EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea
Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 32020O0515
Guideline (EU) 2020/515 of the European Central Bank of 7 April 2020 amending Guideline ECB/2014/31 on additional temporary measures relating to Eurosystem refinancing operations and eligibility of collateral (ECB/2020/21)
Linja gwida (UE) 2020/515 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-7 ta’ April 2020 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2014/31 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral (BĊE/2020/21)
Linja gwida (UE) 2020/515 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-7 ta’ April 2020 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2014/31 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral (BĊE/2020/21)
ĠU L 110I, 8.4.2020, p. 26–29
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Fis-seħħ
8.4.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
LI 110/26 |
LINJA GWIDA (UE) 2020/515 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tas-7 ta’ April 2020
li temenda l-Linja Gwida BĊE/2014/31 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral (BĊE/2020/21)
IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12.1 flimkien mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1 u l-Artikolu 18 tiegħu,
Billi:
(1) |
Skont l-Artikolu 18.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (iktar ’il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”), il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (iktar ’il quddiem il-“BĊNi”) jistgħu, sabiex jinkisbu l-għanijiet tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali, iwettqu operazzjonijiet ta’ kreditu ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u parteċipanti oħrajn fis-suq, bis-self ikun ibbażat fuq kollateral adegwat. Il-kundizzjonijiet ġenerali li taħthom il-BĊE u l-BĊNi jinsabu lesti biex jidħlu f’operazzjonijiet ta’ kreditu, inklużi l-kriterji li jiddeterminaw l-eliġibbiltà ta’ kollateral għall-finijiet ta’ operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema, huma stabbiliti fil-Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/60) (1). |
(2) |
Il-marda tal-coronavirus 2019 (COVID-19) ġiet ikkaratterizzata mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa bħala pandemija u hija l-kawża ta’ emerġenza kollettiva għas-saħħa pubblika mingħajr preċedent fl-istorja riċenti. Hija pproduċiet xokk ekonomiku estrem li jeħtieġ reazzjoni ambizzjuża, ikkoordinata u urġenti minn kull aspett ta’ politika biex jiġu appoġġjati n-negozji u l-ħaddiema f’riskju. Bħala konsegwenza tal-pandemija, l-attività ekonomika fiż-żona tal-euro qiegħda tonqos u inevitabbilment ser tbati minn reċessjoni konsiderevoli, speċjalment minħabba li aktar pajjiżi qed jiffaċċjaw il-ħtieġa li jintensifikaw il-miżuri ta’ trażżin. Dawn il-miżuri jpoġġu piż kbir fuq il-flussi tal-flus tan-negozji u tal-ħaddiema u jpoġġu s-sopravivenza tan-negozji u tal-impjiegi f’riskju. Huwa ċar ukoll li din is-sitwazzjoni tfixkel it-trażmissjoni tal-impulsi tal-politika monetarja u żżid riskji ta’ tnaqqis qawwi fil-prospetti ta’ inflazzjoni rilevanti. |
(3) |
Fis-7 ta’ April 2020, il-Kunsill Governattiv adotta sett ta’ deċiżjonijiet bħala reazzjoni għall-pandemija tal-coronavirus, li tista’ tippreġudika l-objettiv ta’ stabbiltà tal-prezzijiet u l-funzjonament xieraq tal-mekkaniżmu ta’ trasmissjoni għall-politika monetarja. Dawn jinkludu miżuri ta’ faċilitazzjoni tal-kollateral biex jiffaċilitaw lill-kontropartijiet tal-Eurosistema fiż-żamma u l-mobilizzazzjoni ta’ kollateral suffiċjenti sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw fl-operazzjonijiet tal-Eurosistema li jipprovdu likwidità. Għaldaqstant, il-parteċipazzjoni f’dawn l-operazzjonijiet se tkun ibbażata fuq kriterji tal-eliġibbiltà għall-kollaterali u miżuri ta’ kontroll tar-riskju emendati. Dawn il-miżuri huma proporzjonati biex jilqgħu kontra r-riskji serji għall-istabbiltà tal-prezzijiet, il-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni tal-politika monetarja u l-prospett ekonomiku fiż-żona tal-euro maħluqa mit-tifrix u t-tixrid li qed jiżdied tal-COVID-19. |
(4) |
Bl-għan li jittaffa l-impatt negattiv fuq id-disponibbiltà ta’ kollateral tat-tnaqqis fil-grad ta’ klassifikazzjoni potenzjali u serju li jirriżulta mit-tifqigħa tal-COVID-19, il-Kunsill Governattiv iqis li l-Eurosistema tista’ żżid temporanjament it-tolleranza tagħha tar-riskji sabiex tappoġġa l-aċċess tal-kontropartijiet għal-likwidità u, b’hekk, tappoġġa wkoll l-għoti ta’ kreditu lill-ekonomija taż-żona tal-euro, inkluż billi tnaqqas il-haircuts fil-valutazzjoni applikati għal ċerti assi kollaterali. |
(5) |
Il-Kunsill Governattiv ivvaluta wkoll: (a) il-ħtieġa li jittaffew il-pressjonijiet li jirriżultaw mit-tifqigħa tal-COVID-19 li affettwaw serjament is-swieq finanzjarji Griegi; (b) l-impenji meħuda mir-Repubblika Ellenika fil-kuntest tas-sorveljanza msaħħa skont ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħhom mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni; (c) il-fatt li miżuri ta’ ħelsien mid-dejn fuq perjodu ta’ żmien medju għar-Repubblika Ellenika mogħtija permezz tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà jiddependu fuq l-implimentazzjoni kontinwa ta’ dawn l-impenji; (d) l-informazzjoni disponibbli lill-BĊE rigward is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tar-Repubblika Ellenika bħala riżultat tal-involviment tal-BĊE fil-qafas ta’ sorveljanza msaħħa; u (e) il-fatt li r-Repubblika Ellenika kienet reġgħet kisbet aċċess għas-suq. Il-Kunsill Governattiv ivvaluta wkoll il-ħtieġa li titnaqqas il-frammentazzjoni tal-kollateral aċċettat għall-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema bl-għan li jitjieb il-funzjonament bla xkiel tal-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni tal-politika monetarja. Abbażi ta’ dawn il-valutazzjonijiet, il-Kunsill Governattiv iqis li l-BĊNi għandhom jitħallew jaċċettaw bħala kollaterali eliġibbli għall-finijiet tal-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema titoli ta’ dejn negozjabbli maħruġa mill-gvern ċentrali tar-Repubblika Ellenika li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-kwalità tal-kreditu tal-Eurosistema iżda jissodisfaw kull kriterju ieħor ta’ eliġibbiltà applikabbli għal assi negozjabbli, soġġetti għal skeda ta’ haircut speċifika. |
(6) |
Il-miżuri addizzjonali stabbiliti fl-emendi introdotti taħt din il-Linja Gwida għandhom japplikaw b’mod temporanju u l-Kunsill Governattiv għandu jivvaluta mill-ġdid il-ħtieġa li tiġi estiża kwalunkwe waħda minn dawn il-miżuri temporanji qabel tmiem is-sena biex jiġi żgurat li jkun hemm mekkaniżmu ta’ trażmissjoni tal-politika monetarja xieraq. B’dan il-mod, il-Kunsill Governattiv ser iqis ukoll il-ħtiġijiet tal-kontropartijiet tal-Eurosistema li huma, jew li ser ikunu, parteċipanti f’operazzjonijiet immirati ta’ rifinanzjament fuq żmien itwal imwettqa skont id-Deċiżjoni (UE) 2019/1311 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2019/21) (3) biex tinżamm id-disponibbiltà tal-kollateral għat-tul kollu ta’ dawn l-operazzjonijiet. |
(7) |
Sabiex ikun hemm reazzjoni fil-pront għas-sitwazzjoni pandemika attwali, din il-Linja Gwida għandha tiġi nnotifikata lill-BĊNi kemm jista’ jkun malajr wara l-adozzjoni. |
(8) |
Għalhekk, il-Linja Gwida BĊE/2014/31 (4) għandha tiġi emendata f’dan is-sens, |
ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:
Artikolu 1
Emendi għal-Linja Gwida BĊE/2014/31
Il-Linja Gwida BĊE/2014/31 hija emendata kif ġej:
1. |
l-Artikolu 8a li ġej huwa mdaħħal: “Artikolu 8a Aċċettazzjoni ta’ titoli ta’ dejn negozjabbli maħruġa mill-gvern ċentrali tar-Repubblika Ellenika 1. Il-BĊNi jistgħu jaċċettaw bħala kollateral għal operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin mill-gvern ċentrali tar-Repubblika Ellenika li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-kwalità tal-kreditu tal-Eurosistema għal assi negozjabbli stabbiliti fl-Artikoli 59 u 71 u l-Kapitolu 2 tat-Titolu II tal-Parti Erbgħa tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60), sakemm dawn l-istrumenti jikkonformaw mal-kriterji l-oħra kollha ta’ eliġibbiltà applikabbli għal assi negozjabbli u stabbiliti fil-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60). 2. It-titoli msemmija fil-paragrafu 1 li huma aċċettati mill-BĊNi bħala kollateral għandhom ikunu soġġetti għall-haircuts fil-valutazzjoni stipulati fl-Anness IIb għal din il-Linja Gwida.”; |
2. |
L-Anness IIa huwa ssostitwit b’li ġej: “ANNESS IIa Livelli ta’ valutazzjoni fil-haircut (f’%) applikati lil titoli ggarantiti b’assi (ABS) eliġibbli taħt l-Artikolu 3(2) ta’ din il-Linja Gwida
|
3. |
L-Anness IIb li ġej huwa mdaħħal: “ANNESS IIb Livelli ta’ haircuts fil-valutazzjoni (f’%) applikati għal assi negozjabbli eliġibbli fil-kategorija ta’ haircut I għall-passi tal-kwalità tal-kreditu 4 u 5
|
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ u implimentazzjoni
1. Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lill-BĊNi.
2. Il-BĊNi għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jikkonformaw ma’ din il-Linja Gwida u japplikawhom mill-20 ta’ April 2020, u għandhom jinnotifikaw lill-BĊE bit-testi u l-mezzi relatati ma’ dawk il-miżuri sa mhux aktar tard mill-14 ta’ April 2020.
Artikolu 3
Destinatarji
Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema.
Magħmul fi Frankfurt am Main, is-7 ta’ April 2020.
Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE
Il-President tal-BĊE
Christine LAGARDE
(1) Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta’ Diċembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2014/60) (ĠU L 91, 2.4.2015, p. 3).
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b’diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom (ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1).
(3) Id-Deċiżjoni (UE) 2019/1311 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta’ Lulju 2019 dwar it-tielet serje ta’ operazzjonijiet speċifiċi ta’ rifinanzjament għal żmien itwal (BĊE/2019/21) (ĠU L 204, 2.8.2019, p. 100).
(4) Linja Gwida BĊE/2014/31 tad-9 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral u li temenda l-Linja Gwida BĊE/2007/9 (ĠU L 240, 13.8.2014, p. 28).
(*1) jiġifieri [0-1) maturità residwa/WAL ta’ inqas minn sena, [1-3) maturità residwa ta’ sena jew aktar u inqas minn tliet snin, eċċ.
(*2) jiġifieri [0-1) maturità residwa ta’ inqas minn sena, [1-3) maturità residwa ta’ sena jew aktar u inqas minn tliet snin, eċċ.