EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 52017AB0006

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-8 ta’ Marzu 2017 dwar proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/59/UE fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-istrumenti ta’ dejn mhux garantiti fil-ġerarkija tal-insolvenza (CON/2017/6)

ĠU C 132, 26.4.2017, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

26.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 132/1


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-8 ta’ Marzu 2017

dwar proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/59/UE fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-istrumenti ta’ dejn mhux garantiti fil-ġerarkija tal-insolvenza

(CON/2017/6)

(2017/C 132/01)

Introduzzjoni u bażi legali

Fit-3 ta’ Jannar 2017 u fis-17 ta’ Frar 2017, rispettivament, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talbiet mingħand il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew għal opinjoni dwar proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-istrumenti ta’ dejn mhux garantiti fil-ġerarkija tal-insolvenza (1) (iktar ‘il quddiem id-“direttiva proposta”).

Il-kompetenza tal-BĊE biex jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea billi d-direttiva proposta fiha dispożizzjonijiet li jaffettwaw il-kompitu bażiku tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) tal-implimentazzjoni tal-politika monetarja tal-Unjoni bis-saħħa tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tat-Trattat, il-kontribuzzjoni tal-SEBĊ għat-tmexxija bla xkiel ta’ politika fir-rigward tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, kif imsemmi fl-Artikolu 127(5) tat-Trattat, u l-kompiti mogħtija lill-BĊE bis-saħħa tal-Artikolu 127(6) tat-Trattat dwar politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu. F’konformità mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

1.   Osservazzjonijiet ġenerali

1.1.

Il-BĊE jilqa’ d-direttiva proposta, li temenda d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal- Kunsill (2) dwar il-ġerarkija fl-insolvenza ta’ detenturi ta’ strumenti ta’ dejn maħruġa mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, u ċerti istituzzjonijiet oħrajn, bħala parti minn sett usa’ ta’ proposti leġiżlattivi biex jiġi emendat il-qafas regolatorju tas-servizzi finanzjarji tal-Unjoni (3). L-emendi għall-Artikolu 108 tad-Direttiva 2014/59/UE għandhom l-għan li jtejbu l-implimentazzjoni tal-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni pprovduta skont id-Direttiva 2014/59/UE u għall-faċilitazzjoni tal-applikazzjoni tar-rekwiżit minimu għal fondi proprji u responsabbiltajiet eliġibbli (MREL) u r-rekwiżit li ġej tal-kapaċità ta’ assorbiment ta’ telf totali (TLAC) (4) fir-rigward tal-kapaċità tal-assorbiment tat-telf u r-rikapitalizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ditti ta’ investiment. Bħala tali, l-emendi jipprovdu mezzi addizzjonali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti istituzzjonijiet oħra biex jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin tat-TLAC u l-MREL u jtejbu r-riżolvibbiltà tagħhom, mingħajr ma jirrestrinġu l-istrateġiji ta’ finanzjament rispettivi tagħhom. Din ir-riforma għandha tiġi adottata kemm jista’ jkun malajr biex l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jiġu assistiti fil-preparazzjonijiet tagħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda, speċjalment meta dawk l-istituzzjonijiet jiġu ffaċċjati b’nuqqas fil-kostruzzjoni tal-livelli neċessarji ta’ responsabbilitajiet ta’ assorbiment tat-telf (fejn tkun meħtieġa s-subordinazzjoni), u fid-dawl ta’ restrizzjonijiet potenzjali fuq il-kapaċitajiet tas-swieq li jassorbu malajr volumi kbar ta’ emissjonijiet ġodda.

1.2.

Il-BĊE jaqbel għal kollox mal-fehma tal-Kummissjoni li regoli armonizzati fis-suq intern dwar kif jiġu ttrattati ċerti kredituri tal-banek fl-insolvenza u r-riżoluzzjoni huma meħtieġa sabiex jitnaqqsu d-diverġenzi bejn ir-regoli nazzjonali dwar l-assorbenza tat-telf u l-kapaċità ta’ rikapitalizzazzjoni tal-banek, li jista’ joħloq distorsjoni fis-suq intern. Il-BĊE jinnota illi l-armonizzazzjoni f’dan il-qasam hija importanti b’mod partikolari għas-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja kif ukoll sabiex trawwem azzjoni ta’ riżoluzzjoni effettiva u effiċjenti, inkluża l-implimentazzjoni tal-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni skont id-Direttiva 2014/59/UE fil-kuntest transkonfinali, u biex titnaqqas l-inċertezza għall-emittenti u l-investituri.

1.3.

Il-BĊE itenni l-pożizzjoni tiegħu (5) li qafas komuni fil-livell tal-Unjoni dwar il-ġerarkija tal-kredituri, inkluż fir-rigward tas-subordinazzjoni ta’ strumenti ta’ dejn u strumenti finanzjarji simili oħrajn fir-riżoluzzjoni bankarja u/jew proċeduri ta’ insolvenza, jistgħu jgħinu biex javvanzaw l-integrazzjoni tas-swieq tas-servizzi finanzjarji ġewwa l-Unjoni u jiffaċilitaw l-kompiti tal-BĊE, kemm fir-rigward tal-politika monetarja kif ukoll tas-superviżjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku.

1.4.

Il-BĊE jikkunsidra li d-direttiva proposta tipprovdi biss għal armonizzazzjoni parzjali u li riformi addizzjonali jkunu utli għall-promozzjoni ta’ armonizzazzjoni ulterjuri fil-ġerarkija tal-pretensjonijiet tal-kredituri fl-insolvenza bankarja. B’mod partikolari, għandha tiġi sanċita fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni regola ġenerali ta’ preferenza tad-depożitanti bbażata fuq approċċ ggradat. Dan itejjeb ir-riżolvibbiltà billi tiġi kkjarifikata l-ġerarkija tal-kredituri u tiġi faċilitata l-allokazzjoni tat-telf lil strumenti tad-dejn bankarji mhux garantiti qabel ċerti obbligazzjonijiet operattivi, filwaqt li jittaffa tħassib dwar il-prinċipju “l-ebda kreditur ma jkun agħar milli taħt proċeduri normali ta’ insolvenza” (6).

2.   Osservazzjonijiet speċifiċi

2.1.   Klassi ġdida ta’ assi ta’ strumenti ta’ dejn superjuri “mhux bi preferenza”

Il-BĊE jilqa’ l-proposta fid-direttiva proposta għall-ħolqien ta’ klassi ġdida ta’ strumenti ta’ assi ta’ dejn superjuri “mhux bi preferenza” fi klassifikazzjoni inqas minn strumenti ta’ dejn mhux garantiti superjuri ordinarji fl-insolvenza. Din il-klassifikazzjoni iktar baxxa hija stabbilita b’qafas statutorju li jirrikonoxxi l-arranġamenti ta’ subordinazzjoni kuntrattwali li hemm fit-termini u l-kundizzjonijiet kuntrattwali rilevanti għall-ħruġ ta’ dawn l-istrumenti ta’ dejn superjuri “mhux bi preferenza”.

2.1.1.

Rigward ir-rekwiżit li l-klassi ġdida ta’ assi ta’ strumenti ta’ dejn superjuri “mhux bi preferenza” għandu jkollhom maturità inizjali ta’ sena, il-BĊE huwa tal-fehma li istituzzjonijiet ta’ kreditu (7) u ċerti istituzzjonijiet oħra għandhom ikunu jistgħu joħorġu strumenti ta’ dejn superjuri “mhux bi preferenza” b’maturitajiet inizjali li huma jew iktar jew inqas minn sena. Filwaqt li strumenti ta’ dejn superjuri “mhux bi preferenza” b’maturità inizjali jew reżidwa ta’ inqas minn sena ma jkunux eliġibbli fir-rigward li jissodisfaw ir-rekwiżiti MREL jew TLAC, dawn l-istrumenti xorta jistgħu jiġu rikapitalizzati, biex b’hekk tiżdied il-kapaċità ta’ assorbiment ta’ telf tal-istituzzjoni. Il-BĊE jinnota illi meta strumenti ta’ dejn superjuri “mhux bi preferenza” jinħarġu b’maturitajiet inizjali ta’ iktar minn sena, dan jestendi pożittivament il-maturità medja ta’ din il-klassi ta’ assi, biex b’hekk issir kontribuzzjoni għat-titjib tar-riżolvibbiltà tal-istituzzjonijiet.

2.1.2.

Fir-rigward tar-rekwiżit li l-klassi ġdida ta’ assi ta’ strumenti ta’ dejn superjuri “mhux bi preferenza” m’għandux ikollha karatterisitiċi ta’ derivattivi, ta’ min jiġi kkunsidrat jekk tkunx utli iktar riflessjoni dwar jekk il-kwistjoni ta’ x’jikkostitwixxi karatteristika ta’ derivattiv tistax tiġi ċċarata utilment għal dan l-iskop f’dan l-istadju, possibbilment permezz tal-iżvilupp ta’ standards tekniċi regolatorji.

2.1.3.

Il-BĊE jifhem li l-qafas propost għar-rikonoxximent statutorju ta’ subordinazzjoni kuntrattwali bis-saħħa tat-termini u l-kundizzjonijiet ta’ strumenti ta’ dejn superjuri “mhux bi preferenza” bħala klassi ta’ assi ġdida ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jżommu reġim ta’ subordinazzjoni statutorju (8). Id-direttiva proposta tipprevedi li strumenti ta’ dejn superjuri “mhux bi preferenza” jkollhom klassifikazzjoni inqas minn “pretensjonijiet mhux garantiti ordinarji li jirriżultaw minn strumenti ta’ dejn bl-ogħla klassifikazzjoni ta’ prijorità fost l-istrumenti tad-dejn fil-liġi nazzjonali li tirregola l-proċedimenti ta’ insolvenza normali”. Madankollu, dan l-approċċ jista’ ma jkunx akkomodat b’mod faċli fl-Istati Membri fejn is-subordinazzjoni ta’ strumenti ta’ dejn mhux garanti superjuri ġiet stabbilita diġà fuq bażi statutorja fil-liġi nazzjonali (9), u fejn dawn l-istrumenti huma bħalissa allokati l-inqas klassifikazzjoni fost l-obbligazzjonijiet superjuri. Għal dawn il-ġurisdizzjonijiet, id-direttiva proposta tista’ tikkjarifika utilment il-klassifikazzjoni tal-istrumenti ta’ dejn superjuri “mhux bi preferenza”pari passu ma’ strumenti ta’ dejn mhux garantiti superjuri suġġetti diġà għal subordinazzjoni statutorja. Tista’ ma tkunx meħtieġa distinzjoni ulterjuri fil-ġerarkija tal-pretensjonijiet tal-kredituri mal-istrumenti ta’ dejn superjuri “mhux bi preferenza” kklassifikati fi grad (inqas) differenti. Fi Stati Membri fejn is-subordinazzjoni statutorja diġà ġiet implimentata, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jkunu f’pożizzjoni li jużaw l-istokk eżistenti ta’ strumenti ta’ dejn superjuri għall-assorbiment tat-telf, mingħajr il-bżonn immedjat li joħorġu strumenti ta’ dejn superjuri “mhux bi preferenza” ġodda. Sabiex titrawwem l-armonizzazzjoni fir-rigward tal-mod kif tintlaħaq is-subordinazzjoni ta’ strument ta’ dejn mhux garantiti superjuri fil-ġerarkija tal-pretenzjonijiet tal-kredituri, u għall-promozzjoni tal-ħolqien ta’ suq wieħed għal dawn l-istrumenti ta’ dejn, ikun utli għad-direttiva proposta li tinkludi dispożizzjoni li tispeċifika li kull meta strumenti ta’ dejn eżistenti li huma suġġetti għal subordinazzjoni statutorja jilħqu l-maturità, ħruġ ġdid ta’ strumenti ta’ dejn superjuri li huma maħsuba li jiġu subordinati għandhom jiġu allinjati, fejn ikun xieraq (eż. l-ebda karatteristiċi derivattivi), mar-reġim stabbilit għall-istrumenti ta’ dejn superjuri “mhux bi preferenza”.

2.1.4.

Għandu jiġi kkjarifikat li, għall-finijiet tar-rekwiżiti tas-subordinazzjoni preskritti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) u d-Direttiva 2014/59/UE, strumenti ta’ dejn superjuri suġġetti għas-subordinazzjoni statutorja jew subordinazzjoni strutturali jibqgħu eliġibbli, bla ħsara għall-kriterji applikabbli għal “strumenti ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli”, flimkien mal-klassi ġdida ta’ assi ta’ strumenti ta’ dejn superjuri “mhux bi preferenza”.

2.2.   Arranġamenti tranżitorji

Il-BĊE jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn ta’ ċarezza dwar l-arranġamenti tranżitorji previsti applikabbli għal strumenti ta’ dejn mhux garantiti superjuri li huma pendenti fiż-żmien meta r-reġim il-ġdid jidħol fis-seħħ, inkluż kwalunkwe reġim ta’ anterjorità meħtieġ (ara l-paragrafu 2.1.3). Ċarezza bħal dik hija essenzjali sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali għall-investituri u l-emittenti matul il-perjodu tranżitorju. Il-BĊE jifhem li liġijiet nazzjonali eżistenti se jkomplu japplikaw għall-istrumenti ta’ dejn li kienu diġà pendenti qabel id-data ta’ applikazzjoni tad-direttiva proposta. Barra minn hekk, il-BĊE jikkunsidra li tista’ tirriżulta inċertezza fir-rigward tar-reġim legali applikabbli għall-ħruġ ġdid fil-perijodu tranżitorju bejn id-data ta’ applikazzjoni tad-direttiva proposta u d-data meta r-reġim ġdid jiġi implimentat fil-liġi dwar l-insolvenza nazzjonali. B’mod partikolari, id-data tal-iskadenza għall-applikazzjoni tad-drittijiet nazzjonali kif previst fid-direttiva proposta għandha tiġi kkunsidrata mill-ġdid billi hija ffissata ferm qabel id-data ta’ applikazzjoni prevista tad-direttiva proposta. Għandha tingħata l-attenzjoni debita għall-fatt li jista’ jkun hemm bżonn ta’ iktar żmien sabiex jidħol fis-seħħ it-tibdil tal-liġi tal-insolvenza wara l-implimentazzjoni tad-direttiva proposta.

2.3.   Preferenza ta’ depożitant ġenerali

2.3.1.

Il-BĊE jara mertu fl-introduzzjoni ta’ preferenza ta’ depożitant ġenerali, ibbażata fuq approċċ iggradat, ġewwa l-Unjoni (11). Dan jikkumplimenta l-proposti stabbiliti fid-direttiva proposta. Tipikament, taħt regola ta’ preferenza ta’ depożitant ġenerali il-pretenzjonijiet tad-depożitanti kollha jkunu fi klassifikazzjoni ogħla minn pretenzjonijiet ta’ kredituri mhux preferuti u mhux garantiti ordinarji, filwaqt li f’reġim fi gradi ta’ preferenza ta’ depożitant depożiti assigurati (jew iggarantiti) jikklassifikaw ogħla minn depożiti eliġibbli, imma depożiti mhux assigurati xorta huma kklassifikati ogħla minn obbligazzjonijiet superjuri oħrajn (12). Ta’ min jinnota li l-Istati Membri ma humiex preklużi taħt id-Direttiva 2014/59/UE milli jistabbilixxu regoli ta’ preferenza ta’ depożitant ġenerali fil-liġi nazzjonali (13), u reċentement numru ta’ Stati Membri għamlu hekk (14).

2.3.2.

Il-BĊE jinnota li l-għoti ta’ klassifikazzjoni prijoritarja lid-depożiti kollha huwa mistenni li jtejjeb l-implimentazzjoni tal-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni fir-riżoluzzjoni, għaliex l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tkun tista’ tirrikapitalizza strumenti oħra ta’ dejn bankarju mhux garantit superjuri qabel id-depożiti, filwaqt li jiġi mminimizzat ir-riskju ta’ talbiet għal kumpens skont il-prinċipju tal-“ebda kreditur ma jkun agħar”. Ir-rikapitalizzazzjoni ta’ tali strumenti ta’ dejn bankarju mhux garantit superjuri titqies bħala li għandha riskju ta’ kontaġju iktar baxx minn dak ta’ obbligazzjonijiet operattivi bħad-depożiti. Preferenza ta’ depożitant ġenerali b’hekk x’aktarx tirrendi r-rikapitalizzazzjoni ta’ strument ta’ dejn bankarju mhux garantiti superjuri iktar effettivi u kredibbli, biex b’hekk tittrawwem azzjoni ta’ riżoluzzjoni effettiva u jitnaqqas il-bżonn li wieħed jirrikorri għall-fond ta’ riżoluzzjoni (15).

2.3.3.

Barra minn titjib fir-riżolvibbiltà, meta tiġi stabbilita preferenza ta’ depożitant ġenerali, ibbażata fuq approċċ iggradat, ġewwa l-Unjoni, dan jippromwovi ulterjorment l-armonizzazzjoni fl-Unjoni fir-rigward tal-ġerarkija tal-pretensjonijiet tal-kredituri fl-insolvenza bankarja (16).

2.3.4.

Ir-reġim preżenti taħt id-Direttiva 2014/59/UE jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li fil-liġijiet nazzjonali dwar il-proċeduri normali dwar l-insolvenza tingħata klassifikazzjoni prijoritarja ogħla fost pretenzjonijiet mhux garantiti lil depożiti sal-livell ta’ kopertura ta’ EUR 100 000 (“depożiti koperti”), li huma garantiti bl-iskema ta’ garanzija ta’ depożitu (DGS) (17). It-tieni prijorità ta’ klassifikazzjoni tingħata lil depożiti eliġibbli li jaqbżu EUR 100 000 livell ta’ kopertura miżmum minn persuni fiżiċi jew impriżi ta’ daqs mikro, żgħar jew medji (18). Depożiti kbar ta’ kumpanniji huma kklassifikati taħt, tipikament pari passu ma’ pretenzjonijiet oħra ta’ kredituri mhux garantiti ordinarji tal-istituzzjoni ta’ kreditu skont il-liġijiet nazzjonali. Il-BĊE jifhem illi l-klassifikazzjoni ta’ pretenzjonijiet preferenzjali oħra, bħal pretenzjonijiet dwar it-taxxa u l-paga tal-impjegati, hija ddeterminata mil-liġijiet nazzjonali applikabbli. Preferenza ta’ depożitant ġenerali, ibbażata fuq approċċ iggradat, tista’ tintlaħaq bl-introduzzjoni ta’ klassifikazzjoni tat-tielet prijorità fl-Artikolu 108 tad-Direttiva 2014/59/UE għal depożiti oħrajn, bħal depożiti kbar tal-kumpanniji, depożiti minn istituzzjonijiet ta’ kreditu, impriżi ta’ investiment kollettiv, fondi tal-pensjoni eċċ., li jkunu kklassifkati taħt il-klassifikazzjoni ta’ prijorità ogħla għal depożiti koperti u l-preferenza għal ċerti depożiti eliġibbli, imma qabel obbligazzjonijiet superjuri oħra (19).

2.4.   Trattament ta’ strumenti ta’ Grad 2

Minkejja t-titjib mfittex bid-direttiva proposta, il-frammentazzjoni kontinwata bejn r-reġimi tal-insolvenza nazzjonali tista’ tkompli toħloq sfidi. Dan huwa partikolarment il-każ fir-rigward tat-trattament tal-istrumenti tal-Grad 2 u obbligazzjonijiet subordinati oħrajn fl-insolvenza u r-riżoluzzjoni. Filwaqt li ċerti reġimi nazzjonali ta’ insolvenza jiddistingwu bejn il-klassifikazzjoni ta’ strument tal-Grad 2 u dik ta’ obbligazzjonijiet subordinati fl-insolvenza, f’ġurisdizzjonijiet oħrajn strumenti tal-Grad 2 huma kklassifikati pari passu ma’ tipi oħra ta’ obbligazzjonijiet subordinati. Dan jista’ jikkomplika l-eżerċitar tal-poteri ta’ rikapitalizzazzjoni, bħat-tnaqqis tal-valur u l-konverżjoni, mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni skont id-Direttiva 2014/59/UE, billi l-istrumenti tal-Grad 2 għandhom jiġi rikapitalizzati qabel id-dejn subordinat meta dan tal-aħħar ma jikkostitwixxix kapital Addizzjonali tal-Grad 1 jew Grad 2 (20). Armonizzazzjoni ulterjuri għandha ssir f’dan il-qasam, pereżempju billi jkun meħtieġ li r-reġimi ta’ insolvenza nazzjonali għandhom jiġu allinjati b’tali mod li strumenti tal-Grad 2 jiġu ttrattati b’mod differenti u jkunu kklassifikati taħt l-obbligazzjonijiet subordinati oħra. Qasam ieħor għal kunsiderazzjoni ulterjuri hija l-klassifikazzjoni ta’ obbligazzjonijiet intragrupp fil-ġerarkija tal-pretenzjonijiet tal-kredituri fl-insolvenza bankarja.

2.5.   Effett fuq l-eliġibbiltà ta’ strumenti ta’ dejn bħala kollateral għall-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema

Il-BĊE jinnota l-implikazzjonijiet potenzjali li jiġu subordinati strumenti ta’ dejn superjuri lil strumenti ta’ dejn oħrajn tal-istess emittent fir-rigward tal-eliġibbiltà tal-ewwel bħala kolateral għall-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema. Il-Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/60) (21) tistabbilixxi qafas wieħed li japplika fl-Eurosistema għal assi li jistgħu jiġu sottomessi bħala kollateral eliġibbli għal dawn l-operazzjonijiet. Sabiex ikunu eliġibbli bħala kollateral, l-assi kummerċjabbli għandhom ikunu strumenti ta’ dejn li jissodisfaw il-kriterji tal-eliġibbiltà stabbiliti fil-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60). Bis-saħħa tal-Artikolu 64 tal-Linja Gwida “strumenti eliġibbli ta’ dejn m’għandhomx jirriżultaw fi drittijiet għall-kapital u/jew l-imgħax li jkunu subordinati għad-drittijiet ta’ detenturi ta’ strumenti ta’ dejn oħrajn tal-istess emittent” (22).

2.6.   Osservazzjonijiet tekniċi u proposti ta’ abbozzar

Meta l-BĊE jirrakkomanda li d-direttiva proposta tiġi emendata, qed jiġu previsti proposti speċifiċi tal-abbozzar f’dokument ta’ ħidma tekniku separat flimkien ma’ test spjegattiv għal dan il-għan. Id-dokument ta’ ħidma tekniku huwa disponibbli bl-Ingliż fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-8 ta’ Marzu 2017.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  COM (2016) 853 finali.

(2)  Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).

(3)  Il-BĊE ġie kkonsultat mill-Kunsill fuq sett usa ta’ proposti leġiżlattivi li pproponiet il-Kummissjoni, u l-opinjoni tal-BĊE fuq dawk il-proposti jista’ jkollhom iktar osservazzjonijiet rilevanti dwar is-suġġett ta’ dik l-opinjoni, partikolarment fir-rigward tal-proposti għal “strumenti ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli”.

(4)  Ara l-“Principles on Loss-absorbing and Recapitalisation Capacity of G-SIBs in Resolution: Total Loss-absorbing Capacity (TLAC) Term Sheet”, tal-Bord tal-Istabbiltà Finanzjarja (FSB) tad-9 ta’ Novembru 2015, disponibbli fis-sit elettroniku tal-FSB’s f’www.fsb.org.

(5)  Ara, pereżempju, l-Opinjonijiet CON/2016/28, CON/2016/7, u CON/2015/31. L-opinjonijiet kollha tal-BĊE huma disponibbli fis-sit elettroniku tal-BĊE f’www.ecb.europa.eu.

(6)  Ara l-paragrafu 3.1.2 tal-Opinjoni CON/2016/28, u l-paragrafu 3.7.1 tal-Opinjoni CON/2015/35.

(7)  Ta’ min jinnota li strumenti ta’ dejn superjuri “mhux bi preferenza” jistgħu jinħarġu wkoll minn sussidjarja fil-forma ta’ MREL interna għall-finijiet ta’ strateġija ta’ punt ta’ dħul wieħed, u tali strumenti għandhom ikunu disponibbli wkoll għall-assorbiment tat-telf f’fażi ta’ qabel ir-riżoluzzjoni, fejn is-sussidjarja bħala l-istituzzjoni tal-ħruġ ma titpoġġiex taħt riżoluzzjoni.

(8)  Għal diskussjoni ta’ oqfsa ta’ insolvenza nazzjonali li jipprovdu għal subordinazzjoni statutorja ta’ strumenti ta’ dejn mhux garantiti superjuri, jekk jogħġbok ara l-Opinjonijiet CON/2016/28 u CON/2015/31.

(9)  F’dan il-kuntest is-subordinazzjoni statutorja tfisser subordinazzjoni, ibbażata fuq qafas statutorju applikabbli għall-emittent, ta’ strument ta’ dejn mhux garantit li ma huwiex suġġett għal subordinazzjoni bis-saħħa tat-termini u l-kundizzjonijiet tal-istrument ta’ dejn, jiġifieri subordinazzjoni kuntrattwali.

(10)  Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(11)  Ara l-paragrafu 3.1.2 tal-Opinjoni CON/2016/28, u l-paragrafu 3.7.1 tal-Opinjoni CON/2015/35. Ara wkoll it-Traskrizzjoni tad-domandi u r-risposti wara l-istqarrija Introduttorja tal-President tal-BĊE fil-konferenza stampa tal-BĊE tal-4 ta’ April 2013, disponibbli fis-sit elettroniku tal-BĊE fi www.ecb.europa.eu.

(12)  Ara l-International Association of Deposit Insurers’ “Core Principles for Effective Deposit Insurance Systems”, Novembru 2014, p. 8. Pereżempju, preferenza ta’ depożitant (nazzjonali) ġenerali ddaħħlet fil-leġiżlazzjoni tal-US sa mill-1993, fejn fil-likwidazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ depożitorju assigurata tingħata preferenza bil-liġi lil kull obbligazzjoni ta’ depożitu domestiku tal-istituzzjoni qabel kull obbligazzjoni superjuri jew ġenerali tal-istituzzjoni. Ara l-artikoli 1821(d)(11)(A) u 1813(l)(5)(A) tat-Titolu 12, Kapitolu 16 tal-U.S. Code.

(13)  Ara paragrafu 3.1.3 tal-Opinjoni CON/2016/28.

(14)  Ara l-Artikolu 91 tal-Liġi Bankarja Taljana (Digriet Leġiżlattiv Nru. 385 tal-1 ta’ Settembru 1993); Artikolu 207 tal-Liġi Slovena fuq ir-riżoluzzjoni u l-likwidazzjoni ta’ banek (ĠU 44/2016); u l-Artikolu 145 A tal-liġi bankarja Griega (Liġi 4261/2014).

(15)  Ara l-paragrafu 3.1.2 tal-Opinjoni CON/2016/28, u l-paragrafu 3.7.1 tal-Opinjoni CON/2015/35.

(16)  Ara paragrafu 3.7.3 tal-Opinjoni CON/2015/35.

(17)  Ta’ min jinnota li d-DGS tgawdi l-istess klassifikazzjoni ta’ prijorità fejn hija ssurrogata fid-drittijiet u l-obbligi tad-depożitanti wara r-rimbors ta’ depożiti koperti.

(18)  L-istess klassifikazzjoni tingħata wkoll lil depożiti li jkunu eliġibbli għall-kopertura skont id-DGS kieku ma jkunux saru permezz ta’ friegħi tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-Unjoni li jinsabu f’ġurisdizzjoni li ma hijiex Stat Membru tal-Unjoni jew taż-Żnona Ekonomika Ewropea.

(19)  Ċerti istituzzjonijiet ta’ kreditu iżgħar jistgħu jiddependu b’mod predominanti fuq depożiti kbar (jiġifieri depożiti ‘il fuq minn EUR 100 000) li ma jkunux minn persuni naturali, impriżi ta’ daqs mikro, żgħar jew medji), b’maturità li jibqa’ ta’ mill-inqas sena biex jissodisfaw ir-rekwiżit MREL tagħhom, iżda l-ebda rekwiżit ta’ subordinazzjoni m’għandu jiġi impost mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni. Il-BĊE jinnota li l-Kummissjoni tipproponi li temenda l-Artikolu 45(4)(f) tad-Direttiva 2014/59/UE u tintroduċi Artikolu 45b ġdid fid-Direttiva 2014/59/UE (li jirreferi għall-Artikoli 72a u 72b ġodda tar-Regolament (UE) Nru 575/2013), u dawn l-emendi proposti huma mifhuma li ma jipprekludux dipendenza fuq depożiti kbar tal-kumpanniji b’maturità li jibqa’ ta’ mill-inqas sena għall-finijiet tal-issodisfar tar-rekwiżiti MREL bl-istess mod bħal taħt ir-reġim kurrenti.

(20)  Ara l-Artikolu 48(1) tad-Direttiva 2014/59/KE.

(21)  Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta’ Diċembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2014/60) (ĠU L 91, 2.4.2015, p. 3).

(22)  Ara, b’mod partikolari, il-paragrafu 3.3 ta’ Opinjoni CON/2016/7.


Fuq