EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32020R0533

Regolament (UE) 2020/533 tal-bank Ċentrali Ewropew tal-15 ta’ April 2020 dwar l-estensjoni ta’ skadenzi għar-rapportar ta’ informazzjoni statistika (BĊE/2020/23)

ĠU L 119, 17.4.2020, p. 15–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument Fis-seħħ

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/533/oj

17.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 119/15


REGOLAMENT (UE) 2020/533 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-15 ta’ April 2020

dwar l-estensjoni ta’ skadenzi għar-rapportar ta’ informazzjoni statistika (BĊE/2020/23)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikoli 5.1 u 12.1 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-ġbir ta’ tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-obbligi ta’ rapportar statistiku stipulati fir-Regolamenti relevanti tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jirriflettu l-ħtiġijiet ta’ data statistika tal-Eurosistema. Madankollu l-pandemija kurrenti tal-marda tal-coronavirus 19 (COVID-19) tista’ toħloq sfida sinifikanti għall-aġenti li jirrapportaw l-istatistika.

(2)

Għaldaqstant, jista’ jkun hemm il-bżonn ta’ estensjoni tal-iskadenzi għal ċertu rapportar ta’ informazzjoni statistika għal perijodu ta’ żmien fiss. Id-deċiżjoni sabiex dan isir għandha tittieħed malajr u b’mod effiċjenti sabiex tkun effettiva.

(3)

Sabiex ikun hemm reazzjoni fil-pront għas-sitwazzjoni pandemika attwali, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Delegazzjoni tas-setgħa biex jiġu estiżi l-iskadenzi għar-rapportar ta’ informazzjoni statistika

1.   Il-Kunsill Governattiv b’dan jiddelega lill-Bord Eżekuttiv is-setgħa li jestendi l-iskadenzi għar-rapportar ta’ informazzjoni statistika meħtieġa skont ir-Regolamenti tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) elenkati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

2.   Meta tittieħed deċiżjoni biex tiġi estiża skadenza għar-rapportar ta’ informazzjoni statistika, il-Bord Eżekuttiv għandu jqis:

(a)

il-frekwenza tar-rapportar skont kull Regolament tal-BĊE elenkat fl-Anness taż dan ir-Regolament;

(b)

l-impatt tal-firxa tal-COVID-19 fuq il-kapaċitajiet ta’ rapportar u ta’ assigurazzjoni tal-kwalità tad-data tal-aġenti li jirrapportaw u fuq il-kapaċità tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (iktar il quddiem ’il-“BĊNi”) u tal-BĊE biex iwettqu l-verifika meħtieġa tal-informazzjoni statistika;

(c)

l-urġenza tal-ġbir tad-data ikkonċernata għall-eżerċizzju mill-BĊE u l-BĊNi tal-kompiti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ);

(d)

il-ħtieġa li r-riżorsi tal-BĊE u l-BĊN jiġu ffukati fuq dawk il-ġabriet ta’ data li huma l-aktar meħtieġa b’mod urġenti għall-eżerċizzju mill-BĊE u l-BĊNi tal-kompiti tas-SEBĊ.

3.   Kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-Bord Eżekuttiv skont il-paragrafu 1 għandha tqis il-parir tal-Kumitat tal-Istatistika tas-SEBĊ (STC) fil-kompożizzjoni standard tiegħu. Għall-finijiet li jagħti l-parir tiegħu lill-Bord Eżekuttiv, l-STC għandu jqis il-ħtiġijiet tal-utenti tad-data.

4.   Estensjoni tal-iskadenzi għar-rapportar ta’ informazzjoni statistika tista’ tkun relatata biss mar-rapportar li jkun dovut fi jew qabel il-31 ta’ Diċembru 2020.

5.   L-iskadenzi għar-rapportar ta’ informazzjoni statistika ma jistgħux jiġu estiżi lil hinn mit-30 tya’ Ġunju 2021

6.   Il-Kunsill Governattiv għandu jiġi nnotifikat fuq bażi regolari trimestrali dwar kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-Bord Eżekuttiv jew mill-Membru tal-Bord Eżekuttiv maħtur skont il-paragrafu 1.

7.   L-aġenti li jirapportaw ikkonċernati għandhom jiġu informati bi kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-Bord Eżekuttiv skont il-paragrafu 1.

8.   Il-Kunsill Governattiv bil-preżenti jiddelega wkoll ill-Board Eżekuttiv is-setgħa li jestendi l-iskadenzi għat-trasmissjoni tal-informazzjoni statistika msemmija fil-paragrafu 1 mill-BĊNi lill-BĊE. Kull deċiżjoni meħuda mill-Bord Eżekuttiv taħt dan il-paragrafu għandha taqbel mad-deċiżjoni relevanti meħuda skont il-paragrafu 1.

Artikolu 2

Dispożizzjoni finali

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-15 ta’ April 2020.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8.


ANNESS

Lista ta’ Regolamenti tal-BĊE

1.   

Regolament (UE) Nru 1409/2013 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-28 ta’ Novembru 2013 dwar l-istatistika tal-ħlasijiet (BĊE/2013/43) (ĠU L 352, 24.12.2013, p. 18)

2.   

Regolament (UE) 2018/231 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-26 ta’ Jannar 2018 dwar rekwiżiti ta’ rappurtar statistiku għal fondi tal-pensjoni (BĊE/2018/2) (ĠU L 45, 17.2.2018, p. 3)

3.   

Regolament (UE) Nru 1374/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-28 ta’ Novembru 2014 dwar rekwiżiti ta’ rapportar statistiku għal korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni (BĊE/2014/50) (ĠU L 366, 20.12.2014, p. 36)


Fuq