EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32020O0496

Linja Gwida (UE) 2020/496 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta’ Marzu 2020 li temenda l-Linja Gwida (UE) 2019/1265 dwar ir-rata tal-euro fuq terminu qasir (€STR) (BĊE/2020/15)

ĠU L 106, 6.4.2020, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument Fis-seħħ

ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2020/496/oj

6.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 106/1


LINJA GWIDA (UE) 2020/496 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tad-19 ta’ Marzu 2020

li temenda l-Linja Gwida (UE) 2019/1265 dwar ir-rata tal-euro fuq terminu qasir (€STR) (BĊE/2020/15)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikolu 127(2) u (5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikoli 12.1 u 14.3 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 5(2) tal-Linja Gwida (UE) 2019/1265 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2019/19) (1) jipprovdi li l-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) li jkollhom aġent ta’ rapportar wieħed jew aktar residenti fl-Istat Membru tagħhom huma meħtieġa jwettqu l-proċess ta’ determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir u l-proċeduri ta’ wara l-produzzjoni f’konformità mal-proċeduri tan-negozju msemmija fl-Artikolu 6(3) ta’ dik il-Linja Gwida. Fl-interessi tal-allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi, huwa madankollu xieraq li l-BĊE għandu jwettaq dawk il-kompiti f’isem il-BĊNi li għandhom biss aġent ta’ rapportar wieħed residenti fl-Istat Membru tagħhom u li ma joperawx pjattaforma ta’ ġbir lokali.

(2)

Sabiex tittejjeb il-faċilità tal-użu għall-utent tal-proċedura tal-ilmenti stabbilita fl-Artikolu 11 tal-Linja Gwida (UE) 2019/1265 (BĊE/2019/19), għandha tiġi introdotta l-possibbiltà għat-tressiq ta’ lmenti b’mod elettroniku.

(3)

Għalhekk, il-Linja Gwida (UE) 2019/1265 (BĊE/2019/19) għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

Artikolu 1

Emendi

Il-Linja Gwida (UE) 2019/1265 (BĊE/2019/19) hija emendata kif ġej:

1.

fl-Artikolu 5, għandu jiddaħħal il-paragrafu (2a) li ġej:

“2a.   Jekk BĊN ikollu aġent ta’ rapportar wieħed biss residenti fl-Istat Membru tiegħu u ma joperax pjattaforma ta’ ġbir lokali, il-BĊE jista’ bil-qbil minn qabel ta’ dak il-BĊN iwettaq f’ismu l-kompiti li l-BĊN huwa meħtieġ li jwettaq skont l-Artikolu 5(2) u li huma relatati mal-proċess ta’ determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir u l-proċeduri ta’ wara l-produzzjoni. Jekk il-BĊE jwettaq dawn il-kompiti f’isem BĊN, il-BĊE għandu jsegwi l-proċeduri tan-negozju msemmija fl-Artikolu 6(3).”;

2.

Fl-Artikolu 11, il-paragrafu 1 huwa ssostitwit b’li ġej:

“1.   Kwalunkwe persuna tista’ tressaq ilment bil-miktub lill-BĊE dwar kwalunkwe aspett tal-proċess ta’ determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir li hija raġonevolment tqis li affettwa l-interessi tagħha b’mod sinifikanti. L-ilment jista’ jintbagħat jew bil-posta lill-Bank Ċentrali Ewropew, 60640 Frankfurt am Main, il-Ġermanja, jew b’mod elettroniku lil euroshorttermrate_complaints@ecb.europa.eu”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

Artikolu 3

Destinatarji

Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema.

Magħmul fi Frankfurt am Main, id-19 ta’ Marzu 2020.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  Linja Gwida (UE) 2019/1265 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-10 ta’ Lulju 2019 dwar ir-rata tal-euro fuq terminu qasir (€STR) (BĊE/2019/19) (ĠU L 199, 26.7.2019, p. 8).


Fuq