EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32012D0033(01)

2013/32/UE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tad- 19 ta’ Diċembru 2012 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2010/24 dwar id-distribuzzjoni interim tad-dħul tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni u li tirriżulta minn titoli mixtrija taħt il-programm tas-swieq tat-titoli (BĊE/2012/33)

ĠU L 13, 17.1.2013, p. 12–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Edizzjoni speċjali bil-Kroat: Kapitolu 10 Volum 006 P. 74 - 74

Status legali tad-dokument M’għadux fis-seħħ, Data tat-tmiem tal-validitàà: 30/12/2014; Imħassar b' 32014D0057(01)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/32(1)/oj

17.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 13/12


DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tad-19 ta’ Diċembru 2012

li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2010/24 dwar id-distribuzzjoni interim tad-dħul tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni u li tirriżulta minn titoli mixtrija taħt il-programm tas-swieq tat-titoli

(BĊE/2012/33)

(2013/32/UE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 33 tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni BĊE/2010/24 tal-25 ta’ Novembru 2010 dwar id-distribuzzjoni interim tad-dħul tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni u li tirriżulta minn titoli mixtrija taħt il-programm tas-swieq tat-titoli (1) tistipula kif il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jiddistribwixxi lill-BĊNi: (a) l-introjtu minn karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni dovut għal kull sena finanzjarja; u (b) l-introjtu tiegħu li jirriżulta minn titoli mixtrija taħt il-programm tas-swieq tat-titoli (SMP – securities markets programme) u li jkun qala’ f’kull sena finanzjarja.

(2)

Huwa meqjus neċessarju illi d-dati għad-distribuzzjoni interim tal-introjtu tal-BĊE minn karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni jiġu allinjati ma’ dawk għad-distribuzzjoni tal-introjtu tal-BĊE li jirriżulta minn titoli tal-SMP. Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Kunsill Governattiv, il-BĊE għandu jiddistribwixxi dawn iż-żewġ tipi ta’ introjtu fl-aħħar jum ta’ xogħol f’Jannar tas-sena ta’ wara. Dan jagħti lill-BĊE żmien biżżejjed biex jiddetermina l-ammont ta’ introjtu li jkun qala’ minn titoli tal-SMP.

(3)

Id-Deċiżjoni BĊE/2010/24 għandha għalhekk tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emenda

L-Artikolu 2(2) sa (4) huwa mibdul b’dan li ġej:

“2.   Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Kunsill Governattiv, il-BĊE għandu jiddistribwixxi lill-BĊNi l-introjtu tiegħu dovut minn karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni u l-introjtu tiegħu li jirriżulta minn titoli tal-SMP li jkun qala’ f’kull sena finanzjarja fl-aħħar jum ta’ xogħol f’Jannar tas-sena ta’ wara.

3.   L-ammont tad-dħul tal-BĊE fuq karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni jista’ jitnaqqas b’mod konformi ma’ deċiżjoni mill-Kunsill Governattiv fuq il-bażi tal-Istatut tas-SEBĊ fir-rigward tal-ispejjeż imġarrba mill-BĊE b’rabta mal-ħruġ u l-ipproċessar ta’ karti tal-flus tal-euro.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 2012.

Magħmul fi Frankfurt am Main, id-19 ta’ Diċembru 2012.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 6, 11.1.2011, p. 35.


Fuq