EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32020O0428

Linja Gwida (UE) 2020/428 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-5 ta’ Marzu 2020 li tirrevoka l-Linja Gwida BĊE/2012/16 dwar l-Iskambju ta’ Data għal Servizzi fi Flus Kontanti (BĊE/2020/12)

ĠU L 87, 23.3.2020, p. 4–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument M’għadux fis-seħħ, Data tat-tmiem tal-validitàà: 31/03/2020

ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2020/428/oj

23.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 87/4


LINJA GWIDA (UE) 2020/428 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-5 ta’ Marzu 2020

li tirrevoka l-Linja Gwida BĊE/2012/16 dwar l-Iskambju ta’ Data għal Servizzi fi Flus Kontanti (BĊE/2020/12)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikolu 128(1) u (2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Iskambju ta’ Data għal Servizzi fi Flus Kontanti (DECS – Data Exchange for Cash Services) hija interfaċċja stabbilita fil-Linja Gwida BĊE/2012/16 (1) biex iżżid l-effiċjenza u tkompli tarmonizza t-transazzjonijiet fi flus kontanti bejn banek ċentrali nazzjonali ta’ Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (BĊNi) u l-klijenti tagħhom fiż-żona tal-euro. Billi s-servizzi fi flus kontanti offruti bħalissa mill-BĊNi jvarjaw b’mod sinifikanti, id-DECS jiżgura l-interkambjabbiltà tad-data għal tranżazzjonijiet transkonfinali fi flus kontanti u trasferimenti kbar ta‘ karti tal-flus tal-euro bejn il-BĊNi li jużaw sistemi differenti ta‘ ġestjoni tal-flus kontanti.

(2)

Id-DECS ġie introdott minn bosta BĊNi bejn l-2012 u l-2015.

(3)

Sa mill-introduzzjoni tiegħu, id-DECS ma ntużax b’rabta mat-transazzjonijiet fi flus kontanti bejn il-BĊNi u l-klijenti tagħhom fiż-żona tal-euro, iżda madankollu, din il-funzjoni teħtieġ manutenzjoni regolari mill-BĊNi, li għandha titħallas minn fondi pubbliċi. Għalhekk id-DECS m’għandux jibqa’ jintuża biex tiġi kkomunikata data dwar tranżazzjonijiet fi flus kontanti bejn il-BĊNi u l-klijenti tagħhom fiż-żona tal-euro.

(4)

Messaġġi dwar trasferimenti kbar għandhom ikomplu jiġu skambjati bejn il-BĊNi u għandhom isiru arranġamenti interni għal dak l-iskop.

(5)

Il-Linja Gwida BĊE/2012/16 għandha għalhekk tiġi mħassra,

ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

Artikolu 1

Tħassir tal-Linja Gwida BĊE/2012/16

Il-Linja Gwida BĊE/2012/16 hija mħassra b’effett mill-1 ta’ April 2020.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

Artikolu 3

Destinatarji

Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-5 ta’ Marzu 2020.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  Linja Gwida BĊE/2012/16 tal-20 ta’ Lulju 2012 dwar l-Iskambju ta’ Data għal Servizzi fi Flus Kontanti (ĠU L 245, 11.9.2012, p. 3).


Fuq