EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32012D0034(01)

2013/35/UE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tad- 19 ta’ Diċembru 2012 dwar bidliet temporanji fir-regoli li jirrigwardaw l-eliġibbiltà ta' kollateral denominat f'munita barranija (BĊE/2012/34)

ĠU L 14, 18.1.2013, p. 22–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument M’għadux fis-seħħ, Data tat-tmiem tal-validitàà: 02/05/2013; Imħassar b' 32013D0005(01)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/35(1)/oj

18.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 14/22


DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tad-19 ta’ Diċembru 2012

dwar bidliet temporanji fir-regoli li jirrigwardaw l-eliġibbiltà ta' kollateral denominat f'munita barranija

(BĊE/2012/34)

(2013/35/UE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 12.1 u l-Artikolu 14.3 flimkien mal-ewwel inċiż tal-Artiklu 3.1 u l-Artikolu 18.2 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 18.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (minn hawn ’il quddiem il-“BĊNi”) jistgħu jmexxu operazzjonijiet ta' kreditu ma' istituzzjonijiet ta' kreditu u parteċipanti oħra fis-suq, bis-self ikun ibbażat fuq kollateral xieraq. Il-kundizzjonijiet standard li taħthom il-BĊE u l-BĊNi jinsabu lesti biex jidħlu f’operazzjonijiet ta’ kreditu, inkluż il-kriterji li jiddeterminaw l-eliġibbiltà ta’ kollateral għall-finijiet ta’ operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema, huma stabbiliti f’Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14 tal-20 ta’ Settembru 2011 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema (1).

(2)

Skont it-Taqsima 1.6 ta’ Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14, il-Kunsill Governattiv jista’, f’kull ħin, jibdel l-istrumenti, il-kundizzjonijiet, il-kriterji u l-proċeduri għat-twettiq tal-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema.

(3)

Sabiex tissaħħaħ il-provvista ta’ kapital lil kontropartijiet għal operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema, fis-6 ta' Settembru 2012, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jwessa’ temporanjament il-kriterji li jiddeterminaw l-eliġibbiltà ta’ assi li ser jintużaw bħala kollateral f’operazzjonijiet ta’ politika monetarja tal-Eurosistema billi jaċċetta strumenti ta’ dejn negozjabbli denominati f’lira sterlina, yen jew dollari Amerikani bħala assi eliġibbli għal operazzjonijiet ta’ politika monetarja. Fl-10 ta’ Ottubru 2012, id-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv ġiet implimentata permezz tal-Linja Gwida BĊE/2012/23 (2) li emendat il-Linja Gwida BĊE/2012/18 tat-2 ta’ Awwissu 2012 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral u li temenda l-Linja Gwida BĊE/2007/9 (3).

(4)

Fis-26 ta’ Novembru 2012, il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2012/25 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2011/14 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema (4). Raġuni għall-emenda kienet biex isir elenku tal-istrutturi tal-kupun ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli aċċettati taħt il-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema.

(5)

Xi strumenti ta' dejn negozjabbli denominati f'munita barranija li preentement huma eliġibbli permezz ta' Artikolu 5a tal-Linja Gwida BĊE/2012/18 għandhom kupuni varjabbli flat marbutin ma’ indiċi korrispondenti ma’ rata tas-suq tal-flus relatata mal-munita ta’ denominazzjoni tagħhom. Dawn l-istrumenti jistgħu jsiru ineliġibbli mit-3 ta' Jannar 2013, id-data li minnha jibdew japplikaw l-aħħar emendi għal-Linja Gwida BĊE/2011/14. Madankollu, il-Kunsill Governattiv iqis illi strumenti ta’ dejn negozjabbli denominati f’munita barranija għandhom iżommu l-eliġibbiltà temporanja tagħhom bħala kollateral għal operazzjonijiet ta’ politika monetarja tal-Eurosistema, irrispettivament minn jekk il-kupuni tagħhom humiex marbutin ma' rata ta’ imgħax mhux f’euro jew ma’ indiċijiet tal-inflazzjoni mhux taż-żona tal-euro. Għal din ir-raġuni, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jissospendi d-dispożizzjoni speċifika ta’ din il-Linja Gwida BĊE/2011/14 li ma tippermettix l-eliġibbiltà kontinwata ta’ dawn l-assi.

(6)

Il-miżuri addizzjonali għandhom japplikaw b’mod temporanju, sakemm il-Kunsill Governattiv iqis illi m'għadhomx aktar neċessarji, biex jiżguraw mekkaniżmu xieraq għat-trażmissjoni tal-politika monetarja,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Sospensjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14

1.   Il-kriterji minimi tal-Eurosistema għall-eliġibbiltà ta’ kupuni, kif speċifikat f’Taqsima 6.2.1.1(1)(b) ta’ Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14, għandhom ikunu sospii għal strumenti ta’ dejn negozjabbli denominati f’munita barranija skont l-Artikolu 2.

2.   F’każ ta’ xi diskrepanza bejn din id-Deċiżjoni u l-Linja Gwida BĊE/2011/14, kif implimentata fil-livell nazzjonali mill-BĊNi, tal-ewwel għandha tingħata preċedenza.

3.   F’każ ta’ xi diskrepanza bejn din id-Deċiżjoni u l-Linja Gwida BĊE/2012/18, kif implimentata fil-livell nazzjonali mill-BĊNi, tal-ewwel għandha tingħata preċedenza.

4.   Il-BĊNi għandhom ikomplu japplikaw id-dispożizzjonijiet kollha tal-Linja Gwida BĊE/2011/14 u tal-Linja Gwida BĊE/2012/18 sakemm mhux stipulat mod ieħor f’din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Eliġibbiltà kontinwata ta’ certi assi denominati f’lira sterlina, yen jew dollaru Amerikan bħala kollateral

1.   Strumenti ta’ dejn negozjabbli eliġibbli taħt l-Artikolu 5a ta’ Linja Gwida BĊE/2012/18 b’kupuni marbutin ma’ rata ta’ suq tal-flus waħda biss fil-munita tad-denominazzjoni tagħhom jew ma’ indiċi tal-inflazzjoni li ma fih ebda discrete range, range accrual, ratchet jew strutturi komplessi simili għall-pajji rispettiv għandhom ikunu eliġibbli għall-finijiet ta’ operazzjonijiet ta’ politika monetarja tal-Eurosistema.

2.   Il-BĊE jista’ jippubblika lista ta’ aktar rati ta’ imgħax ta’ referenza aċċettabbli f’munita barranija minbarra dawk imsemmijin fil-paragrafu 1 fuq il-websajt tiegħu fuq www.ecb.europa.eu, wara l-approvazzjoni mill-Kunsill Governattiv.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċizjoni tidħol fis-seħħ fit-3 ta’ Jannar 2013.

Magħmula fi Frankfurt am Main, id-19 ta’ Diċembru 2012.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 331, 14.12.2011, p. 1.

(2)  ĠU L 284, 17.10.2012, p. 14.

(3)  ĠU L 218, 15.8.2012, p. 20.

(4)  ĠU L 348, 18.12.2012, p. 30.


Fuq