EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea
Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 32010D0033
2011/11/EU: Decision of the European Central Bank of 27 December 2010 on the transmission of confidential data under the common framework for business registers for statistical purposes (ECB/2010/33)
2011/11/UE: Deċizjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas- 27 ta’ Diċembru 2010 dwar it-trażmissjoni ta’ dejta kunfidenzjali taħt il-qafas komuni għal reġistri kummerċjali għal finijiet ta’ statistika (BĊE/2010/33)
2011/11/UE: Deċizjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas- 27 ta’ Diċembru 2010 dwar it-trażmissjoni ta’ dejta kunfidenzjali taħt il-qafas komuni għal reġistri kummerċjali għal finijiet ta’ statistika (BĊE/2010/33)
ĠU L 6, 11.1.2011, p. 37–39
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Edizzjoni speċjali bil-Kroat: Kapitolu 01 Volum 005 P. 282 - 284
Fis-seħħ
11.1.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 6/37 |
DEĊIZJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tas-27 ta’ Diċembru 2010
dwar it-trażmissjoni ta’ dejta kunfidenzjali taħt il-qafas komuni għal reġistri kummerċjali għal finijiet ta’ statistika
(BĊE/2010/33)
(2011/11/UE)
IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ’il quddiem l-‘Istatut tas-SEBĊ’), u b’mod partikolari l-Artikolu 5 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 177/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2008 li jistabbilixxi qafas komuni għar-reġistri kummerċjali għall-finijiet tal-istatistika u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2186/93 (1), b’mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 192/2009 tal-11 ta’ Marzu 2009 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 177/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas komuni għar-reġistri kummerċjali għall-finijiet tal-istatistika, fir-rigward tal-iskambju ta’ dejta kunfidenzjali bejn il-Kummissjoni (Eurostat) u l-Istati Membri (2),
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1097/2010 tas-26 ta’ Novembru 2010 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 177/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas komuni għar-reġistri kummerċjali għall-finijiet ta’ statistika, fir-rigward tal-iskambju ta’ dejta kunfidenzjali bejn il-Kummissjoni (Eurostat) u banek ċentrali (3),
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta’ Novembru 1998, dwar il-ġbir ta’ statistika mill-Bank Ċentrali Ewropew (4), u b’mod partikolari l-Artikoli 8a(2), (3), (5) u l-Artikolu 8b tiegħu,
Wara li kkunsidra l-kontribut tal-Kunsill Ġenerali, skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 46.2 tal-Istatut tas-SEBĊ,
Billi:
(1) |
Regolament (KE) Nru 177/2008 jistabbilixxi qafas komuni ġdid għar-reġistri kummerċjali tad-dejta tal-gruppi ta’ intrapriżi multinazzjonali esklussivament għall-finijiet tal-istatistika sabiex jinżamm qafas armonizzat għall-iżvilupp ta’ reġistri kummerċjali. |
(2) |
Skambju ta’ dejta kunfidenzjali bejn il-Kummissjoni u banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (minn hawn ’il quddiem il-‘BĊNi’), u bejn il-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), għandu jikkontribwixxi sabiex tiġi żgurata l-kwalità ta’ informazzjoni ta’ grupp ta’ intrapriżi multinazzjonali fl-Unjoni. |
(3) |
Sabiex jiġu żgurati l-format, il-miżuri ta’ sigurtà u ta’ kunfidenzjalità u l-proċeduri li jikkonċernaw id-dejta trażmessa mill-Kummissjoni lill-BĊNi u lill-BĊE, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (UE) Nru 1097/2010 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 177/2008. |
(4) |
Minħabba l-istrutturi ta’ kontroll separati tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika (ESS), huwa neċessarju li jiġu definiti l-format, il-miżuri ta’ sigurtà u ta’ kunfidenzjalità u l-proċeduri li jikkonċernaw id-dejta li l-BĊE u l-BĊNi jirċievu mingħand il-Kummissjoni u d-dejta trażmessa mill-BĊNi lill-istituti nazzjonali tal-istatistika u awtoritajiet nazzjonali oħrajn li jipparteċipaw fl-ESS kif definit fir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta’ data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 dwar Statistika Komunitarja u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (5). |
(5) |
Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni jistgħu jiġu estiżi sabiex japplikaw għall-banek ċentrali ta’ Stati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro permezz ta’ ftehim bejn dawk il-banek ċentrali u l-BĊE, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Skop
1. Il-BĊNi għandhom jużaw it-tabella f’parti B tal-Anness għar-Regolament (UE) Nru 1097/2010 meta jittrażmettu l-karatteristiċi li jikkonċernaw lil gruppi ta’ intrapriżi multinazzjonali u l-unitajiet li jikkostitwuhom lill-istitut nazzjonali tal-istatistika u l-awtoritajiet nazzjonali oħrajn tal-Istat Membru tagħhom li jipparteċipaw fl-ESS fl-Istat Membru tagħhom (minn hawn ’il quddiem il-‘membru tal-ESS’), bla ħsara għar-reġim dwar il-kunfidenzjalità fir-Regolament (KE) Nru 2533/98.
2. Il-BĊNi għandhom ikunu suġġetti għall-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni, meta jkunu qed jittrażmettu dawn il-karatteristiċi lill-membru tal-ESS tal-Istat Membru tagħhom għal valutazzjoni, korrezzjoni, inserzjoni u integrazzjoni mad-dejta li l-membru tal-ESS jittrażmetti lill-Kummissjoni (Eurostat) skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 177/2008.
Artikolu 2
Format u proċeduri għat-trażmissjoni
1. Il-format stabbilit fl-Anness għandu jintuża meta dejta tiġi trażmessa mill-BĊNi lill-membri tal-ESS.
2. Meta dejta tiġi trażmessa mill-BĊNi lill-membri tal-ESS, id-dejta u l-metadata għandhom ikunu trażmessi skont l-istandards tal-ESS u permezz tal-istruttura definita fl-aktar verżjoni riċenti tal-Manwal ta’ Rakkomandazzjonijiet tal-Eurostat dwar ir-Reġistri Kummerċjali li jista’ jinkiseb mingħand il-Kummissjoni (Eurostat).
3. Meta dejta tiġi trażmessa mill-BĊNi lill-membri tal-ESS, il-BĊNi għandhom isegwu l-istess konvenzjonijiet dwar l-għoti ta’ ismijiet, l-istrutturi u d-definizzjonijiet ta’ oqsma kif imsemmi fir-Regolament (KE) Nru 192/2009.
4. Id-dejta u l-metadata trażmessi skont din id-Deċiżjoni għandhom jiġu skambjati b’mod elettroniku.
5. Id-dejta u l-metadata trażmessi skont din id-Deċiżjoni għandhom jiġu trażmessi permezz tal-mezz żgur użat għat-trażmissjoni ta’ dejta kunfidenzjali, jew permezz ta’ aċċess mill-bogħod assigurat.
Artikolu 3
Miżuri ta’ sigurtà u ta’ kunfidenzjalità
1. Il-BĊE u l-BĊNi għandhom jaħżnu d-dejta li jirċievu mingħand il-Kummissjoni (Eurostat) skont ir-Regolament (KE) Nru 177/2008 u r-Regolament (UE) Nru 1097/2010, u li tkun ġiet immarkata bħala kunfidenzjali, f’żona żgura b’aċċess ristrett u kkontrollat.
2. Dejta li jkunu rċevew il-BĊE u l-BĊNi mingħand il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tintuża esklussivament għall-finijiet ta’ statistika.
3. Il-BĊE u l-BĊNi għandhom jiżguraw illi informazzjoni dwar il-miżuri ta’ sigurtà meħuda tiġi inkluża fir-rapport annwali dwar il-kunfidenzjalità jew li l-Kummissjoni (Eurostat) u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jiġu informati b’mezzi oħrajn.
Artikolu 4
Dispożizzjoni finali
Din id-Deċizjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2011.
Magħmul fi Frankfurt am Main, is-27 ta’ Diċembru 2010.
Il-President tal-BĊE
Jean-Claude TRICHET
(2) ĠU L 67, 12.3.2009, pg. 14.
(3) ĠU L 312, 27.11.2010, p. 1
(4) ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8
(5) ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164.
ANNESS
STRUTTURA U FORMAT GĦAT-TRAŻMISSJONI TA’ DEJTA
Is-settijiet ta’ dejta li ġejjin u li fihom informazzjoni kunfidenzjali huma inklużi fil-proċess ta’ ġestjoni tal-kwalità tad-dejta tar-reġistru tal-Unjoni ta’ gruppi ta’ intrapriżi multinazzjonali u l-unitajiet li jikkostitwuhom (minn hawn ’il quddiem ir-‘reġistru tal-EuroGruppi’):
— |
Sett ta’ dejta bir-riżultati tal-proċess ta’ aggregazzjoni |
— |
Settijiet ta’ dejta b’informazzjoni dwar l-unitajiet legali |
— |
Settijiet ta’ dejta b’informazzjoni dwar il-kontroll u l-proprjetà tal-unitajiet; |
— |
Settijiet ta’ dejta b’informazzjoni dwar l-intrapriżi; |
— |
Settijiet ta’ dejta b’informazzjoni dwar gruppi ta’ intrapriżi globali; |
— |
Settijiet ta’ dejta b’informazzjoni dwar gruppi ta’ intrapriżi separati. |
Sett ta’ dejta bir-riżultati tal-gruppi ta’ intrapriżi separati u globali jiġi ġġenerat fl-aħħar ta’ kull ċiklu ta’ ġestjoni tal-kwalità tad-dejta tar-reġistru tal-EuroGruppi.
Il-format għas-settijiet ta’ dejta huwa stabbilit fl-Anness, Parti A, tar-Regolament (KE) Nru 192/2009.
Sabiex tittejjeb il-kwalità tal-informazzjoni tal-grupp ta’ intrapriżi multinazzjonali fl-Unjoni, il-BĊNi jgħaddu s-settijiet ta’ dejta bl-informazzjoni korretta u kompluta li tinkludi marki ta’ kunfidenzjalità lill-membru tal-ESS tal-Istat Membru tagħhom. Skont Parti A tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1097/2010 l-awtorità nazzjonali kompetenti tivvaluta l-korrezzjonijiet, l-inserzjonijiet u l-marki ta’ kunfidenzjalità li jkunu waslu mingħand il-BĊNi u fejn meħtieġ, jintegrahom fid-dejta li jittrażmettu lill-Kummissjoni (Eurostat) skont l-Artikolu 11 ta’ Regolament (KE) Nru 177/2008.