EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32020O0381

Linja Gwida (UE) 2020/381 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-21 ta’ Frar 2020 li temenda l-Linja Gwida (UE) 2017/2335 dwar il-proċeduri għall-ġbir ta’ mikrodata dwar il-kreditu u r-riskju tal-kreditu (BĊE/2020/11)

ĠU L 69, 6.3.2020, p. 46–57 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument Fis-seħħ

ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2020/381/oj

6.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 69/46


LINJA GWIDA (UE) 2020/381 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-21 ta’ Frar 2020

li temenda l-Linja Gwida (UE) 2017/2335 dwar il-proċeduri għall-ġbir ta’ mikrodata dwar il-kreditu u r-riskju tal-kreditu (BĊE/2020/11)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 127(2) u (5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikoli 5.1, 12.1 u 14.3 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament (UE) 2016/867 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2016/13) (1), il-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) jistgħu jipprovdu lill-aġenti li jirrapportaw mikrodata dwar il-kreditu u dwar ir-riskju ta’ kreditu (iktar ’il quddiem “data dwar il-kreditu”), inkluża data dwar il-kreditu miġbura minn BĊN ieħor, billi jistabbilixxu ċirkwiti ta’ feedback ġodda, jew isaħħu dawk eżistenti jew servizzi ta’ informazzjoni oħrajn mingħand reġistri ċentrali tal-kreditu (RĊK) lill-aġenti li jirrapportaw.

(2)

L-iskop ta’ dawn iċ-ċirkwiti ta’ feedback huwa li jingħata appoġġ lill-aġenti li jirrapportaw fil-valutazzjoni tal-affidabbiltà tal-kreditu tad-debituri, kif ukoll biex jitjieb l-immaniġġjar tar-riskju ta’ kreditu tagħhom. Iċ-ċirkwiti ta’ feedback jippermettu lill-aġenti li jirrapportaw jiksbu ħarsa ġenerali aktar kompluta tad-dejn ta’ debitur jew ta’ debitur prospettiv peress li l-informazzjoni disponibbli tinġabar mhux biss mill-BĊN rilevanti iżda wkoll minn BĊNi oħrajn. Il-forniment ta’ data dwar il-kreditu lill-BĊNi sabiex jistabbilixxu jew isaħħu ċirkwiti ta’ feedback lill-aġenti li jirrapportaw se jtejjeb għalhekk il-kontribuzzjoni tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ) għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja f’konformità mal-mandat statutorju tagħha skont l-Artikolu 127(5) tat-Trattat. Għalkemm l-għadd ta’ BĊNi li inizjalment qegħdin jipparteċipaw fil-qafas taċ-ċirkwiti ta’ feedback huwa limitat, dan jista’ jiżdied fil-futur peress li din il-parteċipazzjoni hija volontarja. Fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni magħmula disponibbli permezz taċ-ċirkwiti ta’ feedback fuq din l-iskala inizjalment limitata tibqa’ kruċjali biex jiġi evitat tfixkil possibbli fil-proċess ta’ intermedjazzjoni finanzjarja peress li ttejjeb l-analiżijiet tar-riskju ta’ kreditu tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, b’mod partikolari fir-rigward ta’ debituri transkonfinali, u b’hekk fl-aħħar mill-aħħar tikkontribwixxi għall-istabbiltà finanzjarja.

(3)

Fil-qafas legali attwali, il-BĊNi jistgħu, fuq bażi volontarja, jiskambjaw u jużaw subsettijiet ta’ data dwar il-kreditu biex jipprovdu aċċess għalihom lill-aġenti li jirrapportaw permezz taċ-ċirkwiti ta’ feedback. Is-SEBĊ impenjat ruħha li taġġorna l-qafas legali sabiex tkompli tarmonizza ċ-ċirkwiti ta’ feedback li l-BĊNi jipprovdu lill-aġenti li jirrapportaw.

(4)

Għaldaqstant Jenħtieġ li jiġi stabbilit qafas xieraq għal din l-attività, li hija soġġetta għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13) rigward id-drittijiet u l-obbligi tal-BĊNi b’rabta maċ-ċirkwiti ta’ feedback. Dan il-qafas għandu jistabbilixxi l-obbligi tal-BĊE u tal-BĊNi li jipparteċipaw fih (“BĊNi parteċipi”), inkluż fil-perijodu tal-ittestjar qabel id-data meta l-BĊNi individwali jibdew jipparteċipaw, filwaqt li jqis ir-restrizzjonijiet relatati man-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni u ż-żmien meħtieġ għall-implimentazzjoni.

(5)

Għall-BĊNi parteċipi, il-qafas taċ-ċirkwiti ta’ feedback tal-AnaCredit għandu jiddefinixxi wkoll il-kamp ta' applikazzjoni tad-data li għandha tiġi pprovduta għal finijiet ta’ ċirkwiti ta’ feedback skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13). B’mod partikolari, Jenħtieġ li d-data dwar il-kreditu u d-data ta’ referenza tal-kontroparti relatata jkunu inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni sabiex l-aġenti li jirrapportaw ikunu jistgħu jevalwaw aħjar l-affidabbiltà tal-kreditu ta’ debitur.

(6)

L-istandards għall-protezzjoni u l-użu ta’ informazzjoni statistika kunfidenzjali miġbura mis-SEBĊ kif stipulat fl-Artikoli 8 sa 8c tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 (2) għandhom japplikaw għall-qafas.

(7)

Il-BĊNi li ser jipparteċipaw fil-qafas taċ-ċirkwit ta’ feedback għandhom jiġu elenkati f’anness, flimkien mad-data minn meta jibdew jipparteċipaw u b’hekk isiru BĊNi parteċipi. Jenħtieġ li tiġi stabbilita l-proċedura li għandu jsegwi BĊN li m’huwiex fost il-BĊNi elenkati fl-anness rilevanti u li jixtieq li jsir BĊN parteċipi, u l-proċedura biex BĊN parteċipi jtemm il-parteċipazzjoni tiegħu. Jenħtieġ ukoll li tiġi stabbilita l-proċedura li għandha tiġi segwita meta BĊN parteċipi jkun jixtieq jibdel il-parametri għall-kondiviżjoni tad-data fit-tabella stabbilita fl-anness rilevanti. Kull bidla bħal din f’dik il-lista (inkluż sad-data minn meta BĊN isir BĊN parteċipi) u f’dik it-tabella fl-annessi rilevanti għandhom isiru permezz ta’ emendi tekniċi skont l-Artikolu 20 tal-Linja Gwida (UE) 2017/2335 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2017/38) (3).

(8)

Il-BĊNi elenkati fl-anness relevanti għandhom ikunu kapaċi jittestjaw il-proċeduri meħtieġa qabel l-implimentazzjoni. Sabiex ikun jista’ jsir dan, il-BĊE għandu jibgħat is-sett ta’ data taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE lil dawk il-BĊNi qabel id-data meta jsiru BĊNi parteċipanti, unikament għall-iskop ta’ ttestjar u mhux għal użu f’ċirkwiti ta’ feedback.

(9)

Għalhekk, il-Linja Gwida (UE) 2017/2335 (BĊE/2017/38) għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

Artikolu 1

Emendi

Il-Linja Gwida (UE) 2017/2335 (BĊE/2017/38) hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 huwa mibdul b'dan li ġej:

“Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

Din il-Linja Gwida tipprovdi dettalji dwar l-obbligi tal-BĊNi li jittrażmettu data ta’ kreditu u data ta’ referenza tal-kontroparti miġbura skont ir-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13) lill-BĊE, inklużi r-responsabbiltajiet tal-BĊNi biex jirreġistraw kontropartijiet fir-RIAD, u dwar il-proċeduri għat-trażmissjoni ta’ dik id-data. Din il-Linja Gwida tistabbilixxi wkoll qafas għall-BĊNi sabiex jipparteċipaw, fuq bażi volontarja, f’arranġamenti għat-trażmissjoni u l-kondiviżjoni ta’ ċerti subsettijiet ta’ data dwar il-kreditu u d-data ta’ referenza tal-kontroparti relatata, bil-għan li jiġu stabbiliti jew imsaħħa ċ-ċirkwiti ta’ feedback mal-aġenti li jirrapportaw (iktar ’il quddiem imsejħa wkoll “qafas taċ-ċirkwiti ta’ feedback tal-AnaCredit”).”;

(2)

fl-Artikolu 2, qegħdin jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(14)

“BĊN parteċipi” tfisser BĊN elenkat fl-Anness IV li jkun beda jipparteċipa fil-qafas ta’ ċirkwiti ta’ feedback tal-AnaCredit, mid-data speċifikata f’dak l-Anness;

(15)

“BĊN riċeventi” tfisser BĊN parteċipi li jirċievi sett ta’ data taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE skont l-Artikolu 16d;

(16)

“sett ta’ data minimu” tfisser is-subsett minimu ta’ data dwar il-kreditu u d-data ta’ referenza tal-kontroparti relatata miġbura skont ir-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13) mill-BĊNi parteċipi kif identifikat mill-attributi tad-data speċifikati fl-Anness III;

(17)

“attribut operazzjonali” tfisser attribut tad-data tas-sett ta’ data taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE li jintuża biss għall-immaniġġjar u t-tħejjija tas-sett ta’ data taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE u taċ-ċirkwiti ta’ feedback mill-BĊNi lill-aġenti li jirrapportaw, u huwa identifikat bħala “attribut operazzjonali” fl-Anness III;

(18)

“attribut varjabbli” tfisser attribut tad-data tas-sett ta’ data taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE li ma jinstabx fis-sett ta’ data minimu u li m’huwiex attribut operazzjonali;

(19)

“sett ta’ data taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE” tfisser is-subsett massimu ta’ data dwar il-kreditu u d-data ta’ referenza tal-kontroparti relatata, kif identifikata mill-attributi ta’ data speċifikati fl-Anness III, miġbura skont ir-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13) mill-BĊNi parteċipi jew, għall-finijiet tal-Artikolu 16d(1), mill-BĊNi elenkati fl-Anness IV qabel ma jsiru BĊNi parteċipi;

(20)

“trażmissjoni regolari” tfisser it-trażmissjoni regolari ta’ kull xahar mill-BĊE lil BĊN riċeventi, għal skopijiet ta’ ċirkwiti ta’ feedback, tas-sett ta’ data taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE skont l-Artikolu 16d;

(21)

“debitur prospettiv” tfisser entità legali jew parti minn entità legali, residenti fi kwalunkwe pajjiż tad-dinja, li japplika għal strument ma’ aġent osservat;

(22)

“talba ad-hoc” tfisser talba mingħand BĊN parteċipi lill-BĊE għal data dwar il-kreditu u data ta’ referenza tal-kontroparti relatata għal strumenti relatati ma’ mill-inqas debitur prospettiv wieħed;

(23)

“kopja tad-deheb” tfisser il-verżjoni oriġinali uffiċjali tad-data dwar il-kreditu u tad-data ta’ referenza tal-kontroparti li tinġabar skont ir-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13), u ġġenerata wara verifika mill-BĊE li din id-data tissodisfa l-istandards ta’ kwalità stipulati f’dak ir-Regolament.”;

(3)

fl-Artikolu 6, il-paragrafu (5) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Jekk ikun hemm arranġament bejn żewġ BĊNi rilevanti skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13) li jwassal biex wieħed biss minnhom jiġbor u jittrażmetti d-data kollha (Mudelli 1 u 2) minn fergħa barranija ta’ RMS lill-BĊE, allura:

(a)

il-BĊN li ma jittrażmettix data lill-BĊE jista’ jiddeċiedi li ma jiġbor ebda data minn din il-fergħa barranija ta' RMS skont l-Artikoli 8(5) u 16(3) tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13) biex jiġi evitat rapportar doppju;

(b)

il-BĊE għandu jibgħat id-data trażmessa b'rabta mal-fergħa barranija tal-RMS lill-BĊN li ma jittrażmettix data lill-BĊE għall-użu skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13); u

(c)

huwa meqjus li l-BĊN li jittrażmetti data mill-fergħa barranija tal-RMS lill-BĊE ma jiċħadx l-aċċess għal din id-data lill-BĊN l-ieħor li ma jittrażmettix data lill-BĊE għall-finijiet ta’ ċirkwit ta’ feedback skont l-Artikolu 16e ta’ din il-Linja Gwida.”;

(4)

jiddaħħal il-Kapitolu Va li ġej:

“KAPITOLU Va

QAFAS TAĊ-ĊIRKWITI TA’ FEEDBACK TAL-ANACREDIT

Artikolu 16a

Il-parteċipazzjoni u t-terminazzjoni tal-parteċipazzjoni fil-qafas taċ-ċirkwiti ta’ feedback tal-AnaCredit

1.   Il-BĊNi jistgħu jipparteċipaw fil-qafas taċ-ċirkwiti ta’ feedback tal-AnaCredit fuq bażi volontarja. Il-BĊNi elenkati fl-Anness IV għandhom isiru BĊNi parteċipi għall-finijiet ta’ din il-Linja Gwida mid-data speċifikata f’dak l-Anness.

2.   BĊN li m’huwiex elenkat fl-Anness IV jista’ jitlob li jipparteċipa fil-qafas taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-AnaCredit billi jissottometti avviż bil-miktub minn qabel lill-Kunsill Governattiv li jispeċifika d-data minn meta jipproponi li jsir BĊN parteċipi. Il-BĊN għandu jkun inkluż fil-lista fl-Anness IV permezz ta’ emenda teknika għal dak l-Anness u, fejn meħtieġ, għall-Anness III skont l-Artikolu 20.

Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, emenda teknika tikkonsisti fl-inklużjoni fl-Anness IV tal-isem tal-BĊN u d-data minn meta ser isir BĊN parteċipi u, fejn meħtieġ, speċifikazzjoni ta’ dawk l-attributi tad-data fis-sett tad-data taċ-ċirkwiti ta’ feedback tal-BĊE fl-Anness III li fir-rigward tagħhom dak il-BĊN ma jaqbilx li jikkondividi d-data relatata sabiex jiġu pprovduti ċirkwiti ta’ feedback lill-aġenti li jirrapportaw skont l-Artikolu 16c.

3.   BĊN parteċipi jista’ jitlob bidla fl-ispeċifikazzjoni tal-attributi tad-data tiegħu kif imsemmi fi-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2. Il-bidla għandha tidħol fis-seħħ wara emenda teknika għall-Anness III skont l-Artikolu 20.

4.   BĊN parteċipi jista’ jitlob li jtemm il-parteċipazzjoni tiegħu fil-qafas taċ-ċirkwiti ta’ feedback tal-AnaCredit billi jissottometti avviż bil-miktub mhux inqas minn disgħin jum qabel lill-Kunsill Governattiv. It-terminazzjoni għandha tidħol fis-seħħ wara emenda teknika għall-Anness IV u, fejn meħtieġ, għall-Anness III skont l-Artikolu 20. Kwalunkwe terminazzjoni ta’ parteċipazzjoni m'għandhiex tippreġudika l-kontinwazzjoni u s-sopravivenza ta' kwalunkwe wieħed mid-drittijiet u l-obbligi ta’ kull wieħed mill-BĊNi li jeżistu fid-data jew qabel id-data li fiha din it-terminazzjoni tidħol fis-seħħ.

Artikolu 16b

Rekwiżiti għall-parteċipazzjoni fil-qafas taċ-ċirkwiti ta’ feedback tal-AnaCredit

Taħt il-qafas taċ-ċirkwiti ta’ feedback tal-AnaCredit, il-BĊNi parteċipi se jkunu meħtieġa:

(a)

jagħtu lill-BĊNi riċeventi li jkunu qegħdin jikkondividu mal-aġenti li jirrapportaw residenti tagħhom mill-inqas is-sett minimu ta’ data għall-finijiet ta’ ċirkwiti ta’ feedback; u

(b)

jimplimentaw arranġamenti sabiex jinkludu mill-inqas id-data dwar il-kreditu u d-data ta’ referenza tal-kontroparti li tikkorrispondi għall-attributi tad-data fis-sett ta’ data minimu li tirrigwarda kwalunkwe strument relatat ma’ debitur jew debitur prospettiv fiċ-ċirkwit ta’ feedback ipprovdut lill-aġenti li jirrapportaw residenti.

BĊNi li ma jikkonformawx ma’ dawn ir-rekwiżiti m’humiex se jipparteċipaw fil-qafas taċ-ċirkwiti ta’ feedback tal-AnaCredit.

Artikolu 16c

Il-kondiviżjoni tad-data li tikkorrispondi għall-attributi varjabbli

1.   BĊN parteċipi jista’ jiddeċiedi, fid-diskrezzjoni tiegħu, li ma jagħtix kunsens lil BĊNi riċeventi li jinkludu kwalunkwe attribut varjabbli fid-data kondiviża mal-aġenti li jirrapportaw residenti tagħhom, għall-finijiet ta’ ċirkwit ta’ feedback. Id-deċiżjonijiet tal-BĊNi parteċipi huma indikati fl-Anness III. BĊN riċeventi jista’ ma jinkludix attributi varjabbli bħal dawn fid-data kondiviża mal-aġenti li jirrapportaw residenti tiegħu, għall-finijiet ta’ ċirkwit ta’ feedback.

2.   Jekk BĊN parteċipi jiddeċiedi li ma jagħtix kunsens lil BĊNi riċeventi li jinkludu attribut varjabbli wieħed jew aktar fid-data kondiviża mal-aġenti li jirrapportaw residenti tagħhom għall-finijiet ta’ ċirkwit ta’ feedback, il-BĊN parteċipi m’għandux jipprovdi s-sett ta’ data ekwivalenti miġbura minn BĊNi parteċipi oħrajn lill-aġenti li jirrapportaw tiegħu stess.

3.   Soġġett għall-paragrafi 1 u 2, BĊN riċeventi jista’ jiddeċiedi, fid-diskrezzjoni tiegħu, li jinkludi jew jeskludi kwalunkwe attribut varjabbli fid-data kondiviża mal-aġenti li jirrapportaw residenti tiegħu.

4.   Jekk BĊN huwa responsabbli taħt l-Artikolu 6 ta’ din il-Linja Gwida mir-rapportar lill-BĊE ta’ data dwar il-kreditu u tad-data ta’ referenza tal-kontroparti li tirrigwarda fergħa barranija tal-RMS, id-data li tikkorrispondi għall-attributi varjabbli relatati ma’ dik il-fergħa barranija tal-RMS tista’ tingħata, għall-finijiet ta’ ċirkwit ta’ feedback, lil aġent li jirrapporta residenti mill-BĊN parteċipi fl-Istat Membru li fih il-fergħa barranija tal-RMS hija residenti jew mill-BĊN parteċipi fl-Istat Membru tal-uffiċċju prinċipali tal-impriża tal-fergħa barranija tal-RMS.

Artikolu 16d

It-trażmissjoni ta’ data mill-BĊE

1.   Mill-1 ta’ April 2020, il-BĊE għandu jittrasmetti s-sett ta’ data taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE lil kull BĊN elenkat fl-Anness IV qabel id-data, kif speċifikata f’dak l-Anness, meta jsir BĊN parteċipi. Il-BĊN m’għandux ikollu d-dritt li juża d-data li jirċievi mill-BĊE għall-finijiet ta’ ċirkwit ta’ feedback skont l-Artikolu 16e qabel ma jsir BĊN parteċipi fid-data speċifikata fl-Anness IV. Il-BĊN għandu juża biss id-data li jirċievi mill-BĊE għall-finijiet tal-ittestjar tal-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 16b(b) qabel l-implimentazzjoni ta’ dawk l-arranġamenti fid-data meta jsir BĊN parteċipi u skont l-Artikolu 16e(9).

2.   Il-BĊE għandu jibgħat sett ta’ data ta’ ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE lil kull BĊN riċeventi permezz ta’ trażmissjonijiet regolari, immedjatament wara li tiġi ġġenerata l-kopja tad-deheb.

3.   Kull sett ta’ data ta’ ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE mibgħut permezz ta’ trażmissjoni regolari għandu jkun relatat biss ma’ strumenti fejn mill-inqas debitur wieħed huwa entità legali jew huwa parti minn entità legali li tissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

id-debitur huwa residenti fl-Istat Membru tal-BĊN riċeventi u d-data dwar il-kreditu relatata miegħu hija rrapportata lill-BĊE minn mill-inqas BĊN parteċipi ieħor;

(b)

id-debitur m’huwiex residenti fl-Istat Membru tal-BĊN riċeventi u d-data dwar il-kreditu relatata miegħu hija rrapportata lill-BĊE kemm mill-BĊN riċeventi kif ukoll minn mill-inqas BĊN parteċipi ieħor;

(c)

id-debitur huwa parti għal strument mogħti minn jew permezz ta’ fergħa barranija tal-RMS fejn dik il-fergħa barranija tal-RMS jew l-uffiċċju prinċipali tal-impriża ta’ dik il-fergħa barranija tal-RMS huma residenti fl-Istat Membru tal-BĊN riċeventi u d-data dwar il-kreditu u d-data ta’ referenza tal-kontroparti relatata miegħu tiġi rrapportata lill-BĊE minn BĊN ieħor responsabbli, skont l-Artikolu 6, mir-rapportar tad-data dwar il-kreditu u tad-data ta’ referenza tal-kontroparti ta’ dik il-fergħa barranija tal-RMS lill-BĊE.

4.   Il-BĊE għandu jittrażmetti lill-BĊNi riċeventi kwalunkwe reviżjoni riċevuta li tirrigwarda l-informazzjoni inkluża qabel fi trażmissjonijiet regolari skont il-politika ta’ reviżjoni msemmija fil-punt 4 tal-Anness V għar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13).

5.   BĊN parteċipi jista’ jibgħat lill-BĊE talba ad-hoc relatata ma’ debitur prospettiv li applika għal strument ma’ aġent li jirrapporta, jew ma’ kwalunkwe aġent osservat tiegħu, residenti fl-Istat Membru tal-BĊN parteċipi rikjedenti.

6.   Il-BĊE għandu jittrażmetti s-sett ta’ data taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE relatata mad-debitur prospettiv rilevanti lill-BĊN parteċipi rikjedenti b’risposta għal talba ad-hoc, diment li t-talba ad-hoc tkun relatata ma’ debitur prospettiv li d-data tiegħu tkun irrapportata lill-BĊE.

7.   Il-BĊE għandu jwieġeb għal talba ad-hoc sat-tmiem tal-jum ta’ xogħol ta’ wara dak li fih tkun waslet it-talba ad-hoc.

8.   Il-BĊE għandu jiżgura li l-informazzjoni trażmessa taħt dan l-Artikolu tkun identika għal dik trażmessa mill-BĊNi lill-BĊE u li l-informazzjoni trażmessa lil kull BĊN riċeventi għandha tirreferi biss għall-istrumenti relatati ma’ debituri jew debituri prospettivi speċifikati fil-paragrafi 3 jew 5.

Artikolu 16e

Il-kondiviżjoni tad-data mill-BĊNi riċeventi mal-aġenti li jirrapportaw u r-restrizzjonijiet applikabbli

1.   BĊN riċeventi għandu d-dritt li juża d-data riċevuta mill-BĊE skont l-Artikolu 16d għall-finijiet ta’ ċirkwit ta’ feedback skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.

2.   Ċirkwit ta’ feedback kif imsemmi fil-paragrafu 1 jista’ jiġi stabbilit minn BĊN riċeventi ma’ aġenti li jirrapportaw residenti, inklużi aġenti li jirrapportaw żgħar li jingħataw deroga skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13) u aġenti li jirrapportaw li jirrapportaw data fuq frekwenza ta’ rapportar imnaqqsa skont l-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13).

3.   Id-data użata fiċ-ċirkwiti ta’ feedback għandha tinkludi, mill-inqas, is-sett ta’ data minimu. Id-data użata fiċ-ċirkwiti ta’ feedback tista’ tinkludi wkoll id-data li tikkorrispondi għall-attributi varjabbli, diment li l-BĊNi riċeventi jeskludu d-data miġbura minn BĊNi parteċipi oħrajn, fejn dawn il-BĊNi parteċipi l-oħrajn ma tawx il-kunsens tagħhom għall-kondiviżjoni ta’ dik id-data skont l-Artikolu 16c.

4.   BĊN riċeventi ma jistax jipprovdi data dwar il-kreditu jew data ta’ referenza ta’ kontroparti lil aġent li jirrapporta li ma taqax fil-kamp ta' applikazzjoni tas-sett ta’ data taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE li jkun irċieva. Il-BĊNi riċeventi m’għandhomx jikkondividu attributi operazzjonali mal-aġenti li jirrapportaw residenti tagħhom.

5.   BĊN parteċipi jista’ jidentifika ċerta informazzjoni fil-livell ta’ strument bħala li ma tistax tintuża għall-finijiet ta’ ċirkwit ta’ feedback, għal perjodu limitat ta’ żmien, minħabba restrizzjonijiet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew il-kwalità tal-informazzjoni. Id-data trażmessa mill-BĊE lill-BĊNi riċeventi għandha tinkludi identifikazzjoni bħal din. BĊN riċeventi m’għandux jinkludi l-informazzjoni identifikata fiċ-ċirkwiti ta’ feedback lill-aġenti li jirrapportaw residenti.

6.   Id-data miġbura mill-BĊNi li mhumiex qegħdin jipparteċipaw fil-qafas taċ-ċirkwiti ta’ feedback tal-AnaCredit ma tistax tintuża mill-BĊNi parteċipi sabiex jistabbilixxu jew iżommu ċirkwit ta’ feedback, ħlief skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament UE 2016/867 (BĊE/2016/13), fejn huwa meqjus li l-aċċess għal tali skopijiet m’huwiex miċħud minn BĊN mhux parteċipi skont l-Artikolu 6(5) jew fejn id-data tkun dwar unità istituzzjonali ta’ aġent li jirrapporta stabbilit fi Stat Membru li jirrapporta, li dejjem tista’ tintuża għal ċirkwiti ta’ feedback mill-BĊN rilevanti tal-aġent li jirrapporta, irrispettivament minn fejn tkun residenti l-unità istituzzjonali.

7.   BĊN riċeventi jista’ jikkondividi mal-aġenti li jirrapportaw residenti tiegħu d-data riċevuta mill-BĊE skont dan l-Artikolu; jista’ jipprovdi data fl-istess livell ta’ granularità tad-data trażmessa mill-BĊE jew f’livell aktar aggregat.

8.   Meta jipprovdu ċirkwiti ta’ feedback lill-aġenti li jirrapportaw, il-BĊNi riċeventi għandhom jiżguraw li l-aġenti osservati, l-aġenti li jirrapportaw, il-kredituri, is-servizzjanti u l-oriġinaturi li l-informazzjoni dwarhom ġiet trażmessa mill-BĊE lill-BĊNi riċeventi ma jistgħux jiġu identifikati.

9.   Il-BĊNi riċeventi għandhom jittrattaw l-informazzjoni riċevuta mill-BĊE skont il-qafas legali nazzjonali dwar il-kunfidenzjalità tad-data u l-Artikoli 8 sa 8c tar-Regolament (KE) Nru 2533/98.

10.   BĊN riċeventi għandu jinforma lill-popolazzjoni li tirrapporta residenti tiegħu li, skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13):

(a)

l-aġenti li jirrapportaw għandhom jużaw is-subsett ta’ data dwar il-kreditu u d-data ta’ referenza tal-kontroparti li jirċievu permezz ta’ ċirkwiti ta’ feedback u miġbura minn BĊNi parteċipi oħrajn esklużivament għall-immaniġġjar tar-riskju ta’ kreditu u biex itejbu l-kwalità tal-informazzjoni ta’ kreditu disponibbli għalihom fir-rigward ta’ strumenti eżistenti jew prospettivi;

(b)

L-aġenti li jirrapportaw huma pprojbiti milli jikkondividu s-subsett ta’ data msemmija f’(a) ma’ partijiet oħra jew ma’ fornituri kummerċjali, ħlief fejn il-kondiviżjoni tad-data mal-fornituri tas-servizz huwa awtorizzat skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13);

(c)

mingħajr preġudizzju għad-diskrezzjoni ta’ BĊN li jagħti aċċess għal data speċifika dwar kreditu lil aġent li jirrapporta permezz ta’ ċirkwit ta’ feedback, tali aċċess jista’ jkun miċħud fuq bażi temporanja meta l-aġent li jirrapporta ma jkunx osserva l-obbligi ta’ rapportar statistiku tiegħu stess taħt ir-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13), b’mod partikolari fir-rigward tal-kwalità u l-preċiżjoni tad-data, jew fejn l-aġent li jirrapporta ma jkunx osserva l-obbligi tiegħu taħt (a) jew (b). F’dawk il-każijiet il-BĊN riċeventi għandu jinforma lill-aġent li jirrapporta li l-aċċess tiegħu għaċ-ċirkwit ta’ feedback huwa sospiż; u

(d)

l-aġenti li jirrapportaw għandhom jipproteġu l-kunfidenzjalità tas-subsett ta’ data msemmija f’(a) f’konformità mal-aħjar prattiki u skont il-liġi nazzjonali u d-dritt tal-Unjoni applikabbli.

Artikolu 16f

Ir-responsabbiltà tal-BĊNi parteċipi li jipprovdu aċċess għad-data

1.   BĊN riċeventi huwa unikament responsabbli għall-istabbiliment ta’ ċirkwit ta’ feedback jew ta’ servizzi ta’ informazzjoni oħrajn mir-RĊK tiegħu lill-aġenti li jirrapportaw, inkluża l-proċedura ta’ għoti ta’ aċċess lill-aġenti li jirrapportaw u ta’ infurzar tal-konformità mill-aġenti li jirrapportaw mar-rekwiżiti tal-Artikolu 16e.

2.   Fejn entitajiet legali jew partijiet ta’ entitajiet legali li dwarhom data dwar il-kreditu ġiet irrapportata huma intitolati li jaċċessaw tali data jew jeħtieġu r-rettifika u/jew it-tħassir ta’ tali data, inkluż fejn tali data hija pprovduta lill-aġenti li jirrapportaw għall-finijiet ta’ ċirkwit ta’ feedback jew servizz ta’ informazzjoni ieħor mir-RĊK rilevanti, il-BĊN rilevanti għandu jimplimenta proċeduri sabiex (a) jipprovdi aċċess għad-data, (b) jeżiġi li d-data żbaljata tiġi rettifikata mill-aġenti li jirrapportaw u (c) jinforma lill-aġenti li jirrapportaw ma’ min ġiet kondiviża l-informazzjoni.

3.   Fil-każ ta’ talbiet relatati ma’ informazzjoni inkluża f’ċirkwiti ta’ feedback u derivata mit-trażmissjoni ta’ data magħmula minn BĊN ieħor, il-BĊN li jirċievi t-talbiet għandu jikkuntattja lill-BĊN li ttrażmetta d-data lill-BĊE u jikkooperaw fl-investigazzjoni tal-korrettezza tal-informazzjoni u fit-tħejjija tar-risposta għat-talba tad-debitur.”;

(5)

it-test stabbilit fl-Anness I għal din il-Linja Gwida huwa miżjud bħala Anness III għal-Linja Gwida (UE) 2017/2335 (BĊE/2017/38);

(6)

it-test stabbilit fl-Anness II għal din il-Linja Gwida huwa miżjud bħala Anness IV għal-Linja Gwida (UE) 2017/2335 (BĊE/2017/38).

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

1.   Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lill-BĊNi tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

2.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jikkonformaw ma' din il-Linja Gwida mill-1 ta’ April 2020.

Artikolu 3

Destinatarji

Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-21 ta’ Frar 2020.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  Ir-Regolament (UE) 2016/867 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta’ Mejju 2016 dwar il-ġbir ta’ mikrodejta dwar il-kreditu u r-riskju tal-kreditu (BĊE/2016/13) (ĠU L 144, 1.6.2016, p. 44).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta’ Novembru, 1998 dwar il-ġbir ta’ tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 23).

(3)  Il-Linja Gwida (UE) 2017/2335 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-23 ta’ Novembru 2017 dwar il-proċeduri għall-ġbir ta’ mikrodejta dwar il-kreditu u r-riskju tal-kreditu (BĊE/2017/38) (ĠU L 333, 15.12.2017, p. 66).


ANNESS I

“ANNESS III

Attributi tad-data għall-finijiet ta’ ċirkwiti ta’ feedback

Attributi tad-data inklużi fis-settijiet ta’ data trażmessi mill-BĊE skont l-Artikolu 16d u arranġamenti għall-kondiviżjoni tad-data sabiex jiġu pprovduti ċirkwiti ta’ feedback lill-aġenti li jirrapportaw

Attributi tad-data

Settijiet tad-data (ċirkwit ta’ feedback minimu jew tal-BĊE (1))

BĊNi parteċipi (2) li ma jagħtux kunsens għall-kondiviżjoni tad-data skont l-Artikolu 16c(1)

Data ta’ referenza  (*1)

Pajjiż tal-BĊN

Sett ta’ data minimu

Mhux applikabbli

Pajjiż tal-kreditur

Sett ta’ data taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE

ES ma tagħtix kunsens għall-kondiviżjoni

Debitur: Isem

Sett ta’ data minimu

Mhux applikabbli

Debitur: Identifikatur ta’ Entità Ġuridika (LEI)

Sett ta’ data minimu

Mhux applikabbli

Debitur: pajjiż

Sett ta’ data minimu

Mhux applikabbli

Identifikatur tal-uffiċċju prinċipali tal-impriża

Sett ta’ data taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE

 

Identifikatur tal-entità omm aħħarija

Sett ta’ data taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE

IT ma tagħtix kunsens għall-kondiviżjoni

Forma legali

Sett ta’ data taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE

 

Settur istituzzjonali

Sett ta’ data taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE

 

Status tal-proċediment legali u d-data tal-bidu tal-proċedimenti legali

Sett ta’ data taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE

SK u ES ma jagħtux kunsens għall-kondiviżjoni taż-żewġ attributi

AT ma tagħtix kunsens għall-kondiviżjoni taż-żewġ attributi meta jirreferu għal “miżuri legali oħrajn”

Data dwar l-istrument

Identifikatur ta’ aġent osservat

(attribut operazzjonali)

Sett ta’ data taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE

 

Identifikatur tal-kuntratt

(attribut operazzjonali)

Sett ta’ data taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE

 

Identifikatur tal-istrument

(attribut operazzjonali)

Sett ta’ data taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE

 

Tip ta’ strument

Sett ta’ data minimu

Mhux applikabbli

Munita

Sett ta’ data taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE

AT ma tagħtix kunsens għall-kondiviżjoni

data tal-bidu

Sett ta’ data taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE

AT u ES ma jagħtux kunsens għall-kondiviżjoni

Strument fiduċjarju

(attribut operazzjonali)

Sett ta’ data taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE

AT ma tagħtix kunsens għall-kondiviżjoni ta’ kwalunkwe data relatata mal-istrumenti li għalihom il-valur ta’ dan l-attribut huwa “Strument Fiduċjarju”, jiġifieri fil-każ ta’ strumenti mqiegħda f’kapaċità ta' fiduċjarju li huma rrapportati minn aġent (osservat) li jirrapporta li m’huwiex il-kreditur tal-istrument.

data tal-maturità finali legali

Sett ta’ data taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE

AT u ES ma jagħtux kunsens għall-kondiviżjoni

L-ammont tal-impenn fil-bidu

Sett ta’ data taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE

 

Għan

Sett ta’ data taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE

AT ma tagħtix kunsens għall-kondiviżjoni

Rikors

(attribut operazzjonali)

Sett ta’ data taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE

AT ma tagħtix kunsens għall-kondiviżjoni ta’ kwalunkwe data relatata ma’ strumenti tat-tip ‘Riċevibbli tan-negozju’ meta l-valur ta dan l-attribut huwa ‘Ebda rikors’.

PT ma jagħtix kunsens għall-kondiviżjoni ta kwalunkwe data relatata ma’ strumenti ta’ fatturament meta l-attribut huwa “Ebda rikors” u l-attribut “Arretrati” huwa 0 jew jeżisti iżda ilu skadut għal inqas minn 90 jum.

Data finanzjarja

Identifikatur ta’ aġent osservat

(attribut operazzjonali)

Sett ta’ data taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE

 

Identifikatur tal-kuntratt

(attribut operazzjonali)

Sett ta’ data taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE

 

Identifikatur tal-istrument

(attribut operazzjonali)

Sett ta’ data taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE

 

Ammont nominali dovut

Settijiet ta’ data minimi

Mhux applikabbli

Ammont li mhux fuq il-karta tal-bilanċ

Settijiet ta’ data minimi

Mhux applikabbli

Arretrati għall-istrument

Sett ta’ data taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE

ES ma tagħtix kunsens għall-kondiviżjoni ta’ dan l-attribut jekk ikun relatat ma’ strumenti li ilhom inqas minn 90 jum skaduti

AT ma tagħtix kunsens għall-kondiviżjoni ta’ dan l-attribut jekk ikun iffiltrat skont id-data ta’ skadenza

data ta’ skadenza għall-istrument

Sett ta’ data taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE

AT u ES ma jagħtux kunsens għall-kondiviżjoni.

ES tittratta dan l-attribut bħala attribut operazzjonali sabiex jintgħażlu strumenti li ilhom inqas minn 90 jum skaduti.

Ammont ittrasferit

(attribut operazzjonali)

Sett ta’ data taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE

 

Imgħax akkumulat

Sett ta’ data taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE

 

Data dwar l-istrument u l-kontroparti

Identifikatur ta’ aġent osservat

(attribut operazzjonali)

Sett ta’ data taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE

 

Identifikatur tal-kuntratt

(attribut operazzjonali)

Sett ta’ data taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE

 

Identifikatur tal-istrument

(attribut operazzjonali)

Sett ta’ data taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE

 

Identifikatur tal-kontroparti: kreditur, servizzjant, oriġinatur

(attribut operazzjonali)

Sett ta’ data taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE

 

Identifikatur tal-kontroparti: debitur

Sett ta’ data minimu

Mhux applikabbli

Rwol tal-kontroparti (attribut operazzjonali)

Sett ta’ data taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE

 

Data dwar l-obbligazzjonijiet in solidum

Identifikatur ta’ aġent osservat

(attribut operazzjonali)

Sett ta’ data taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE

 

Identifikatur tal-kuntratt

(attribut operazzjonali)

Sett ta’ data taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE

 

Identifikatur tal-istrument

(attribut operazzjonali)

Sett ta’ data taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE

 

Identifikatur tal-kontroparti (3)

Sett ta’ data minimu

Mhux applikabbli

Ammont tal-obbligazzjoni in solidum

Sett ta’ data minimu

Mhux applikabbli

Data dwar il-kontabilità

Identifikatur ta’ aġent osservat

(Attribut operazzjonali)

Sett ta’ data taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE

 

Identifikatur tal-kuntratt

(Attribut operazzjonali)

Sett ta’ data taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE

 

Identifikatur tal-istrument

(Attribut operazzjonali)

Sett ta’ data taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE

 

Tħassir akkumulat

Sett ta’ data taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE

AT ma tagħtix kunsens għall-kondiviżjoni

Data dwar il-protezzjoni riċevuta

Identifikatur ta’ aġent osservat

(Attribut operazzjonali)

Sett ta’ data taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE

 

Identifikatur tal-protezzjoni

(Attribut operazzjonali)

Sett ta’ data taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE

 

Identifikatur tal-fornitur tal-protezzjoni

(Attribut operazzjonali)

Sett ta’ data taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE

 

Tip ta' protezzjoni

Sett ta’ data taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE

AT ma tagħtix kunsens għall-kondiviżjoni

Data dwar l-istrument-protezzjoni riċevuta  (4)

Identifikatur ta’ aġent osservat

(attribut operazzjonali)

Sett ta’ data taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE

 

Identifikatur tal-kuntratt

(attribut operazzjonali)

Sett ta’ data taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE

 

Identifikatur tal-istrument

(attribut operazzjonali)

Sett ta’ data taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE

 

Identifikatur tal-protezzjoni

(attribut operazzjonali)

Sett ta’ data taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE

 


(*1)  Il-BĊNi jisiltu dawn l-attributi mir-RIAD, jekk ikunu mmarkati “F”, li tfisser “free” (miftuħa), jiġifieri mhumiex kunfidenzjali u jistgħu jiġu ppubblikati jew “R” li tfisser li, minbarra l-użi permessi taħt l-Artikolu 10(2)b, valur tal-attribut jista’ jiġi kondiviż mal-aġent li jirrapporta li pprovda dik l-informazzjoni, u, soġġett għal kwalunkwe restrizzjoni ta’ kunfidenzjalità applikabbli, ma’ aġenti li jirrapportaw oħrajn, jiġifieri rilaxx ristrett biss, f’konformità mal-Linja Gwida (UE) 2018/876 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-1 ta’ Ġunju 2018 dwar id-data base tar-Reġistru tal-Istituzzjonijiet u l-Affiljati (BĊE/2018/16) (ĠU L 154, 18.6.2018, p. 3).

(1)  Ara d-definizzjonijiet fl-Artikolu 2.

(2)  Il-BĊNi parteċipi huma indikati bil-kodiċi ISO tal-pajjiżi tal-Istat Membru tagħhom.

(3)  Fil-livell nazzjonali, fit-trażmissjoni regolari, il-BĊN riċeventi jikkondividi ma’ aġenti li jirrapportaw residenti l-kodebituri biss (identifikatur u ammont tal-obbligazzjoni in solidum) li għandhom self mal-aġenti li jirrapportaw residenti.

(4)  Il-BĊNi jistgħu jużaw dawn l-attributi sabiex jimmarkaw fiċ-ċirkwiti ta’ feedback l-istrumenti relatati ma’ entrati protetti.”


ANNESS II

“ANNESS IV

Parteċipazzjoni fil-qafas taċ-ċirkwiti ta’ feedback tal-AnaCredit

Il-BĊNi li ġejjin huma kkunsidrati bħala BĊNi parteċipi għall-finijiet ta’ din il-Linja Gwida, mid-data tal-bidu tal-parteċipazzjoni indikata.

Wara l-1 ta’ April 2020 u qabel id-data tal-bidu relevanti tal-parteċipazzjoni, il-BĊNi ser jirċievu s-sett ta’ data taċ-ċirkwit ta’ feedback tal-BĊE għall-finijiet ta’ ttestjar skont l-Artikolu 16d(1).

BĊNi

Data tal-bidu tal-parteċipazzjoni

Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique

1 ta’ Lulju 2021

Banco de España

1 ta’ Lulju 2021

Banca d'Italia

1 ta’ Lulju 2021

Oesterreichische Nationalbank

1 ta’ Lulju 2021

Banco de Portugal

1 ta’ Lulju 2021

Národná banka Slovenska

1 ta’ Lulju 2021


Fuq