euro. Fornituri ta’ materja prima għall-karti tal-flus tal-euro jistgħu jużaw il-laboratorji speċifikati fil-lista msemmija fl-Artikolu 10(2) għall-ħtiġijiet analitiċi tagħhom;

(d)

jiżgura li kull kumpanija li tagħmel il-pjanċi li lilha jgħaddi x-xogħol ikollha certifikati ISO 14001 u OHSAS 18001 għas-siti tal-produzzjoni rilevanti tagħha.

4.   Manifattur akkreditat għandu jżomm kunfidenzjali d-dettalji tekniċi relatati mar-rekwiżiti ambjentali u tas-saħħa u sigurtà msemmijin fl-Artikolu 2(6).

Artikolu 10

Obbligi li jkomplu tal-BĊE

1.   Il-BĊE għandu jistabbilixxi lista ta’ sustanzi kimiċi li jridu jiġu analizzati u l-limiti aċċettati tagħhom. Mingħajr preġudizzju għal Artikolu 19, il-fatt li jinqabżu dawn il-limiti ta’ aċċettazzjoni, inkluż fil-każijiet previsti fl-Artikolu 9(3)(c), m’għandux ikollu impatt fuq l-akkreditazzjoni tas-saħħa u sigurtà ta’ manifattur.

2.   Il-BĊE għandu jżomm lista ta’ laboratorji li għandhom jintużaw biex janalizzaw il-preżenza u l-konċentrazzjoni ta’ sustanzi kimiċi fil-lista msemmija fil-paragrafu 1. Il-metodi li għandhom jintużaw għall-analiżi għandhom jiġu stabbiliti separatament.

3.   Il-BĊE għandu jinforma lil manifatturi akkreditati b’kull aġġornament tal-listi msemmijin f’paragrafi 1 u 2.

TAQSIMA V

KONSEGWENZI TAN-NONKONFORMITÀ

Artikolu 11

Nonkonformità

Jekk il-manifattur akkreditat ma jikkonformax ma’ xi wieħed mill-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 9 jew jekk l-informazzjoni pprovduta lill-BĊE skont Artikolu 9(2)9b), (c) u (d) u l-Artikolu 9(3)(a) u (b) mhix kompleta, dan għandu jikkostitwixxi nonkonformità mill-manifattur mar-rekwiżiti għall-akkreditazzjoni ambjentali jew tas-saħħa u sigurtà.

Artikolu 12

Osservazzjoni bil-miktub

1.   Il-BĊE għandu jagħmel osservazzjoni bil-miktub lill-manifattur akkreditat f’każ ta’ nonkonformità tat-tip imsemmi fl-Artikolu 11(4), li tistabbilixxi t-terminu li fih il-manifattur irid jirrimedja n-nonkonformità..

2.   L-osservazzjoni bil-miktub għandha tiddikjara li: (a) jekk in-nonkonformità ma tkunx ġiet irrimedjata fit-terminu msemmi fil-paragrafu 1 jew (b) jekk hemm okkażjoni oħra ta’ nonkonformità fit-terminu msemmi fil-paragrafu 1, il-BĊE għandu jieħu deċiżjoni skont l-Artikolu 13.

Artikolu 13

Sospensjoni tal-akkreditazzjoni ambjentali jew tas-saħħa u sigurtà b’rabta ma’ ordnijiet ġodda

1.   Jekk, fit-terminu msemmi fl-Artikolu 12(1), jew in-nonkonformità ma tkunx ġiet irrimedjata jew ikun hemm okkażjoni oħra ta’ nonkonformità, iżda l-manifattur akkreditat jippreżenta każ raġjonevoli illi ser ikun jista’ jirrettifika n-nonkonformità, il-BĊE għandu jieħu deċiżjoni:

(a)

li tistabbilixxi, b’konsultazzjoni mal-manifattur akkreditat, terminu ta’ żmien sabiex il-manifattur akkreditat jirrimedja għan-nonkonformità;

(b)

tissospendi l-akkreditazzjoni tal-manifattur akkreditat fir-rigward tal-abbiltà tiegħu li jaċċetta ordnijiet ġodda għall-attività ta’ produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro kkonċernata, inkluż il-parteċipazzjoni fi proċeduri ta’ sejħa għall–offerti relatati ma’ attività ta’ produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro, sakemm it-terminu ta’ żmien imsemmi f’punt (a) jiskadi jew, jekk in-nonkonformità tkun ġiet rimedjata f’dan it-terminu ta’ żmien, sakemm in-nonkonformità tkun ġiet rimedjata.

2.   Jekk madankollu l-manifattur akkreditat ma jippreżentax każ raġjonevoli illi ser ikun jista’ jirrettifika n-nonkonformità msemmija fil-paragrafu 1, il-BĊE għandu jieħu deċiżjoni skont l-Artikolu 14.

Artikolu 14

Revoka tal-akkreditazzjoni ambjentali jew tas-saħħa u sigurtà

1.   Il-BĊE għandu jirrevoka l-akkreditazzjoni ambjentali jew tas-saħħa u sigurtà ta’ manifattur akkreditat: (a) jekk il-manifattur akkreditat ma jkunx jista’ jirrettifika n-nonkonformità tiegħu fit-terminu ta’ żmien imsemmi fl-Artikolu 13(1)(a); jew (b) skont Artikolu 13(2).

2.   Fid-deċiżjoni tiegħu li jirrevoka, il-BĊE għandu jispeċifika d-data li minnha l-manifattur akkreditat jista’ jerġa’ japplika għall-akkreditazzjoni.

Artikolu 15

Proċedura ta’ rieżami

1.   jekk il-BĊE ikun ħa waħda mid-deċiżjonijiet li ġejjin:

(a)

li jiċħad talba għat-tnedija ta’ proċedura ta’ akkreditazzjoni ambjentali jew tas-saħħa u sigurtà,

(b)

li jiċħad l-akkreditazzjoni ambjentali jew tas-saħħa u sigurtà,

(c)

deċiżjoni skont l-Artikoli 12 sa 14,

il-manifattur jew il-manifattur akkreditat jista’, fi żmien 30 jum tax-xogħol tal-BĊE min-notifika ta’ din id-deċiżjoni, jissottometti talba bil-miktub lill-Kunsill Governattiv sabiex jirrevedi d-deċiżjoni. Il-manifattur jew il-manifattur akkreditat għandu jinkludi r-raġunijiet tiegħu għal din it-talba u l-informazzjoni kollha li tappoġġjaha.

2.   Jekk il-manifattur jew il-manifattur akkreditat jitlob dan espliċitament, u jagħti r-raġunijiet, il-Kunsill Governattiv jista’ jissospendi l-applikazzjoni tad-deċiżjoni li trid tiġi eżaminata mill-ġdid.

3.   Il-Kunsill Governattiv għandu jeżamina mill-ġdid id-deċiżjoni u jikkomunika d-deċiżjoni rraġunata tiegħu bil-miktub lill-manifattur jew lill-manifattur akkreditat fi żmien xahrejn minn meta jkun irċieva t-talba.

4.   L-applikazzjoni tal-paragrafi 1 sa 3 għandha tkun bla preġudizzju għal drittijiet taħt l-Artikoli 263 u 265 tat-Trattat.

TAQSIMA VI

FUNZJONAMENT AMBJENTALI

Artikolu 16

Informazzjoni dwar il-funzjonament ambjentali tal-manifattur akkreditat

Sabiex jiġi evalwat aħjar il-funzjonament ambjentali ta’ manifatturi akkreditati, il-BĊE jista’ jitlob lill-manifatturi akkreditati għal informazzjoni speċifika jew għal kjarifika b’rabta mad-dejta pprovduta fil-Kwestjonarju Ambjentali tal-BĊE imsemmi fl-Artikolu 9(2)(d). Jekk meħtieġ, il-BĊE jista’ jitlob laqgħa mal-manifattur akkreditat fis-sit tal-BĊE. Il-BĊE jista’ jiddeċiedi wkoll, bil-permess tal-manifattur akkreditat u b’konformità mar-rekwiżiti kollha tas-sigurtà li hemm fis-seħħ fir-rigward tal-manifattur akkreditat, illi jwettaq żjara fuq il-post. Il-manifattur akkreditat jista’ jistieden ukoll lill-BĊE għal żjara fuq il-post sabiex jikkarifika d-dejta pprovduta fil-Kwestjonarju tal-BĊE dwar l-Ambjent.

TAQSIMA VII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 17

Reġistru tal-akkreditazzjoni tal-BĊE

1.   Il-BĊE għandu jżomm reġistru tal-akkreditazzjonijiet ambjentali u tas-saħħa u sigurtà:

(a)

li jelenka l-manifatturi li jkunu ngħataw akkreditazzjoni ambjentali u tas-saħħa u sigurtà u s-siti tal-manifattura rilevanti;

(b)

li jindika fir-rigward ta’ kull sit tal-manifattura l-attività ta’ produzzjoni tal-karti tal-flus tal-euro li għaliha ngħatat l-akkreditazzjoni ambjentali u tas-saħħa u sigurtà;

(c)

li jirreġistra l-iskadenza ta’ kull akkreditazzjoni ambjentali u tas-saħħa u sigurtà.

2.   Jekk il-BĊE jieħu deċiżjoni taħt l-Artikolu 13, huwa għandu jirreġistra d-dewmien tas-sospensjoni.

3.   Jekk il-BĊE jieħu deċiżjoni skont l-Artikolu 14, huwa għandu jneħħi l-isem tal-manifattur mir-reġistru.

4.   Il-BĊE għandu jipprovdi lil BĊNi u lil manifatturi akkreditati b’lista tal-manifatturi akkreditati li jinsabu fir-reġistru u b’kull aġġornament tagħha.

Artikolu 18

Rapport annwali

1.   Il-BĊE għandu, fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-manifatturi akkreditati, jikkompila rapport annwali dwar l-impatt ambjentali tal-attività tal-produzzjoni tal-karti tal-flus tal-euro u l-effetti tagħha fuq is-saħħa u sigurtà.

2.   Il-BĊE għandu jiżvela informazzjoni lill-pubbliku dwar l-impatti generali ambjentali u tas-saħħa u sigurtà tal-attività tal-produzzjoni tal-karti tal-flus tal-euro skont Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u korpi tal-Komunità tas-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (2).

Artikolu 19

Dispożizzjoni tranżitorja

Mill-produzzjoni tal-karti tal-flus tal-euro tal-2016, il-BĊNi m’għandhomx jivvalidaw karti tal-flus tal-euro stampati b’sustanzi kimiċi li jaqbżu l-limiti ta’ aċċettazzjoni msemmijin fl-Artikolu 10(1).

Artikolu 20

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mill-produzzjoni tal-karti tal-flus tal-euro tal-2013.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-21 ta’ Ġunju 2011.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  Disponibbli fuq http://osha.europa.eu.

(2)  ĠU L 264, 25.9.2006, p. 13.


Fuq