EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32005O0006

Linjagwida tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-11 ta’ Marzu, 2005 li temenda l-linjagwida BĊE/2000/1 dwar il-maniġment ta’ l-assi barranin tar-riżerva tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-banek ċentrali nazzjonali u d-dokumentazzjoni legali għal operazzjonijiet li jinvolvu l-assi barranin tar-riżerva tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2005/6)

ĠU L 109, 29.4.2005, p. 107–109 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument M’għadux fis-seħħ, Data tat-tmiem tal-validitàà: 31/12/2006

ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2005/328/oj

29.4.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

107


LINJAGWIDA TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-11 ta’ Marzu, 2005

li temenda l-linjagwida BĊE/2000/1 dwar il-maniġment ta’ l-assi barranin tar-riżerva tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-banek ċentrali nazzjonali u d-dokumentazzjoni legali għal operazzjonijiet li jinvolvu l-assi barranin tar-riżerva tal-Bank Ċentrali Ewropew

(BĊE/2005/6)

(2005/328/KE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea, partikolarment it-tielet subinċiż ta’ l-Artiklu 105(2),

Wara li kkunsidra t-tielet subinċiż ta’ l-Artiklu 3.1 u l-Artikli 12.1, 14.3 u 30.6 ta’ l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew,

Billi:

(1)

Il-linjagwida BĊE/2000/1 tat-3 ta’ Frar, 2000, dwar il-maniġment ta’ l-assi barranin tar-riżerva tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-banek ċentrali nazzjonali u d-dokumentazzjoni legali għal operazzjonijiet li jinvolvu l-assi barranin tar-riżerva tal-Bank Ċentrali Ewropew (1) tispeċifika, inter alia, liema dokumentazzjoni legali għandha tintuża għal dawn l-operazzjonijiet.

(2)

Fl-2004, il-Federazzjoni Bankarja ta’ l-Unjoni Ewropea (Fédération Bancaire Européenne) (FBE) ppubblikat edizzjoni rriveduta tal-Ftehim Master għat-Tranżazzjonijiet Finanzjarji. Il-BĊE jikkunsidra li jkun xieraq li jintuża l-Ftehim Master ta’ l-FBE għat-Tranżazzjonijiet Finanzjarji (Edizzjoni 2004): (i) għall-operazzjonijiet kollha ggarantiti li jinvolvu l-assi barranin tar-riżerva tal-BĊE (li jinkludu ftehimiet ta’ xiri mill-ġdid, ftehimiet ta’ xiri mill-ġdid imreġġa’ lura, ftehimiet ta’ xiri/bejgħ lura u ftehimiet ta’ bejgħ/xiri lura meta l-kontropartijiet huma inkorporati jew organizzati skond il-liġijiet ta’ kwalunkwe ġurisdizzjoni minn dawn li ġejjin: l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Olanda, il-Portugall, Spanja, l-Iżvezja, ir-Renju Unit (l-Ingilterra u Wales, l-Irlanda ta’ Fuq u l-Iskozja) jew l-Iżvizzera; u (ii) għall-operazzjonijiet kollha ta’ derivattivi ta’ kuljum li jinvolvu l-assi barranin tar-riżerva tal-BĊE meta l-kontropartijiet huma inkorporati jew organizzati skond il-liġijiet ta’ kwalunkwe ġurisdizzjoni minn dawn li ġejjin: l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Olanda, il-Portugall, Spanja, ir-Renju Unit (l-Ingilterra u Wales biss) jew l-Iżvizzera.

(3)

L-Anness 3 ma’ din il-linjagwida BĊE/2000/1 għandu għalhekk jiġi emendat biex jipprovdi għall-użu tal-Ftehim Master ta’ l-FBE għat-Tranżazzjonijiet Finanzjarji (Edizzjoni 2004) għal operazzjonijiet ma’ kontropartijiet kif deskritt fit-tieni punt. L-Artiklu 3 ta’ din il-linjagwida għandu konsegwentament jiġi emendat biex jirrifletti li ġej: (i) il-fatt li l-applikazzjoni ta’ l-Anness 1 mal-linjagwida għal operazzjonijiet iddokumentati bil-Ftehim Master tal-FBE għat-Tranżazzjonijiet Finanzjarji (Edizzjoni 2004) mhijiex neċessarja; u (ii) id-deċiżjoni tal-BĊE biex ma jintużax aktar il-Ftehim Master dwar in-netting tal-BĊE ma’ kontropartijiet li magħhom juża l-Ftehim Master ta’ l-FBE għat-Tranżazzjonijiet Finanzjarji (Edizzjoni 2004) u li huma organizzati jew inkorporati skond il-liġijiet ta’ kwalunkwe ġurisdizzjoni minn dawn li ġejjin: l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Olanda, il-Portugall, Spanja, ir-Renju Unit (l-Ingilterra jew Wales biss), jew l-Iżvizzera.

(4)

Żewġ emendi oħra żgħar lill-Anness 1 mal-linjagwida BĊE/2000/1 huma meħtieġa.

(5)

Skond l-Artiklu 12.1 u l-Artiklu 14.3 ta’ l-Istatut, il-linjigwida tal-BĊE jagħmlu parti integrali mil-liġi tal-Komunità.

ADOTTA DIN IL-LINJAGWIDA:

Artiklu 1

Il-linjagwida BĊE/2000/1 hija emendata kif ġej:

1.

L-Artiklu 3(2) huwa sostitwit b’li ġej:

“2.   Dokument fil-format mehmuż bħala Anness 1 ma’ din il-linjagwida għandu jinhemeż ma’ u jagħmel parti integrali minn kull ftehim standard ħlief mill-Ftehim Master ta’ l-FBE għat- Tranżazzjonijiet Finanzjarji (Edizzjoni 2004) li skondu jitwettqu operazzjonijiet iggarantiti (inklużi mingħajr restrizzjoni, ftehimiet ta’ xiri mill-ġdid, ftehimiet ta’ xiri mill-ġdid imreġġa’ lura, ftehimiet ta’ xiri/bejgħ lura, ftehimiet ta’ bejgħ/xiri lura, ftehimiet dwar self ta’ titoli u ftehimiet tripartitiċi tar-repo) jew operazzjonijiet ta’ derivattivi ta’ kuljum li jinvolvu l-assi barranin tar-riżerva tal-BĊE.”

2.

L-Artiklu 3(3) huwa sostitwit b’li ġej:

“3.   Għandu jkun hemm mal-kontropartijiet kollha ftehim master dwar in-netting f’waħda mill-forom mehmużin bħala Anness 2 ma’ din il-linjagwida, ħlief mal-kontropartijiet li magħhom il-BĊE iffirma Ftehim Master ta’ l-FBE għat-Tranżazzjonijiet Finanzjarji (Edizzjoni 2004) u li huma organizzati jew inkorporati skond il-liġijiet ta’ kwalunkwe ġurisdizzjoni minn dawn li ġejjin: l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Olanda, il-Portugall, Spanja, ir-Renju Unit (l-Ingilterra u Wales biss) jew l-Iżvizzera.”

3.

L-Anness 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu introduttorju huwa sostitwit b’li ġej:

“Dan l-Anness għandu jinhemeż ma’ u jagħmel parti integrali minn kwalunkwe ftehim standard, ħlief mill-Ftehim Master ta’ l-FBE għat-Tranżazzjonijiet Finanzjarji (Edizzjoni 2004), li skondu operazzjonijiet iggarantiti (inklużi mingħajr restrizzjoni, ftehimiet ta’ xiri mill-ġdid, ftehimiet ta’ xiri mill-ġdid imreġġa’ lura, ftehimiet ta’ xiri/bejgħ lura, ftehimiet ta’ bejgħ/xiri lura, ftehimiet dwar self ta’ titoli u ftehim tripartitiċi tar-repo) jew operazzjonijiet ta’ derivattivi ta’ kuljum li jinvolvu l-assi barranin tar-riżerva tal-BĊE huma mwettqa skond l-Artiklu 3(4) ta’ din il-Linjagwida.”

(b)

In-Nota ta’ isfel tal-Paġna 1 hija sostitwita b’li ġej:

“Dan l-Anness inkiteb bl-Ingliż u huwa inkorporat fi ftehimiet master miktubin bl-Ingliż u li huma ggvernati bil-liġi Ingliża jew dik ta’ New York. It-traduzzjoni ta’ dan l-Anness f’lingwi oħra hija għal skopijiet illustrativi biss u ma torbotx legalment.”

4.

L-Anness 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

It-titlu ta’ l-Anness 2a huwa sostitwit b’li ġej:

“Ftehim Master dwar in-netting iggvernat bil-liġi Ingliża (biex jintuża mal-kontropartijiet kollha ħlief il-kontropartijiet: (i) inkorporati fl-Istati Uniti ta’ l-Amerika, (ii) inkorporati fi Franza u l-Ġermanja u li huma eliġibbli biss għal depożiti, u (iii) li magħhom il-BĊE iffirma Ftehim Master ta’ l-FBE għat-Tranżazzjonijiet Finanzjarji (Edizzjoni 2004) u li huma organizzati jew inkorporati skond il-liġijiet ta’ kwalunkwe ġurisdizzjoni minn dawn li ġejjin: l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greġja, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Olanda, il-Portugall, Spanja, ir-Renju Unit (l-Ingilterra u Wales biss) jew l-Iżvizzera; abbozzat bil-lingwa Ingliża).”

(b)

It-titlu ta’ l-Anness 2b huwa sostitwit b’li ġej:

“Il-Ftehim Master dwar in-netting iggvernat bil-liġi Franċiża (biex jintuża ma’ kontropartijiet inkorporati fi Franza u li huma eliġibbli biss għal depożiti; abbozzat bil-lingwa Franċiża).”

(c)

It-titlu ta’ l-Anness 2ċ huwa sostitwit b’li ġej:

“Il-Ftehim Master dwar in-netting iggvernat bil-liġi Ġermaniża (biex jintuża ma’ kontropartijiet inkorporati fil-Ġermanja u li huma eliġibbli biss għal depożiti; abbozzat bil-lingwa Ġermaniża).”

(d)

Il-lista ta’ ftehim dwar in-netting fl-Appendiċi 1 ma’ kull wieħed mill-Annessi 2a, 2b, 2ċ u 2d hija sostitwita b’li ġej:

“1.

FBE Master Agreement for Financial Transactions (Edition 2004)

2.

ISDA Master Agreement (Multi-currency — Cross Border 1992)

3.

TBMA/ISMA Global Master Repurchase Agreement (2000 version)

4.

The Bond Market Association Master Repurchase Agreement.”

5.

L-Anness 3 huwa sostitwit bit-test li jinsab fl-Anness ma’ din il-linjagwida.

Artiklu 2

Dħul fis-seħħ

Din il-linjagwida għandha tidħol fis-seħħ fil-15 ta’ Ġunju, 2005.

Artiklu 3

Destinatarji

Din il-linjagwida hija indirizzata lill-banek ċentrali nazzjonali ta’ l-Istati Membri li adottaw l-euro skond it-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea.

Magħmula fi Frankfurt am Main, fil-11 ta’ Marzu, 2005.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  ĠU L 207, tas-17.8.2000, pġ. 24. Il-Linjagwida kif emendata l-aħħar bil-Linjagwida BĊE/2002/6 (ĠU L 270, tat-8.10.2002, pġ. 14).


ANNESS

“ANNESS 3

Ftehim standard għal operazzjonijiet iggarantiti, operazzjonijiet ta’ derivattivi ta’ kuljum u depożiti

1.

L-operazzjonijiet kollha ggarantiti li jinvolvu l-assi barranin tar-riżerva tal-BĊE (li jinkludu ftehimiet ta’ xiri mill-ġdid, ftehimiet ta’ xiri mill-ġdid imreġġa’ lura, ftehimiet ta’ xiri/bejgħ lura u ftehimiet ta’ bejgħ/xiri lura) għandhom ikunu ddokumentati permezz tal-ftehimiet standard li ġejjin, f’dik il-forma li tista’ tiġi approvata jew emendata mill-BĊE minn żmien għal żmien:

(a)

Il-Ftehim Master ta’ l-FBE għat-Tranżazzjonijiet Finanzjarji (Edizzjoni 2004) għal operazzjonijiet ma’ kontropartijiet organizzati jew inkorporati skond il-liġijiet ta’ kwalunkwe ġurisdizzjoni minn dawn li ġejjin: l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Olanda, il-Portugall, Spanja, l-Iżvezja, ir-Renju Unit (l-Ingilterra u Wales, l-Irlanda ta’ Fuq u l-Iskozja) jew l-Iżvizzera;

(b)

‘The Bond Market Association Master Repurchase Agreement’ għal operazzjonijiet ma’ kontropartijiet organizzati jew inkorporati skond il-liġijiet federali jew ta’ l-istat ta’ l-Istati Uniti;

u

(c)

It-‘TBMA/ISMA Global Master Repurchase Agreement (2000 version)’ għal operazzjonijiet ma’ kontropartijiet organizzati jew inkorporati skond il-liġijiet ta’ kwalunkwe ġurisdizzjoni minbarra dawk imniżżla fis-subparagrafi (a) jew (b).

2.

L-operazzjonijiet kollha ta’ derivattivi ta’ kuljum (over-the-counter) li jinvolvu l-assi barranin tar-riżerva tal-BĊE għandhom ikunu ddokumentati permezz tal-ftehim standard li ġejjin, f’dik il-forma li tista’ tiġi approvata jew emendata mill-BĊE minn żmien għal żmien:

(a)

Il-Ftehim Master ta’ l-FBE għat-Tranżazzjonijiet Finanzjarji (Edizzjoni 2004) għal operazzjonijiet ma’ kontropartijiet organizzati jew inkorporati skond il-liġijiet ta’ kwalunkwe ġurisdizzjoni minn dawn li ġejjin: l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Olanda, il-Portugall, Spanja, ir-Renju Unit (l-Ingilterra u Wales biss) jew l-Iżvizzera;

(b)

In-‘1992 International Swaps and Derivatives Association Master Agreement (Multi-currency — cross border, New York law version)’ għal operazzjonijiet ma’ kontropartijiet organizzati jew inkorporati skond il-liġi federali jew ta’ l-istat ta’ l-Istati Uniti;

u

(c)

In-‘1992 International Swaps and Derivatives Association Master Agreement (Multi-currency — cross-border, English law version)’ għal operazzjonijiet ma’ kontropartijiet organizzati jew inkorporati skond il-liġijiet ta’ kwalunkwe ġurisdizzjoni minbarra dawk imniżżla fis-subparagrafi (a) jew (b).

3.

Id-depożiti kollha li jinvolvu l-assi barranin tar-riżerva tal-BĊE ma’ kontropartijiet li huma eligibbli għal operazzjonijiet iggarantiti kif deskritt fil-paragrafu 1 u/jew operazzjonijiet ta’ derivattivi ta’ kuljum (over-the-counter) kif deskritt fil-paragrafu 2, u li huma organizzati jew inkorporati skond il-liġijiet ta’ kwalunkwe ġurisdizzjoni minn dawn li ġejjin, għandhom ikunu ddokumentati permezz tal-Ftehim Master ta’ l-FBE għat-Tranżazzjonijiet Finanzjarji (Edizzjoni 2004), f’dik il-forma li tista’ tiġi approvata jew emendata mill-BĊE minn żmien għal żmien: l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Olanda, il-Portugall, Spanja, ir-Renju Unit (l-Ingilterra u Wales biss) jew l-Iżvizzera.”


Fuq