EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32020D0628

Deċiżjoni (UE) 2020/628 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta’ Mejju 2020 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2008/17 li tistabbilixxi l-qafas għall-akkwist konġunt tal-Eurosistema (BĊE/2020/27)

ĠU L 146, 8.5.2020, p. 11–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument Fis-seħħ

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/628/oj

8.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 146/11


DEĊIŻJONI (UE) 2020/628 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-4 ta’ Mejju 2020

li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2008/17 li tistabbilixxi l-qafas għall-akkwist konġunt tal-Eurosistema (BĊE/2020/27)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 127 u 128 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 12.1 flimkien mal-Artikolu 3.1 u l-Artikoli 5, 16 u 24 tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-26 ta’ April 2019, abbażi tal-esperjenza pożittiva fl-akkwist konġunt ta’ oġġetti u servizzi, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li l-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Akkwisti tal-Eurosistema (EPCO) għandu jitqies bħala permanenti, filwaqt li l-bank ċentrali ospitanti se jibqa’ jinħatar f’intervalli ta’ ħames snin. Il-Banque centrale du Lussemburgu huwa l-bank ċentrali ospitanti attwali, mill-1 ta’ Jannar 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2024.

(2)

Ir-regoli li jirregolaw l-istabbiliment tal-mandati tal-kumitati tal-Eurosistema, il-ħatra tal-presidenti tagħhom u l-għoti lilhom ta’ assistenza segretarjali huma stabbiliti fl-Artikolu 9.5 tad-Deċiżjoni BĊE/2004/2 (1) u speċifikat ulterjorment fir-rigward ta’ kumitati individwali tal-Eurosistema permezz ta’ deċiżjonijiet speċifiċi tal-Kunsill Governattiv. Dan il-qafas legali japplika għall-Kumitat tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali li lilu tiġi allokata r-responsabbiltà biex jiggwida l-akkwisti konġunti tal-Eurosistema.

(3)

Huwa importanti li jkun possibbli li jittieħed vantaġġ mill-opportunitajiet għall-akkwisti konġunti li jistgħu jirriżultaw f’oqsma speċifiċi ddefiniti u fil-limiti speċifikati matul is-sena ta’ wara l-approvazzjoni tal-pjan annwali tal-akkwisti mill-Kunsill Governattiv.

(4)

Skont l-Artikolu 7 tal-Linja Gwida (UE) 2015/280 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/44) (2), il-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) li jużaw stamperija interna biex jipproduċu karti tal-flus tal-euro jridu jikkunsidraw li jistabbilixxu forom xierqa ta’ kooperazzjoni, inkluż xiri konġunt, sabiex tittejjeb il-kosteffiċjenza. Fil-21 ta’ Novembru 2017 il-Kunsill Governattiv ippreveda l-possibbiltà għal dawn il-BĊNi li jużaw stamperija interna biex jipparteċipaw direttament fl-akkwisti konġunti permezz tal-EPCO bħala mod biex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni tagħhom biex iwettqu l-kompitu pubbliku tagħhom tal-produzzjoni ta’ karti tal-flus bl-aħjar mod possibbli. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet indaqs bi stamperiji interni li huma integrati bis-sħiħ fil-banek ċentrali, għandu jkun possibbli għal stamperija interna li tkun persuna ġuridika separata iżda li għandha konnessjoni mill-qrib ma’ bank ċentrali biex jipparteċipa fl-akkwisti konġunti direttament permezz tal-EPCO.

(5)

Għalhekk, id-Deċiżjoni BĊE/2008/17 (3) għandu jiġi emendat f’dan is-sens,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi għad-Deċiżjoni BĊE/2008/17

Id-Deċiżjoni BĊE/2008/17 hija emendata kif ġej:

1.

Il-punt (f) tal-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(f)

“Kumitat għat-Tmexxija tal-EPCO” tfisser il-kumitat tat-tmexxija mwaqqaf mill-Kunsill Governattiv biex imexxi l-attivitajiet tal-EPCO. Il-Kumitat għat-Tmexxija tal-EPCO huwa magħmul minn membru wieħed minn kull bank ċentrali, li jiġi magħżul minn fost il-membri tal-persunal f’livell għoli b’għerf u esperjenza fi kwistjonijiet organizzattivi u strateġiċi fl-istituzzjonijiet rispettivi tagħhom u esperti fl-akkwisti. Il-Kumitat għat-Tmexxija tal-EPCO għandu jirrapporta permezz tal-Bord Eżekuttiv lill-Kunsill Governattiv.”

2.

L-Artikolu 3 huwa emendat skont kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, qed jiżdied il-punt (f) li ġej:

‘(f)

jappoġġa lill-bank ċentrali f’attivitajiet ta’ ġestjoni ta’ kuntratt.’;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

‘1a.   L-EPCO għandu jkun ospitat minn bank ċentrali. Il-Kunsill Governattiv għandu jaħtar il-bank ċentrali ospitanti kull ħames snin.’;

(c)

il-paragrafu 7 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“7.   Il-Kumitat għat-Tmexxija tal-EPCO għandu jwettaq valutazzjoni tal-effettività u l-effiċjenza tal-attivitajiet tal-EPCO fi żmien propizju qabel it-tmiem ta’ kull perijodu ta’ ħames snin imsemmi fil-paragrafu 1a. Fuq il-bażi ta’ din l-evalwazzjoni, u meta jitqies l-interess tal-bank ċentrali l-oħra li jospitaw l-EPCO, il-Kunsill Governattiv għandu jiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ li jorganizza proċedura ta’ selezzjoni biex jagħżel bank ċentrali ospitanti ġdid.”;

3.

fl-Artikolu 4, il-paragrafu 3 huwa ssostitwit b’li ġej:

“3.   Kull sena l-EPCO għandu jissottometti pjan ta’ akkwisti aġġornat għal proċeduri konġunti ta’ sejħiet għall-offerti, inklużi l-ismijiet tal-banek ċentrali ewlenin, lill-Kunsill Governattiv għal approvazzjoni. Il-pjan ta’ akkwisti aġġornat sottomess mill-EPCO jista’ jinkludi indikazzjoni ta’ oqsma li fihom, fil-limiti speċifikati, opportunitajiet addizzjonali għal akkwist konġunt jistgħu jiġu segwiti qabel l-aġġornament li jmiss. Il-Kunsill Governattiv għandu jiddeċiedi fuq il-pjan ta’ akkwisti u l-implimentazzjoni tiegħu wara konsultazzjoni mal-Kumitat għat-Tmexxija tal-EPCO.”;

4.

L-Artikolu 5 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 5

Parteċipazzjoni ta’ istituzzjonijiet oħrajn

1.   Il-Kunsill Governattiv jista’ jistieden lill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li għadhom ma adottawx l-euro biex jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-EPCO u fil-proċeduri konġunti ta’ sejħiet għall-offerti taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għall-banek ċentrali tal-Eurosistema. Barra minn hekk, il-Kunsill Governattiv jista’ jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri, lill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni, jew organizzazzjonijiet internazzjonali biex jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-EPCO u fi proċeduri konġunti ta’ sejħiet għall-offerti taħt il-kundizzjonijiet stipulati mill-Kunsill Governattiv fl-istedina. Kull stedina ta’ din ix-xorta għandha tkun limitata għall-akkwist konġunt ta’ oġġetti u servizzi sabiex jiġu ssodisfati ħtiġijiet li huma komuni għall-banek ċentrali u l-entitajiet mistiedna u l-kundizzjonijiet għandhom ikunu simili għal dawk li japplikaw għall-banek ċentrali tal-Ewrosistema.

2.   Stamperiji interni li, skont l-Artikolu 1, punt 2(b) tal-Linja Gwida (UE) 2015/280 (BĊE/2014/44), huma persuni ġuridiċi separati u jissodisfaw il-kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti f’dik id-dispożizzjoni jistgħu jipparteċipaw direttament fi proċeduri ta’ sejħiet għall-offerti konġunti u jiġu ttrattati għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu bħala parti mill-bank ċentrali fl-Istat Membru tagħhom. Tali parteċipazzjoni għandha tkun limitata għall-akkwist konġunt ta’ oġġetti u servizzi meħtieġa għat-twettiq minn dawk l-stamperiji interni tal-kompiti tal-Eurosistema.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, l-4 ta’ Mejju 2020.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  Id-Deċiżjoni BĊE/2004/2 tad-19 ta’ Frar 2004 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 80, 18.3.2004, p. 33).

(2)  Linja Gwida (UE) 2015/280 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-13 ta’ Novembru 2014 dwar l-istabbiliment tas-Sistema ta’ Produzzjoni u Akkwisti tal-Eurosistema (BĊE/2014/44) (ĠU L 47, 20.2.2015, p. 29).

(3)  Id-Deċiżjoni BĊE/2008/17 tas-17 ta’ Novembru 2008 li twaqqaf il-qafas għall-akkwist konġunt tal-Ewrosistema (ĠU L 319, 29.11.2008, p. 76).


Fuq