EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32018O0003

Linja Gwida (UE) 2018/570 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-7 ta' Frar 2018 li temenda l-Linja Gwida (UE) 2015/510 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2018/3)

ĠU L 95, 13.4.2018, p. 23–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument Fis-seħħ

ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2018/570/oj

13.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 95/23


LINJA GWIDA (UE) 2018/570 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-7 ta' Frar 2018

li temenda l-Linja Gwida (UE) 2015/510 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2018/3)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Centrali u tal-Bank Centrali Ewropew, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1, u l-Artikoli 9.2, 12.1, 14.3, 18.2, u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 20 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-kisba ta' politika monetarja waħdanija tinvolvi d-definizzjoni tal-għodod, l-istrumenti u l-proċeduri li jridu jintużaw mill-Eurosistema sabiex timplimenta politika bħal din b'mod uniformi fl-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hija l-euro.

(2)

Fir-rigward tal-operazzjonijiet ta' politika monetarja, il-Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/60) (1) għandha tiġi emendata biex tinkorpora ċerti raffinamenti tekniċi u editorjali neċessarji relatati mal-aspetti operattivi.

(3)

Jeħtieġ li jsiru xi rfinar tekniku u editorjali relatati mal-kontroparti. Barra minn hekk, il-Kunsill Governattiv jikkunsidra illi huwa neċessarju li tiġi introdotta limitazzjoni awtomatika tal-aċċess tal-kontroparti għal operazzjonijiet ta' politika monetarja wara li awtorità kompetenti tiddetermina ili huma “qed ifallu jew probabbli li jfallu”.

(4)

L-Eurosistema żviluppat qafas waħdieni għal assi eliġibbli bħala kollateral sabiex l-operazzjonijiet ta' kreditu kollha tal-Eurosistema jitwettqu b'mod armonizzat permezz tal-implimentazzjoni tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60) fl-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hija l-euro. Il- Kunsill Governattiv jikkunsidra illi huwa neċessarju li jiġu introdotti xi bidliet fil-qafas tal-kollateral tal-Eurosistema inkluż l-esklużjoni ta' fondi ta' investiment bħala emittent jew garanti minħabba riskji speċifiċi li jirriżultaw mill-instabbiltà tal-arranġamenti ta' finanzjament tal-fond ta' investiment, u t-tibdil tar-regoli dwar l-eċċezzjonijiet tal-projbizzjoni tal-użu proprju ta' assi eliġibbli, dwar l-użu ta' strumenti ta' dejn mhux iggarantiti maħruġin minn kontroparti jew minn entità li tkun marbuta mill-qrib magħha, dwar l-użu ta' strumenti ta' dejn mhux iggarantiti maħruġin minn istituzzjoni ta' kreditu jew minn entità li tkun marbuta mill-qrib magħha u dwar ir-rekwiżiti ta' trasparenza fil-klassifikazzjoni ta' bonds koperti.

(5)

Titoli ggarantiti minn ipoteki kummerċjali (CMBSs) għandhom ikunu ineliġibbli bħala kollateral taħt il-qafas tal-kollateral tal-Eurosistema peress illi r-riskji u l-kumplessità tas-CMBSs huma sostanzjalment differenti, kemm f'termini ta' assi sottostanti kif ukoll ta' karatteristiċi strutturali, minn titoli oħra ggarantiti minn assi (ABS) li huma aċċettati mill-Eurosistema bħala kollateral.

(6)

L-Eurosistema teħtieġ li jkollha dejta f'livell ta' self komprensiva u standardizzata fuq il-pul ta' fluss ta' kontanti li jiġġeneraw l-assi li jiggarantixxu l-ABS. Id-dejta f'livell ta' self għandha tiġi sottomessa mill-partijiet rilevanti lil repożitorju tad-dejta f'livell ta' self indikat mill-Eurosistema. Ir-rekwiżiti tal-Eurosistema għall-indikazzjoni ta' repożitorji ta' dejta f'livell ta' self, kif ukoll il-proċess ta' indikazzjoni attwali, għandhom jiġu ċċarati iktar fl-interess tat-trasparenza.

(7)

Assi eliġibbli huma meħtieġa biex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' kwalità ta' kreditu tal-Eurosistema speċifikati fil-qafas tal-valutazzjoni tal-kreditu tal-Eurosistema (ECAF), li jippreskrivi l-proċeduri, ir-regoli u t-tekniki sabiex jiġi żgurat li jinżamm ir-rekwiżit tal-Eurosistema għal standards ta' kreditu għoljin għall-assi eliġibbli. Jeħtieġ li jsiru xi rfinar tekniku u editorjali relatati mal-ECAF li huwa neċessarju.

(8)

Ir-regoli dwar il-penalitajiet li għandhom jiġu applikati mill-Eurosistema f'każ ta' ksur ta' obligazzjonijiet tal-kontropartijiet iridu jiġu ċċarati.

(9)

Il-kontropartijiet tal-Eurosistema jagħmlu użu minn sistemi ta' saldu ta' titoli (SSSs) u minn rabtiet bejn SSSs imħaddmin minn depożitarji ċentrali tat-titoli (CSDs) sabiex jimmobilizzaw kollateral adegwat għal operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema.

(10)

Taħt l-Artikolu 18.2 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal- Banek Centrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għandu jistabbilixxi prinċipji ġenerali għal suq miftuħ u operazzjonijiet ta' kreditu mwettqa mil-BĊE jew mill-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi), inkluż għat-tħabbir tal-kundizzjonijiet li taħthom huma jinsabu lesti li jidħlu fi tranżazzjonijiet bħal dawn.

(11)

L-Eurosistema żviluppat qafas wieħed għal assi negozjabbli u mhux negozjabbli eliġibbli bħala kollateral, li jistgħu jiġu mobilizzati fuq bażi domestika jew transkonfinali. Għall-mobilizzazzjoni ta' assi negozjabbli fi ħdan l-Eurosistema, SSSs u rabtiet bejn SSSs jistgħu jintużaw biss jekk huma vvalutati bħala eliġibbli mill-Eurosistema.

(12)

Mill-1998, l-Eurosistema applikat standards tal-utent għall-valutazzjoni ta' SSSs u rabtiet bejn SSSs biex tiddetermina l-eliġibilità tagħhom għall-użu f'operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema.

(13)

Bl-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal- Kunsill (2) u standards tekniċi relatati li jikkonsistu fi standards tekniċi regolatorji u standards tekniċi implimentattivi, u minħabba s-sovrapożizzjoni sostanzjali bejn ir-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 u l-istandards tal-utent tal-Eurosistema, l-Eurosistema ddeċidiet li tissimplifika l-proċedura għall-valutazzjoni SSSs u r-rabtiet bejn SSSs.

(14)

Ir-rekwiżiti speċifiċi għall-Eurosistema li mhumiex koperti mir-rekwiżiti stipulati fir-Regolament (UE) Nru 909/2014 fir-rigward ta' CSDs għandhom jiġu ddefiniti.

(15)

L-Eurosistema żviluppat standards għall-użu ta' aġenti tripartiti (TPAs) f'operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema. It-TPAs kollha, li joffru servizzi domestiċi jew transkonfinali, għandhom ikunu suġġetti għal proċessi ta' evalwazzjoni simili.

(16)

Huwa meħtieġ li jsiru bosta emendi sabiex jirriflettu l-bidliet deċiżi mill-Kunsill Governattiv fir-rigward tal-kriterji tal-eliġibbiltà għall-kollateral applikabbli għal bonds bankarji mhux iggarantiti għal operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema.

(17)

Huwa meħtieġ li jsiru bosta emendi tekniċi minuri fl-interess taċ-ċarezza, inkluż fir-rigward ta' titoli b'diversi emittenti, ir-regola impliċita tal-evalwazzjoni tal-kreditu u l-qafas tan-nonkonformità.

(18)

Għaldaqstant, il-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60) għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

Artikolu 1

Emendi

Il-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60) hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej,

(a)

il-punt (7) huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“7.

‘depożitarju ċentrali tat-titoli’ (CSD) tfisser depożitarju ċentrali tat-titoli kif iddefinit fil-punt (1) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1);

(*1)  Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1).”"

(b)

jigi mdaħħal il-punt (22a) li gej:

“(22a)

‘rabta diretta’ tfisser arranġament bejn żewġ SSSs imħaddmin minn CSDs fejn CSD minnhom isir parteċipant dirett fl-SSS imħaddem mis-CSD l-oħra billi jiftaħ kont tat-titoli, sabiex ikun jista' jsir it-trasferiment ta' titoli permezz ta' entrata fil-kotba;”;

(c)

għandhom jiddaħħlu l-punti (25a) u (25b) li ġejjin:

“(25a)

‘rabta eliġibbli’ tfisser rabta diretta jew imwassla illi l-Eurosistema tkun ivvalutat bħala konformi mal-kriterji ta' eliġibbiltà stipulati fl-Anness VIa għall-użu f'operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema u li hija ppubblikata fil-lista ta' rabtiet eliġibbli tal-Eurosistema fuq il-websajt tal-BĊE. Rabta eliġibbli mwassla hija komposta minn rabtiet diretti eliġibbli sottostanti;

(25b)

‘SSS eliġibbli’ tfisser SSS imħaddem minn CSD illi l-Eurosistema tkun ivvalutat bħala konformi mal-kriterji ta' eliġibilià stipulati fl-Anness VIa għall-użu f'operazzjonijiet ta' kreditu ta;-Eurosistema u li hija ppubblikata fil-lista ta' SSSs eliġibbli tal-Eurosistema fuq il-websajt tal-BĊE;”;

(d)

il-punt (33) huwa mħassar;

(e)

il-punt (35) huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“(35)

‘korporazzjoni finanzjarja’ tfisser korporazzjoni finanzjarja kif iddefinit f'Anness A tar-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2);

(*2)  Ir-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (ESA 2010) (ĠU L 174, 26.6.2013, p. 1).”"

(f)

il-punt (46) huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“(46)

‘kreditu limitat għal jum wieħed’ tfisser kreditu limitat għal jum wieħed kif iddefinita fil-punt (26) tal-Artikolu 2 tal-Linja Gwida BĊE/2012/27 (*3);

(*3)  Linja Gwida BĊE/2012/27 tal-5 ta' Diċembru 2012 dwar sistema Trans-European Automated Real-time Gross Settlement Express Transfer (TARGET2) (ĠU L 30, 30.1.2013, p. 1).”."

(g)

jigi mdaħħal il-punt (46b) li gej:

“(46b)

‘fond ta' investiment’ tfisser fondi tas-swieq tal-flus (MMFs) jew fondi li mhumiex tas-swieq tal-flus (Non-MMFs) kif iddefinit fl-Anness A tar-Regolament (UE) Nru 549/2013;”;

(h)

jigi mdaħħal il-punt (76a) li gej:

“(76a)

‘rabta mwassla’ tfisser rabta stabbilita bejn SSSs imħaddmin minn żewġ CSDs differenti li jiskambjaw tranżazzjonijiet jew trasferimenti f'titoli permezz tat-tielet SSS imħaddma minn CSD li taġixxi bħala intermedjarju jew, f'każ ta' SSSs imħaddmin minn CSDs li jipparteċipaw fit-TARGET2-Securities, permezz ta' bosta SSSs imħaddmin minn CDS li jaġixxu bħala intermedjarji.”;

(i)

il-punt (82) huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“(82)

‘sistema ta' saldu ta' titoli’ (SSS) tfisser sistema ta' saldu ta' titoli kif iddefinita fil'punt (10) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, illi tippermetti t-trasferiment ta' titoli, jew mingħajr ħlas (FOP), jew bi ħlas (kunsenja kontra ħlas (DVP));”;

(j)

il-punt (95) huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“(95)

‘aġent tripartit’ (TPA) tfisser CSD li jħaddem SSS eliġibbli li jkun daħal f'kuntratt ma' BĊN li permezz tiegħu dak is-CSD jkollu jipprovdi ċerti servizzi ta' ġestjoni tal-kollateral bħala aġent ta' dak il-BĊN;”;

(2)

fl-Artikolu 4, it-Tabella 1 hija mibdula b'li ġej:

Tabella 1

Ħarsa ġenerali lejn il-karatteristiċi tal-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema

Kategoriji ta' operazzjonijiet tal-politika monetarja

Tipi ta' strumenti

Maturità

Frekwenza

Proċedura

Għoti ta' likwidità

Assorbiment tal-likwidità

Operazzjonijiet ta' suq miftuħ

Operazzjonijiet ta' rifinanzjament ewlieni

Transazzjonijiet b'lura

Ġimgħa

Kull ġimgħa

Proċeduri ta' sejħiet għall-offerti standard

Operazzjonijiet ta' rifinanzjament fuq żmien itwal

Transazzjonijiet b'lura

Tliet xhur (*4)

Kull xahar (*4)

Proċeduri standard ta' sejħiet għall-offerti

Operazzjonijiet ta' rfinar

Transazzjonijiet b'lura

Transazzjonijiet b'lura

Mhux standardizzat

Mhux standardizzat

Proċeduri ta' sejħiet għall-offerti

Proċeduri bilaterali (*5)

Swaps tal-kambju barrani

Swaps tal-kambju barrani

Ġbir ta' depożiti b'terminu fiss

Operazzjonijiet strutturali

Transazzjonijiet b'lura

Transazzjonijiet b'lura

Mhux standardizzat

Mhux standardizzat

Proċeduri standard ta' sejħiet għall-offerti (*6)

Ħruġ ta' ċertifikati ta' dejn tal-BĊE

Inqas minn 12-il xahar

Xiri assolut

Bejgħ assolut

Proċeduri bilaterali Proċeduri ta' sejħiet għall-offerti (*7)

Faċilitajiet permanenti

Faċilità ta' self marġinali

Transazzjonijiet b'lura

Overnight

Aċċess fid-diskrezzjoni tal-kontropartijiet

Faċilità ta' depożitu

Depożiti

Overnight

Aċċess fid-diskrezzjoni tal-kontropartijiet

(3)

fl-Artikolu 6(2), il-punt (f) huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“(f)

huma soġġetti għall-kriterji ta' eliġibbiltà stipulati fil-Parti Tlieta, li għandhom jiġu sodisfatti mill-kontropartijiet kollha li jippreżentaw offerti għal dawk l-operazzjonijiet;”;

(4)

fl-Artikolu 7(2), il-punt (f) huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“(f)

huma soġġetti għall-kriterji ta' eliġibbiltà stipulati fil-Parti Tlieta, li għandhom jiġu sodisfatti mill-kontropartijiet kollha li jippreżentaw offerti għal dawk l-operazzjonijiet;”;

(5)

fl-Artikolu 8(2), il-punt (e) huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“(e)

huma suġġetti għall-kriterji ta' eliġibbiltà għal kontropartijiet kif speċifikat fil-Parti Tlieta, skont:

(i)

it-tip speċifiku ta' strument għat-twettiq ta' operazzjonijiet ta' rfinar; u

(ii)

il-proċedura applikabbli għal dak it-tip ta' strument speċifiku;”;

(6)

fl-Artikolu 9(2), il-punt (e) huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“(e)

huma soġġetti għall-kriterji ta' eliġibbiltà għal kontropartijiet kif stipulat fil-Parti Tlieta, skont: (i) it-tip speċifiku ta' strument għat-twettiq ta' operazzjonijiet strutturali; u (ii) il-proċedura applikabbli għal dak it-tip ta' strument speċifiku;”;

(7)

Fl-Artikolu 10, il-paragrafu 4 huwa ssostitwit b'li ġej:

“4.   Fir-rigward tal-karatteristiċi operattivi tagħhom, it-tranżazzjonijiet b'lura għal skopijiet ta' politika monetarja:

(a)

jistgħu jitwettqu jew bħala operazzjonijiet li jipprovdu l-likwidità jew jassorbu l-likwidità;

(b)

għandhom frekwenza u maturità li jiddependu fuq il-kategorija ta' operazzjoni ta' suq miftuħ li għaliha jintużaw.

(c)

li jaqgħu fil-kategorija ta' operazzjonijiet ta' suq miftuħ huma eżegwiti permezz ta' proċeduri standard ta' sejħiet għall-offerti, bl-eċċezzjoni ta' operazzjonijiet ta' rfinar, fejn jiġu eżegwiti permezz ta' proċeduri ta' sejħa għall-offerti jew bilaterali;

(d)

li jaqgħu fil-kategorija ta' faċilità ta' self marġinali jiġu eżegwiti kif deskritt fl-Artikolu 18;

(e)

huma eżegwiti b'mod deċentralizzat mill-BĊNi, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 45(3).”;

(8)

fl-Artikolu 11, il-paragrafu 6 huwa ssostitwit b'li ġej:

“6.   Il-kontropartijiet li jipparteċipaw fi swaps tal-kambju barrani għal skopijiet ta' politika monetarja għandhom ikunu suġġetti għall-kriterji ta' eliġibbiltà stipulati fil-Parti Tlieta, skont il-proċedura applikabbli għall-operazzjoni relevanti.”;

(9)

fl-Artikolu 12, il-paragrafu 7 huwa ssostitwit b'li ġej:

“7.   Il-kontropartijiet li jipparteċipaw fil-ġbir ta' depożiti għal terminu fiss għandhom ikunu suġġetti għall-kriterji ta' eliġibbiltà speċifikati fil-Parti Tlieta, skont il-proċedura applikabbli għall-operazzjoni relevanti.”;

(10)

fl-Artikolu 13, il-paragrafu 6 huwa ssostitwit b'li ġej:

“6.   Il-kontropartijiet li jipparteċipaw fil-proċedura standard ta' sejħa għall-offerti għall-ħruġ ta' ċertifikati ta' dejn mill-BĊE għandhom ikunu suġġetti għall-kriterji ta' eliġibbiltà stipulati fil-Parti Tlieta ta' din il-Linja Gwida.”;

(11)

fl-Artikolu 14, il-paragrafu 4 huwa ssostitwit b'li ġej:

“4.   Kontropartijiet li jipparteċipaw fi tranżazzjonijiet definittivi għandhom ikunu suġġetti għall-kriterji ta' eliġibbiltà stipulati fil-Parti Tlieta.”;

(12)

fl-Artikolu 25(2), it-Tabelli 5 u 6 huma ssostitwiti b'dan li ġej:

Tabella 5

Skeda ta' żmien indikattiva għall-passi operattivi fi proċeduri standard ta' sejħiet għall-offerti (il-ħinijiet huma indikati skont il-Ħin Ċentrali Ewropew (1))

Image Test ta 'immaġni

(1)

Il-Ħin Ċentrali Ewropew (Central European Time — CET) iqis il-bidla għall-Ħin tas-Sajf tal-Ewropa Ċentrali (Central European Summer Time).

Tabella 6

Skeda ta' żmien indikattiva għall-passi operattivi fi proċeduri mgħaġġla ta' sejħiet għal offerti (il-ħinijiet huma indikati skont is-CET (1))

Image Test ta 'immaġni

(1)

Il-Ħin Ċentrali Ewropew (Central European Time — CET) iqis il-bidla għall-Ħin tas-Sajf tal-Ewropa Ċentrali (Central European Summer Time).”;

(13)

L-Artikolu 55 huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 55

Kriterji ta' eliġibbiltà għal parteċipazzjoni fl-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal- Eurosistema

Fir-rigward tal-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal- Eurosistema, suġġetti għall-Artikolu 57, l-Eurosistema għandha tippermetti biss parteċipazzjoni minn istituzzjonijiet li jissodisfaw il-kriterji li ġejjin:

(a)

għandhom ikunu suġġetti għas-sistema ta' riżervi minimi tal-Eurosistema skont l-Artikolu 19.1 tal-Istatut tas-SEBĊ u ma għandhomx ikunu ngħataw eżenzjoni mill-obbligi tagħhom taħt is-sistema ta' riżervi minimi tal-Eurosistema skont ir-Regolament (KE) Nru 2531/98 u r-Regolament (KE) Nru 1745/2003 (BĊE/2003/9):

(b)

għandhom ikunu jappartjenu għal waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

suġġetti għal ta' mill-inqas forma waħda ta' superviżjoni armonizzata tal-Unjoni/ŻEE mill-awtoritajiet kompetenti skont id-Direttiva 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(ii)

istituzzjonijiet ta' kreditu li huma proprjetà pubblika, skont it-tifsira tal-Artikolu 123(2) tat-Trattat, suġġetti għal superviżjoni ta' standard kumparabbli għal superviżjoni mill-awtoritajiet kompetenti taħt id-Direttiva 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(iii)

istituzzjonijiet suġġetti għal superviżjoni mhux armonizzata minn awtoritajiet kompetenti ta' standard kumparabbli għal superviżjoni armonizzata tal-Unjoni/ŻEE minn awtoritajiet kompetenti taħt id-Direttiva 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 575/2013, eż. fergħat stabbiliti fi Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro ta' istituzzjonijiet inkorporati barra miż-ŻEE. Għall-finijiet ta' valutazzjoni tal-eliġibbiltà ta' istituzzjoni biex tipparteċipa f'operazzjonijiet ta' politika monetarja tal-Eurosistema, bħala regola, is-superviżjoni mhux armonizzata għandha titqies bħala ta' standard kumparabbli mas-superviżjoni armonizzata tal-Unjoni/ŻEE minn awtoritajiet kompetenti taħt id-Direttiva 2013/36/UE u r-Regolament (UE) NRU 575/2013, jekk l-istandards relevanti tal-Basel III adottati mill-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja jitqiesu li ġew implimentati fir-reġim superviżorju ta' ġurisdizzjoni partikolari;

(c)

għandhom ikunu finanzjarjament sodi fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 55a;

(d)

għandhom jissodisfaw kwalunkwe rekwiżiti operazzjonali speċifikati fl-arranġamenti kuntrattwali jew regolatorji applikati mill-BĊN domestiku jew mill-BĊE fir-rigward tal-istrument jew operazzjoni speċifiċi.”;

(14)

fl-Artikolu 61, il-paragrafu 1 huwa ssostitwit b'li ġej:

“1.   Il-BĊE għandu jippubblika lista aġġornata ta' assi negozjabbli eliġibbli fuq is-sit elettroniku tiegħu, skont il-metodoloġiji indikati fis-sit elettroniku tiegħu, u għandu jaġġornah kull jum li fih it-TARGET2 huwa operattiv. Assi negozjabbli inklużi fil-lista ta' assi negozjabbli eliġibbli jsiru eliġibbli għall-użu fl-operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema meta jiġu ppubblikati fil-lista. Bħala eċċezzjoni għal din ir-regola, fil-każ speċifiku ta' strument ta' dejn għal żmien qasir bil-valur ta' saldu tal-istess jum, l-Eurosistema tista' tagħti l-eliġibbiltà sa mid-data ta' ħruġ. Assi vvalutati skont l-Artikolu 87(3) m'għandhomx jiġu ppubblikati f'din il-lista ta' assi negozjabbli eliġibbli.”;

(15)

L-Artikolu 66 huwa emendat kif ġej,

(a)

il-paragrafu 1 huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“1.   Bla ħsara għal paragrafu 2, sabiex ikunu eliġibbli, strumenti ta' dejn għandhom jinħarġu fiż-ŻEE ma' bank ċentrali jew ma' SSS eliġibbli.”;

(b)

il-paragrafu 3 huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“3.   Strumenti ta' dejn internazzjonali maħruġa permezz tal-ICSDs għandhom jikkonformaw mal-kriterji li ġejjin, kif applikabbli.

(a)

Strumenti ta' dejn internazzjonali maħruġa f'forma bearer globali għandhom jinħarġu fil-forma ta' noti globali ġodda (NGNs) u għandhom jiġu ddepożitati ma' konsenjatarju komuni li huwa ICSD jew CSD li jopera bħala SSS eliġibbli.. Dan ir-rekwiżit m'għandux japplika għal strumenti ta' dejn internazzjonali maħruġa f'forma bearer globali maħruġa f'forma ta' noti globali klassiċi qabel l-1 ta' Jannar 2007 u ħruġ funġibbli tap ta' dawn in-noti maħruġa skont l-istess ISIN irrispettivament mid-data tal-ħruġ tap.

(b)

Strumenti ta' dejn internazzjonali maħruġa f'forma reġistrata globali għandhom jinħarġu taħt l-istruttura ġdida ta' konsenjatarju għal strumenti ta' dejn internazzjonali. Bħala deroga, dan m'għandux japplika għal istrumenti ta' dejn internazzjonali maħruġa f'forma reġistrata globali qabel l-1 ta' Ottubru 2010.

(c)

Strumenti ta' dejn internazzjonali f'forma ta' nota individwali m'għandhomx ikunu eliġibbli sakemm ma nħarġux f'forma ta' nota individwali qabel l-1 ta' Ottubru 2010.”;

(16)

L-Artikolu 67 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“1.   Sabiex ikunu eliġibbli, strumenti ta' dejn għandhom ikunu trasferibbli f'forma ta' entrata fil-kotba u għandhom jinżammu u jiġu saldati fi Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro permezz ta' kont ma' BĊN jew ma' SSS eliġibbli, sabiex il-perfezzjoni u r-realizzazzjoni tal-kollateral ikunu suġġetti għal-liġi ta' Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro.”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

“1a.   Barra minn dan, fejn l-użu ta' dawn l-istrumenti ta' dejn jinvolvi servizzi ta' ġestjoni ta' kollateral tripartit, fuq bażi domestika u/jew transkonfinali, dawk is-servizzi għandhom jingħataw minn aġent tripartit li jkun ġie ivvalutat b'mod pożittiv skont l-‘istandards tal-Eurosistema għall-użu ta' aġenti tripartiti (TPAs) f'operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema’, li huma ppubblikati fuq il-websajt tal-BĊE.”;

(c)

il-paragrafu 2 huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“2.   Jekk is-CSD fejn jinħareġ l-assi u s-CSD fejn jinżamm l-assi mhumiex identiċi, l-SSSs imħaddmin minn dawn iż-żewġ CSDs għandhom ikunu konnessi b'link eliġibbli skont l-Artikolu 150.”;

(17)

L-Artikolu 69 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“1.   Sabiex ikunu eliġibbli, strumenti ta' dejn għandhom jinħarġu jew jiġu ggarantiti minn banek ċentrali ta' Stati Membri, entitajiet tas-settur pubbliku, aġenziji, istituzzjonijiet ta' kreditu, korporazzjonijiet finanzjarji minbarra istituzzjonijiet ta' kreditu, korporazzjonijiet mhux finanzjarji, banek ta' żvilupp multilaterali jew organizzazzjonijiet internazzjonali. Għal assi negozjabbli b'aktar minn emittent wieħed, dan ir-rekwiżit għandu japplika għal kull emittent.”;

(b)

il-paragrafu 3 li ġej huwa miżjud:

“3.   Strumenti ta' dejn maħruġin jew iggarantiti minn fondi ta investiment għandhom ikunu ineliġibbli.”;

(18)

fl-Artikolu 70, il-paragrafu 1 huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“1.   Sabiex ikunu eliġibbli, l-istrumenti ta' dejn għandhom jinħarġu minn emittent stabbilit fiż-ŻEE jew f'pajjiż G10 li mhux fiż-ŻEE, suġġett għall-eċċezzjonijiet fil-paragrafi 3 sa 6 ta' dan l-Artikolu u fil-paragrafu 4 tal-Artikolu 81a. Għal assi negozjabbli b'aktar minn emittent wieħed, dan ir-rekwiżit għandu japplika għal kull emittent.”;

(19)

L-Artikolu 73(1)(b) huwa mħassar;

(20)

L-Artikolu 73(6) huwa mħassar.

(21)

L-Artikolu 81a huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 81a

Kriterji ta' eliġibbiltà għal ċerti tstrumenti ta' dejn mhux iggarantiti u maħruġin minn istituzzjonijiet ta' kreditu jew ditti tal-investiment, jew mill-entitajiet b'rabtiet mill-qrib magħhom

1.   B'deroga mill-Artikolu 64 u sakemm jissodisfaw il-kriterji ta' eliġibbiltà l-oħra kollha, l-istrumenti ta' dejn mhux iggarantiti u subordinati li ġejjin, maħruġin minn istituzzjoniiet ta' kreditu jew ditti tal-investiment, jew mill-entitajiet b'rabtiet mill-qrib magħhom kif imsemmi fl-Artikolu 141(3), għandhom ikunu eliġibbli sal-maturità, sakemm jinħarġu qabel il-31 ta' Diċembru 2018 u s-subordinazzjoni tagħhom tirriżulta la minn subordinazzjoni kuntrattwali kif iddefinita fil-paragrafu 2 u lanqas minn subordinazzjoni strutturali bis-saħħa tal-paragrafu 3:

strumenti ta' dejn maħruġin minn aġenziji rikonoxxuti kif definiti fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni (UE) 2015/774 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2015/10) (*8),

strumenti ta' dejn iggarantiti minn entità fis-settur pubbliku li jkollha d-dritt tiġbor it-taxxa bħala mezz ta' garanzija li tikkonforma mal-karatteristiċi stabbiliti fl-Artikoli 114(1) sa (4) u l-Artikolu 115.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, subordinazzjoni kuntrattwali tfisser subordinazzjoni bbażata fuq it-termini u l-kundizzjonijiet ta' strument ta' dejn mhux iggarantit, irrispettivament minn jekk din is-subordinazzjoni hijiex rikonoxxuta b'mod statutorju.

3.   Titoli ta' dejn mhux iggarantiti maħruġin minn kumpaniji emittenti, inkluż kumpaniji holding intermedjarji, suġġetti għal leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta d-Direttiva 2014/59/UE jew għal oqfsa simili għall-irkupru u r-riżoluzzjoni, għandhom ikunu ineliġibbli.

4.   Għal titoli ta' dejn mhux iggarantiti maħruġin minn istituzzjonijiet ta' kreditu jew ditti ta' investiment, jew minn entitajiet marbutin mill-qrib magħhom kif imsemmi fl-Artikolu 141(3), li mhumiex titoli ta' dejn mhux iggarantiti maħruġin minn banek multilaterali tal-iżvilupp jew organizzazzjonijiet internazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 70(4), l-emittent għandu jkun stabbilit fl-Unjoni.

5.   Titoli ta' dejn mhux iggarantiti li kienu eliġibbli qabel is-16 ta' April 2018 iżda li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti ta' eliġibbiltà stipulati f'dan l-Artikolu għandhom jibqgħu eliġibbli sal-31 ta' Diċembru 2018, sakemm jissodisfaw il-kriterji ta' eliġibbiltà l-oħra kollha għal assi negozjabbli.

(*8)  Id-Deċiżjoni (UE) 2015/774 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta' Marzu 2015 dwar programm ta' xiri ta' assi ta' swieq sekondarji mis-settur pubbliku (ĠU L 121, 14.5.2015, p. 20).”;"

(22)

fl-Artikolu 84(a), il-punt (iii) huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“(iii)

Fl-assenza ta' klassifikazzjoni ta ħruġ ECAI, jew, f'każ ta' bonds koperti, fl-assenza ta' klassifikazzjoni ta' ħruġ li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness IXb, emittent ECAI jew klassifikazzjoni ta' garanti ECAI jistgħu jiġu kkunsidrati mill-Eurosistema. Jekk klassifikazzjonijiet ta' emittent ECAI u/jew tal-garanti ECAI multipli jkunu disponibbli għall-istess ħruġ, għandha tiġi kkunsidrata mill-Eurosistema l-ewwel u l-aħjar minn dawk il-klassifikazzjonijiet.”;

(23)

L-Artikolu 87 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“2.   Jekk l-istrumenti tad-dejn ikunu maħruġin jew iggarantiti minn gvern reġjonali jew awtorità lokali jew ‘entità tas-settur pubbliku’ kif iddefiniti fil-punt 8 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 (aktar 'il quddiem ‘entità tas-settur pubbliku CRR’) stabbiliti fi Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro, il-valutazzjoni ta' kreditu għandha titwettaq mill-Eurosistema skont ir-regoli li ġejjin:

(a)

Jekk l-emittenti jew il-garanti jkunu gvernijiet reġjonali, awtoritajiet lokali jew entitajiet tas-settur pubbliku CRR, li għall-finijiet tar-rekwiżiti tal-kapital huma ttrattati skont l-Artikoli 115(2) jew 116(4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 b'mod ugwali għall-gvern ċentrali li fil-ġuriżdizzjoni tiegħu huma stabbiliti, l-istrumenti tad-dejn maħruġin jew iggarantiti minn dawn l-entitajiet għandhom ikunu allokati l-iskala tal-kwalità kreditizja li tikkorrispondi mal-aqwa klassifikazzjoni tal-kreditu pprovduta minn ECAI aċċettat lill-gvern ċentrali li fil-ġuriżdizzjoni tiegħu dawk l-entitajiet ikunu stabbiliti.

(b)

Jekk l-emittenti jew il-garanti jkunu gvernijiet reġjonali, awtoritajiet lokali u entitajiet tas-settur pubbliku CRR li ma humiex imsemmijin fil-punt (a), l-istrumenti tad-dejn maħruġin jew iggarantiti minn dawn l-entitajiet għandhom ikunu allokati l-iskala kreditizja li tikkorrispondi ma' skala waħda tal-kwalità kreditizja taħt l-aqwa klassifikazzjoni tal-kreditu pprovduta minn ECAI aċċettat fir-rigward ta' gvern ċentrali li fil-ġuriżdizzjoni tiegħu jkunu stabbiliti dawn l-entitajiet.

(c)

Jekk l-emittenti jew il-garanti huma ‘entitajiet tas-settur pubbliku’ kif iddefiniti fil-punt (75) tal-Artikolu 2 u li mhumiex imsemmijin fil-punti (a) u (b), l-ebda valutazzjoni tal-kreditu impliċita ma hija dderivata u l-istrumenti ta' dejn maħruġin jew iggarantiti minn dawn l-entitajiet għandhom ikunu ttrattati b'mod ugwali għall-istrumenti ta' dejn maħruġin jew iggarantiti minn entitajiet tas-settur privat.”;

(b)

It-Tabella 9 hija ssostitwita b'dan li ġej:

Tabella 9

Valutazzjonijiet tal-kwalità tal-kreditu impliċiti għal emittenti jew garanti mingħajr valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu ECAI

 

Allokazzjoni ta' emittenti u garanti skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 (CRR (*9))

Derivazzjoni ECAF tal-valutazzjoni ta' kreditu impliċitu tal-emittent jew garanti li jappartjeni għall-klassi korrispondenti

Klassi 1

Gvernijiet reġjonali, awtoritajiet lokali u entitajiet tas-settur pubbliku CRR (CRR PSEs) li huma ttrattati mill-awtoritajiet kompetenti bl-istess mod bħall-gvern ċentrali għall-finijiet ta' rekwiżiti tal-kapital skont l-Artikoli 115(2) u 116(4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

Allokati l-valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu ECAI tal-gvern ċentrali li fil-ġurisdizzjoni tiegħu hija stabbilita l-entità

Klassi 2

Gvernijiet reġjonali oħrajn, awtoritajiet lokali u CRR PSEs

Allokati l-valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu skala waħda (*10) taħt il-valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu ECAI tal-gvern ċentrali li fil-ġurisdizzjoni tiegħu hija stabbilita l-entità

Klassi 3

Entitajiet tas-settur pubbliku kif iddefiniti fil-punt (75) tal-Artikolu 2 li mhumiex CRR PSEs

Ittrattati bħall-emittenti jew id-debituri tas-settur privat

(24)

L-Artikolu 90 huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 90

Ammont prinċipali u kupuni tat-talbiet ta' kreditu

Sabiex ikunu eliġibbli, talbiet ta' kreditu għandhom jikkonformaw, sal-fidi finali, ma' dawn ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

ammont prinċipali fiss u mingħajr kundizzjoni; u

(b)

rata tal-imgħax li ma tistax tirriżulta fi fluss negattiv ta' kontanti, fejn ir-rata tal-imgħax għandha tkun waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

‘kupun żero’

(ii)

fissa;

(iii)

varjabbli, i.e. marbut ma' rata ta' imgħax ta' referenza u bl-istruttura li ġejja: rata tal-kupun = rata ta' referenza ± x, b'f ≤ rata tal-kupun ≤ c, fejn:

ir-rata ta' referenza hija biss waħda milli ġejjin f'mument partikolari:

rata tas-suq tal-flus tal-euro, eż. Euribor, LIBOR jew indiċijiet simili;

rata kostanti ta' swap ta' maturità, eż. CMS, EIISDA, EUSA;

ir-rendiment ta' bond wieħed tal-gvern taż-żona tal-euro, jew indiċi ta' bosta minnhom, li għandhom maturità ta' sena jew inqas;

f (lminimu) u c (massimu) huma, jekk preżenti, numri li huma jew pre-definiti mal-ħruġ, jew li jistgħu jinbidlu maż-żmien biss skont prekors pre-definit mal-ħruġ. Il-marġni, x, tista' tvarja matul il-ħajja tat-talba ta' kreditu.”

(25)

Fl-Artikolu 138, il-paragrafu 3 huwa emendat skont kif ġej:

(a)

il-punt (c) huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“(c)

RMBDs mhux negozjabbli;”;

(b)

jiżdied il-punt (d) li ġej:

“(d)

multi-cédulas maħruġa qabel l-1 ta' Mejju 2015 fejn is-cédulas sottostanti jikkonformaw mal-kriterji stipulati fl-Artikolu 129(1) sa (3) u (6) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.”;

(26)

fl-Artikolu 139, qegħdin jiġu miżjuda il-paragrafi 3 u 4 li ġejjin:

“3.   Jekk huwa meħtieġ li tiġi vverifikata l-konformità mal-paragrafu 1(b), jiġifieri, għal bonds koperti, fejn il-leġiżlazzjoni applikabbli jew il-prospectus ma jeskludux strumenti ta' dejn imsemmijin fil-paragrafu 1(b) bħala assi tal-pool koperta u fejn l-emittent jew entità marbuta mill-qrib mal-emittent tkun ħarġet dawn l-istrumenti ta' dejn, il-BĊNi jistgħu jieħdu il-miżuri kollha li ġejjin jew uħud minnhom sabiex imexxu kontrolli ad hoc tal-konformità mal-paragrafu 1(b).

(a)

BĊNi jistgħu jiksbu rapporti ta' sorveljanza regolari li jagħtu ħarsa ġenerali lejn l-assi fil-pool koperta ta' bonds koperti;

(b)

Jekk ir-rapporti ta' sorveljanza ma jagħtux informazzjoni bizzejjed għal finijiet ta' verifika, il-BĊNi jistgħu jiksbu ċertifikazzjoni u impenn mill kontroparti stess li timmobilizza bond koperta li potenzjalment qed tikser il-paragrfu 1(b) li permezz tagħhom il-kontroparti tikkonferma illi l-pool koperta ta' bonds koperti ma tinkludix bonds bankarji li mhumiex iggarantiti li qed jibbenefikaw minn garanzija tal-gvern maħruġa mill-kontroparti, jew minn entità marbuta mill-qrib magħha li qed timmobilizza l-bond kopert bi ksur tal-paragrafu 1(b). Din iċ-ċertifikazzjoni mill-kontroparti stess għandha tiġi ffirmata mis-CEO, CFO jew maniġer anzjan simili tal-kontroparti, jew minn firmatarju awtorizzat jidher f'isimhom.

(c)

Ta' kull sena, il-BĊNi jistgħu jiksbu mill kontroparti li timmobilizza bond koperta li potenzjalment qed tikser il-paragrafu 1(b) konferma ex post minn awdituri esterni jew li permezz tagħhom il-kontroparti tikkonferma illi l-pool koperta ta' bonds koperti ma tinkludix bonds bankarji li mhumiex iggarantiti li qed jibbenefikaw minn garanzija tal-gvern maħruġa mill-kontroparti, jew minn entità marbuta mill-qrib magħha li qed timmobilizza l-bond kopert bi ksur tal-paragrafu 1(b).

4.   Jekk il-kontroparti ma tipprovdix iċ-ċertifikazzjoni u konferma tagħha stess skont il-paragrafu 3 fuq talba mill-BĊN, il-bond koperta ma għandhiex tkun mobilizzata bħala kollateral minn dik il-kontroparti, b'konformità mal-paragrafu 1”.

(27)

L-Artikolu 141 huwa mibdul b'dan li ġej:

“Artikolu 141

Limiti fir-rigward ta' strumenti ta' dejn mhux garantiti maħruġa minn istituzzjonijiet ta' kreditu u l-entitajiet marbuta mill-qrib tagħhom

1.   Kontroparti m'għandhiex tissottometti jew tuża bħala kollateral strumenti ta' dejn mhux iggarantiti maħruġa minn istituzzjoni ta' kreditu, jew minn entità oħra li magħha l-istituzzjoni ta' kreditu għandha rabtiet mill-qrib sal-punt li l-valur ta' dak il-kollateral maħruġ minn dik l-istituzzjoni ta' kreditu jew entità oħra li magħha għandha rabtiet mill-qrib meħudin flimkien jaqbeż l-2,5 % tal-valur totali tal-assi użati bħala kollateral minn dik il-kontroparti wara l-haircut applikabbli. Dan il-livell limitu m'għandux japplika fil-każijiet li ġejjin:

(a)

jekk il-valur ta' dawn l-assi ma jaqbiżx EUR 50 miljun wara xi haircut applikabbli;

(b)

jekk dawn l-assi huma ggarantiti minn entità fis-settur pubbliku li jkollha d-dritt tiġbor it-taxxi bħala mezz ta' garanzija li jikkonforma mal-karatteristiċi stabbiliti fl-Artikoli 114; jew

(c)

jekk dawn l-assi huma maħruġin minn aġenzija (kif iddefinita fil-punt 2 tal-Artikolu 2), bank tal-iżvilupp multilaterali jew organizzazzjoni internazzjonali.

2.   jekk hija stabbilita rabta mill-qrib jew isseħħ fużjoni bejn zewġ emittenti jew aktar ta' strumenti ta' dejn mhux iggarantiti, il-livell limitu fil-paragrafu 1 għandu japplika sa minn sitt xhur wara d-data li fih tiġi stabbilita r-rabta mill-qrib jew issir effettiva l-fużjoni.

3.   Għal finijiet ta'dan l-Artikolu, ‘rabtiet mill-qrib’ bejn entità emittenti u entità oħra għandha l-istess tifsira bħal ‘rabtiet mill-qrib’ bejn kontroparti u entità oħra, kif imsemmi fl-Artikolu 138”;

(28)

L-Artikolu 148 huwa emendat kif ġej:

(a)

Fil-paragrafu 2, il-punt (a) huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“(a)

assi negozjabbli għandhom jiġu mmobilizzati permezz ta' wieħed minn dawn li ġejjin:: (i) links eliġibbli; (ii) proċeduri applikabbli tas-CCBM; (iii) links eliġibbli f'kumbinazjzjoni mas-CCBM u”;

(b)

il-paragrafu 5 huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“5.   Il-kontropartijiet għandhom jeżegwixxu t-trasferiment ta' assi negozjabbli permezz tal-kontijiet għas-saldu tat-titoli ma' SSS eliġibbli”.

(c)

il-paragrafu 6 huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“6.   Kontroparti li ma jkollhiex kont ta' kustodja sigur ma' BĊN jew kont għas-saldu tat-titoli ma' SSS eliġibbli tista' tħallas għal tranżazzjonijiet permezz tal-kont għas-saldu tat-titoli jew il-kont ta' kustodja sigura ta' istituzzjoni ta' kreditu korrispondenti.”;

(29)

L-Artikolu 150 huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 150

Rabtiet eliġibbli bejn l-SSSs

1.   Flimkien mas-CCBM, il-kontropartijiet jistgħu jużaw rabtiet eliġibbli għal trasferimenti transkonfinali ta' titoli negozjabbli. Il-BĊE għandu jippubblika l-lista tar-rabtiet eliġibbli fuq il-websajt tiegħu.

2.   Assi miżmumin permezz ta' rabta eliġibbli jistgħu jintużaw għal operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema kif ukoll għal kull għan ieħor magħżul mill-kontroparti.

3.   Ir-regoli dwar l-użu tar-rabtiet eliġibbli huma stipulati fl-Anness VI”;

(30)

L-Artikolu 151 huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 151

Is-CCBM flimkien ma' rabtiet eliġibbli

1.   Il-kontropartijiet jistgħu jużaw rabtiet eliġibbli flimkien mas-CCBM biex jimmobilizzaw l-assi negozjabbli eliġibbli fuq bażi transkonfinali.

2.   Meta jintużaw rabtiet eliġibbli bejn l-SSSs flimkien mas-CCBM, il-kontropartijiet għandhom iżommu l-assi maħruġa fl-emittent SSS f'kont mal-SSS investitur direttament jew permezz ta' kustodju.

3.   Assi mobilizzati taħt paragrafu 2 jistgħu jinħarġu f'SSS taż-ZEE li mhuwiex fiż-żona tal-euro illi l-Eurosistema tkun ivvalutat bħala konformi mal-kriterji tal-eliġibilità stipulati fl-Anness VIa, sakemm ikun hemm rabta eliġibbli bejn l-SSS emittent u l-SSS investitur.

4.   Ir-regoli dwar l-użu tas-CCBM flimkien mar-rabtiet eliġibbli huma stipulati fl-Anness VI”;

(31)

fl-Artikolu 152, il-paragrafu 2 huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“2.   Is-CCBM (inkluż is-CCBM flimkien ma' rabtiet eliġibbli) jista' jintuża bħala bażi għall-użu transkonfinali tas-servizzi ta' ġestjoni tal-kollateral bi tliet partijiet. L-użu transkonfinali tas-servizzi ta' ġestjoni tal-kollateral bi tliet partijiet għandu jinvolvi BĊN, fejn is-servizzi ta' ġestjoni tal-kollateral bi tliet partijiet huma offruti għall-użu transkonfinali mill-Eurosistema, u jaġixxu bħala korrispondent għall-BĊNi li l-kontropartijiet tagħhom ikunu talbu li jużaw dawn is-servizzi ta' ġestjoni tal-kollateral bi tliet partijiet fuq bażi transkonfinali għall-finijiet tal-operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema.

Sabiex jipprovdi is-servizzi ta' ġestjoni tal-kollateral bi tliet partijiet. għall-uzu transkonfinali mill-Eurosistema b'konformità mal-ewwel subparagrafu, it-TPA relevanti għandha tikkonforma mas-sett ta' rekwiziti funzjonali addizzjonali stabbiliti mill-Eurosistema, kiff imsemmi fil- ‘Correspondent central banking model (CCBM) - Procedures for Eurosystem counterparties’ (Taqsima 2.1.3 it-tieni paragrafu)”;

(32)

fl-Artikolu 156, il-paragrafu 4 huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“4.   Jekk kontroparti tonqos milli tikkonforma ma' obbligu msemmi fl-Artikolu 154(1)(c) f'aktar minn żewġ okkażjonijiet f'perijodu ta' tnax-il xahar u fir-rigward ta' kull nuqqas:

(a)

kienet imposta penali finanzjarja;

(b)

kull deċiżjoni li timponi penali finanzjarja kienet notifikata lill-kontroparti;

(c)

kull okkażjoni ta' non-konformità għandha x'taqsam mal-istess tip ta' non-konformità,

l-Eurosistema għandha, fl-okkazjoni tat-tielet nuqqas ta' konformità, tissospendi lill-kontroparti mill-ewwel operazzjoni ta' forniment ta' likwidità f'suq miftuħ fil-perijodu taz-zamma tar-rizerva wara n-notifika tas-sospensjoni.

Jekk il-kontroparti sussegwentement terġa tonqpos milli tikkonforma, hija għandha tiġi sospiza mill-ewwel operazzjoni ta' forniment ta' likwidità f'suq miftuħ fil-perijodu taz-zamma tar-rizerva wara n-notifika tas-sospensjoni sakemm jgħaddi perijodu ta' 12-il xahar mingħajr ma jkun hemm nuqqas ulterjuri fuq in-naħa tal-kontroparti.

Kull perijodu ta' 12-il xahar għandu jiġi kkalkulat mid-data tan-notifika ta' sanzjoni għal nuqqas ta' konformità ma' obbligu msemmi fl-Artikolu 154(1)(c). It-tieni u t-tielet ksur kommessi fi zmien 12-il xahar minn dik in-notifika għandhom jiġu kkunsidrati.”

(33)

L-Artikolu 158 huwa emendat skont kif ġej

(a)

il-paragrafu 3a huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“3a.   L-Eurosistema tista' tissospendi, tillimita jew teskludi, abbazi tal-prudenza, l-aċċess għall-operazzjonijiet ta' politika monetarja mill-kontropartijiet li jistradaw il-likwidità tal-Eurosistema lejn entità oħra li tappartjeni għall-istess ‘grupp’ bankarju (kif iddefinit fil-punt (26) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59/UE u l-punt (11) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal- Kunsill (*11)) fejn l-entità li tirċievi din il-likwidità hja (i) entità ta' stralċ mhux eliġibbli jew (ii) suġġetta għal mizura diskrezzjonarja abbazi tal-prudenza.

(*11)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta' ċerti tipi ta' impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).”;"

(b)

il-paragrafu 4 huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“4.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe miżura diskrezzjonarja oħra, l-Eurosistema għandha, għal raġunijiet ta' prudenza, tillimita l-aċċess għal operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema minn kontropartijiet li jitqiesu li jkunu ‘qegħdin ifallu jew aktarx li ser ifallu’ mill-awtoritajiet relevanti fuq il-bażi tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 18(4)(a) sa (d) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 jew stipulati f'leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta l-Artikolu 32(4)(a) sa (d) tad-Direttiva 2014/59/UE. Il-limitazzjoni għandha tikkorrispondi għal-livell ta' aċċess għal operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema prevalenti fiż-żmien meta dawk il-kontropartijiet jitqiesu li ‘qegħdin ifallu jew aktarx li ser ifallu’. Permezz tal-arranġamenti kuntrattwali jew regolatorji tagħhom, il-BĊNi għandhom jiżguraw illi l-limitazzjoni tal-aċċess huwa awtomatiku fir-rigward tal-kontroparti relevanti, mingħajr in-neċessità ta' deċiżjoni speċifika, u li l-limitazzjoni tal-aċċess hija effettiva fil-jum wara l-jum li fih l-awtoritajiet relevanti qiesu lill kontroparti relevanti bħala li ‘qegħda tfalli jew aktarx li ser tfalli’. Din il-limitazzjoni hija mingħajr preġudizzju għal kwalsiasi miżura diskrezzjonali li tista' tieħu l-Eurosistema..”;

(34)

fl-Artikolu 159, il-paragrafu 4 huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“4.   L-Eurosistema tista' teskludi l-assi li ġejjin mill-lista ta' assi negozjabbli eliġibbli:

(a)

assi maħruġa, ko-maħruġa, isservizzjati jew iggarantiti minn kontropartijiet, jew entitajiet marbutin mill-qrib ma' kontropartijiet suġġetti għall-iffriżar ta' fondi u/jew miżuri oħra imposti mill-Unjoni skont l-Artikolu 75 tat-Trattat jew minn Stat Membru li jirrestrinġi l-użu tal-fondi; u/jew

(b)

assi maħruġa, ko-maħruġa, isservizzjati jew iggarantiti minn kontropartijiet, jew entitajiet marbutin mill-qrib ma' kontropartijiet li fir-rigward tagħhom il-Kunsill Governattiv tal-BĊE ħareġ deċiżjoni li tissospendi, tillimita jew teskludi l-aċċess tagħhom għall-operazzjonijiet tas-suq miftuħ tal-Eurosistema jew faċilitajiet permanenti.”;

(35)

fl-Artikolu 166, il-paragrafu 4a huwa ssostitwit b'li ġej:

“4a.   Kull BĊN għandu japplika arranġamenti kuntrattwali jew regolatorji li jiżguraw li, fi kull żmien, il-BĊN domestiku jkun f'pożizzjoni legali li jimponi penali finanzjarja għal nuqqas ta' kontroparti li tirrimborsa jew tħallas, bis-sħiħ jew parzjalment, kwalunkwe ammont tal-kreditu jew tal-prezz tax-xiri mill-ġdid, jew li l-assi mixtrija jiġu kkonsenjati, fil-maturità jew meta jkunu altrimenti dovuti, fil-każ li ma jkun disponibbli l-ebda rimedju għalih bis-saħħa tal-Artikolu 166(2). Il-penalità finanzjarja għandha tiġi kkalkulata skont l-Anness VII, Taqsima III, wara li tittieħed kunsiderazzjoni tal-ammont ta' flus kontanti li l-kontroparti ma setgħetx tħallas jew tirrimborsa, jew tal-assi li l-kontroparti ma setgħetx tikkonsenja, u n-numru ta' jiem kalendarji li matulhom il-kontroparti ma ħallsitx, ma rrimborsatx jew ma kkonsenjatx.”;

(36)

qiegħed jiddaħħal Anness VIa ġdid u l-Annessi VII, VIII u IXa qed jiġu emendati skont l-Anness ta' din il-Linja Gwida.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u implimentazzjoni

1.   Din il-Linja Gwida għandha ssir effettiva fil-jum tan-notifika tagħha lill-BĊNi tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

2.   Il-BĊNi tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jikkonformaw ma' din il-Linja Gwida u japplikawhom mis-16 ta' April 2018 ħlief għal punt 24 tal-Artikolu 1, li fir-rigward tiegħu huma għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji u japplikawhom mill-1 ta' Ottubru 2018. Huma għandhom jinnotifikaw lill-BĊE bit-testi u l-mezzi relatati ma' dawk il-miżuri sas-16 ta' Marzu 2018, ħlief għat-testi u l-mezzi relatati mal-miżuri fir-rigward tal-punt 24 tal-Artikolu 1, li huma għandhom jinnotifikaw sat-3 ta' Settembru 2018.

Artikolu 3

Destinatarji

Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-7 ta' Frar 2018.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta' Diċembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2014/60) (ĠU L 91, 2.4.2015, p. 3).

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta' Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1).

(*4)  Bis-saħħa tal-Artikolu 7(2)(b), l-Artikolu 7(2)(c), l-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 7(4)

(*5)  Bis-saħħa tal-Artikolu 8(2)(c), l-Artikolu 10(4)(c), l-Artikolu 11(5)(c) u l-Artikolu 12(6)(c)

(*6)  Bis-saħħa tal-Artikolu 9(2)(c), l-Artikolu 10(4)(c) u l-Artikolu 13(5)(d)

(*7)  Bis-saħħa tal-Artikolu 9(2)(c) u l-Artikolu 14(3)(c).”;

(*9)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013, imsemmi wkoll bhala CRR għall-finijiet ta' din it-tabella.

(*10)  Informazzjoni fuq l-iskali tal-kwalità kreditizja hija ppubblikata fuq is-sit elettroniku tal-BĊE.”;


ANNESS

1.

L-Anness VIa li ġej huwa mdaħħal:

ANNESS VIa

KRITERJI TA' ELIĠIBBILTÀ GĦALL-UŻU TA' SISTEMI TA' SALDU TA' TITOLI U TA' RABTIET BEJN SISTEMI TA' SALDU TA' TITOLI F'OPERAZZJONIJIET TA' KREDITU TAL-EUROSISTEMA

I.   KRITERJI TA' ELIĠIBBILTÀ GĦAL SISTEMI TA SALDU TA TITOLI (SSSS) U RABTIET BEJN SSSS

1.

L-Eurosistema tiddetermina l-eliġibbiltà ta' SSS imħaddem minn depożitorju ċentrali ta' titoli (CSD) stabbilit fi Stat Membru li l-munita tieg]u hija l-euro jew bank ċentrali nazzjonali (BĊN) jew entità pubblika kif speċifikat fl-Artikolu 1(4) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) ta' Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro (minn hawn 'il quddiem “operatur SSS” jew “operatur ta' SSS”) abbażi tal-kriterji li ġejjin:

(a)

l-operatur SSS taż-żona tal-euro jikkonforma mar-rekwiżiti għall-awtorizzazzjoni bħala CSD stipulati fir-Regolament (UE) Nru 909/2014; u

(b)

il-BĊN tal-Istat Membru li fih jopera l-SSS rispettiv ikun stabbilixxa u jżomm arranġamenti kuntrattwali jew arranġamenti oħra xierqa mal-operatur SSS taż-żona tal-euro, li jinkludu r-rekwiżiti tal-Eurosistema stipulati f'Taqsima II.

Jekk il-proċedura ta' awtorizzazzjoni stipulata f'Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 fir-rigward ta' CSD taż-żona tal-euro ma tkunx ġiet ikkompletata, il-punti (a) u (b) ma japplikawx. F'din is-sitwazzjoni, l-SSS imħaddem minn din is-CSD għandu minflok ikun ivvalutat b'mod pożittiv taħt il-‘Qafas għall-valutazzjoni ta' sistemi ta' saldu ta' titoli u ta' rabtiet sabiex tiġi ddeterminata l-eliġibbiltà tagħhom għall-użu f'operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema’, Jannar 2014, li huwa ppubblikat fuq il-websajt tal-BĊE.

2.

L-Eurosistema tiddetermina l-eliġibbiltà ta' rabta diretta jew ta' rabta mwassla abbażi tal-kriterji li ġejjin:

(a)

ir-rabta diretta jew, fil-każ ta' rabta mwassla, kull waħda mir-rabtiet diretti sottostanti, tikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fir-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(b)

il-BĊNi tal-Istat Membru li fihom ikunu stabbiliti l-SSS investitur, kwalsiasi SSS intermedjarju u l-SSS emittenti ikunu stabbilixxew u jżommu arranġamenti kuntrattwali jew arranġamenti oħra xierqa mal-operaturi SSS taż-żona tal-euro, li jinkludu r-rekwiżiti tal-Eurosistema stipulati f'Taqsima II.

(c)

l-SSS investitur, kwalsiasi SSS intermedjarju u l-SSS emittenti involuti fir-rabta huma kollha meqjusin eliġibbli mill-Eurosistema.

Jekk il-proċedura ta' awtorizzazzjoni stipulata f'Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 fir-rigward ta' CSD li tħaddem SSS involuta f'rabta ma tkunx ġiet ikkompletata, il-punti (a) sa (c) ma japplikawx. F'din is-sitwazzjoni, ir-rabtiet li jinvolvu SSS imħaddem minn CSD bħal dan għandhom minflok ikunu vvalutati b'mod pożittiv taħt il-‘Qafas għall-valutazzjoni ta' sistemi ta' saldu ta' titoli u ta' rabtiet sabiex tiġi ddeterminata l-eliġibbiltà tagħhom għall-użu f'operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema’, Jannar 2014.

3.

Qabel ma tiġi ddeterminata l-eliġibbiltà ta' link diretta jew ta' link imwassla li tinvolvi SSS wieħed jew aktar imħaddmin minn CSDs stabbiliti fi Stat taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) li l-munita tiegħu mhijiex l-euro jew BĊNi jew entitajiet pubbliċi ta' Stat ŻEE li l-munita tiegħu mhijiex l-euro (minn hawn 'il quddiem ‘SSS taż-ŻEE li mhuwiex fiż-żona tal-euro’ imħaddem minn ‘operatur SSS taż-ŻEE li mhuwiex fiż-żona tal-euro’), l-Eurosistema twettaq analiżi tal-każ li tikkunsidra, fost oħrajn, il-valur tal-assi eliġibbli maħruġin minn jew miżmumin f'dawk l-SSSs.

4.

Suġġett għal eżitu pożittiv tal-analiżi tal-każ, l-Eurosistema tiddetermina l-eliġibiltà ta' rabta li tinvolvi SSSs taż-ŻEE li mhuwiex fiż-żona tal-euro abbażi tal-kriterji li ġejjin.

(a)

L-operaturi ŻEE li mhumiex fiż-żona tal-euro tal-SSSs involuti fir-rabta u r-rabta nnifisha jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fir-Regolament (UE) Nru 909/2014.

(b)

Għal rabtiet diretti, il-BĊN tal-Istat Membru li fih jopera l-SSS investitur ikun stabbilixxa u jżomm arranġamenti kuntrattwali u arranġamenti oħrajn xierqa mal-operatur taż-żona tal-euro tal-SSS investitur. Dawn l-arranġamenti kuntrattwali u arranġamenti oħrajn għandhom jistipulaw l-obbligu tal-operatur SSS taż-żona tal-euro li jimplimenta d-dispożizzjonijiet stipulati fit-Taqsima II fl-arranġamenti legali tiegħu mal-operatur ŻEE li mhuwiex fiż-żona tal-euro tal-SSS emittent.

Għal rabtiet imwasslin, kull waħda mir-rabtiet diretti sottostanti li fiha SSS taż-ŻEE li mhuwiex fiż-żona tal-euro jaġixxi bħala SSS emittent, għandha tissodisfa l-kriterju fl-ewwel paragrafu tal-punt (b). F'rabta mwassla fejn kemm l-SSS intermediarju kif ukoll l-SSS emittent huma SSS ŻEE li mhumiex fiż-żona tal-euro, il-BĊN tal-Istat Membru li fih jopera l-SSS investitur għandu jistabbilixxi u jżomm arranġamenti kuntrattwali u arranġamenti oħrajn xierqa mal-operatur taż-żona tal-euro tal-SSS investitur. Dawn l-arranġamenti kuntrattwali u arranġamenti oħrajn xierqa għandhom jistipulaw mhux biss l-obbligu tal-operatur SSS taż-żona tal-euro biex jimplimenta d-dispożizzjonijiet stipulati f'Taqsima II fl-arranġamenti legali tiegħu mal-operatur ŻEE li mhuwiex fiż-żona tal-euro tal-SSS intermediarju, iżda wkoll l-obbligu tal-operatur ŻEE li mhuwiex fiż-żona tal-euro tal-SSS intermediarju li jimplimenta d-dispożizzjonijiet legali stipulati f'Taqsima II fl-arranġamenti kuntrattwali jew arranġamenti oħrajn tiegħu mal-operatur ŻEE li mhuwiex fiż-żona tal-euro tal-SSS emittent.

(c)

L-SSSs kollha taż-żona tal-euro li huma involuti fir-rabta huma meqjusa eliġibbli mill-Eurosistema.

(d)

Il-BĊN tal-Istat ŻEE li mhuwiex fiż-żona tal-euro li fih jopera l-SSS investitur huwa kommess li jirrapporta informazzjoni dwar l-assi eliġibbli nnegozjati fuq swieq domestiċi aċċettabbli b'mod iddeterminat mill-Eurosistema.

Jekk il-proċedura ta' awtorizzazzjoni stipulata f'Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 fir-rigward ta' CSD li tħaddem l-SSS investitur, l-SSS intermedjarju jew l-SSS emittent f'rabta ma tkunx ġiet ikkompletata, il-punti (a) sa (d) ma japplikawx. F'din is-sitwazzjoni, ir-rabtiet li jinvolvu SSS imħaddem minn CSD bħal dan għandhom minflok ikunu vvalutati b'mod pożittiv taħt il-‘Qafas għall-valutazzjoni ta' sistemi ta' saldu ta' titoli u ta' rabtiet sabiex tiġi ddeterminata l-eliġibbiltà tagħhom għall-użu f'operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema’, Jannar 2014.

II.   REKWIŻITI TAL-EUROSISTEMA

1.

Sabiex tiġi żgurata s-sodizza legali, operatur SSS għandu jissodisfa lill-BĊN tal-Istat Membru li fih jopera l-SSS rispettiv, b'referenza għal dokumentazzjoni legali vinkolanti, kemm jekk fil-forma ta' kuntratt eżegwit kif xieraq jew b'referenza għat-termini u kundizzjonijiet obbligatorji tal-operatur SSS relevanti jew mod ieħor, illi

(a)

l-intitolament għal titoli miżmumin f'SSS imħaddem minn dak l-operatur SSS, inkluż għal titoli miżmumin permezz tar-rabtiet imħaddmin mill-operatur SSS (miżmumin f'kontijiet miżmumin mill-operaturi SSS konnessi), huwa rregolat mil-liġi ta' Stat ŻEE;

(b)

l-intitolament tal-parteċipanti fl-SSS għal titoli miżmunim f'dak l-SSS huwa ċar, mhux ambigwu u jiżgura illi l-parteċipanti fl-SSS mhumiex esposti għall-insolvenza ta' dak l-operatur SSS;

(c)

fejn l-SSS jaġixxi fil-kapaċità ta' emittent SSS, l-intitolament tal-investitur SSS konness għal titoli miżmumin fl-SSS emittent huwa ċar, mhux ambigwu, u jiżgura illi l-SSS investitur u l-parteċipanti tiegħu mhumiex esposti għall-insolvenza tal-operatur tal-SSS emittent;

(d)

fejn l-SSS jaġixxi fil-kapaċità ta' investitur SSS, l-intitolament ta' dak l-SSS għal titoli miżmumin fl-SSS emittent konness huwa ċar, mhux ambigwu, u jiżgura illi l-SSS investitur u l-parteċipanti tiegħu mhumiex esposti għall-insolvenza tal-operatur tal-SSS emittent;

(e)

l-ebda rahan jew mekkaniżmu simili stipulat fil-liġi applikabbli jew arranġamentio kuntrattwali m'għandhom ikollhom impatt negattiv fuq l-intitolament tal-BĊN għat-titoli miżmumin fl-SSS;

(f)

il-proċedura għall-allokazzjoni ta' nuqqasijiet ta' titoli miżmumin fl-SSS, b'mod partikolari fil-każ tal-insolvenza ta: (i) l-operatur SSS; (ii) kull parti terza involuta fils-salvagwardja tat-titoli; jew (iii) kull SSS emittent konness, hija ċara u mhux ambigwa;

(g)

il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti sabiex jiġu mitlubin titoli taħt il-qafas legali tal-SSS huma ċari u mhux ambigwi, inkluż, fejn l-SSS jaġixxi bħala SSS investitur, il-formalitajiet li jridu jiġu sodisfatti fil-konfront tal SSS emittent konness.

2.

Operatur SSS għandu jiżgura illi meta l-SSS imħaddem minnu jaġixxi bħala SSS investitur, it-trasferimenti ta' titoli permezz ta' links għandu jkun finali skont it-tifsira fid-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), jiġifieri ma huwiex possibbli li dawn it-trasferimenti ta' titoli jiġu revokati, xolti, revokati jew imneħħija mod ieħor.

3.

Fejn l-SSS imħaddem minnu jaġixxi bħala SSS emittent, operatur SSS għandu jiżgura illi ma jagħmilx użu ta' istituzzjoni terza, bħal bank jew xi parti oħra li mhijiex l-SSS li qed taġixxi bħala intermedjarju bejn l-emittent u l-SSS emittent, jew l-operatur SSS għandu jiżgura illi l-SSS tiegħu għandu rabta diretta jew imwassla ma' SSS li għandu din ir-relazzjoni (unika u diretta).

4.

Sabiex jutilizza r-rabtiet bejn SSSs użati għas-saldu ta' tranżazzjonijiet ta' bank ċentrali, għandu jkun hemm faċilitajiet stabbiliti sabiex jippermettu jew saldu fl-istess ġurnata fuq il-bażi ta' konsenja mal-ħlas fi flus ta' bank ċentrali jew saldu fl-istess ġurnata mingħajr ħlas (FOP), li jista' jieħu l-forma ta' saldu gross f'ħin reali jew sensiela ta' proċessi ta' lottijiet b'finalità fl-istess ġurnata. Minħabba l-karatteristiċi tas-saldu ta' TARGET2-Securities, dan ir-rekwiżit huwa meqjus bħala diġà sodisfatt għal rabtiet diretti jew imwasslin li fihom l-SSSs kollha involuti fir-rabta huma integrati fit-TARGET2-Securities.

5.

Fir-rigward ta' sigħat ta' operat u jiem ta' operat:

(a)

SSS u r-rabtiet tiegħu għandhom jipprovdu servizzi ta' saldu fil-jien tan-negozju kollha tat-TARGET2:

(b)

SSS għandu jopera waqt l-ipproċessar ta' matul il-jum, kif imsemmi fl-Appendiċi V tal-Anness II tal-Linja Gwida BĊE/2012/27 (3);

(c)

SSSs involuti f'rabtiet direttii jew rabtiet imwasslin għandhom jippermettu lill-parteċipanti tagħhom jissottomettu struzzjonijiet għal saldu fl-istess ġurnata fuq il-bażi ta' konsenja mal-ħlas permezz tal-emittent u/jew l-SSS intermedjarju (kif applikabbli) lill-SSS investitur sa mill-inqas 3.30pm Ħin tal-Ewropa Ċentrali (Central European Time - CET) (4):

(d)

SSSs involuti f'rabtiet direttii jew rabtiet imwasslin għandhom jippermettu lill-parteċipanti tagħhom jissottomettu struzzjonijiet għal saldu fl-istess ġurnata fuq il-bażi ta' FOP permezz tal-emittent u/jew l-SSS intermedjarju (kif applikabbli) lill-SSS investitur sa mill-inqas 4pm CET;

(e)

L-SSSs għandhom ikollhom miżuri biex jiżguraw illi l-ħinijiet tal-operat speċifikati fil-punti (b) sa (d) fuq imsemmija huma estiżi f'każ ta' emerġenza.

Minħabba l-karatteristiċi tas-saldu ta' TARGET2-Securities, dawn ir-rekwiżiti huwa meqjusa bħala diġà sodisfatti għal SSSs integrati fit-TARGET2-Securities, u għal rabtiet diretti jew imwasslin li fihom l-SSSs kollha involuti fir-rabta huma integrati fit-TARGET2-Securities.

III.   PROĊEDURA TAL-APPLIKAZZJONI

1.

Operaturi SSS taż-żona tal-euro li jkollhom l-intenzjoni li s-servizzi tagħhom jintużaw f'operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema għandhom jissottomettu applikazzjoni għal valutazzjoni tal-eliġġibiltà lill-BĊN tal-Istat Membru li fih huwa stabbilit l-SSS.

2.

Għal links, inklużi dawk li jinvolvu SSS taż-ŻEE li mhuwiex fiż-żona tal-euro, l-operatur tal-SSS investitur għandu jissottometti l-applikazzjoni għal valutazzjoni tal-eliġibbiltà lill-BĊN tal-Istat Membru li fih jopera l-SSS investitur.

3.

L-Eurosistema tista' tiċħad applikazzjoni jew, fejn l-SSS jew ir-rabta huma diġà eliġibbli, tista' tissospendi jew tirtira l-eliġibbiltà jekk:

(a)

ma jiġux sodisfatti waħda jew aktar mill-kriterji ta' eliġibbiltà msemmija fit-Taqsima I;

(b)

l-użu tal-SSS jew tal-link jista' jeffettwa s-sigurtà u l-effiċjenza ta' operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema u jesponu lill-Eurosistema għar-riskju ta' telf finanzjarju, jew huwa inkella meqjus, abbażi tal-prudenza, li huwa ta' riskju.

4.

Id-deċiżjoni tal-Eurosistema dwar l-eliġibbiltà ta' SSS jew ta' rabta hija nnotifikata lill-operatur SSS li jkun issottometta l-applikazzjoni għal valutazzjoni tal-eliġibbiltà. L-Eurosistema għandha tagħti raġunijiet għal kull deċiżjoni negattiva.

5.

L-SSS jew ir-rabta jistgħu jintużaw għal operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema ladarba jkunu ġew ippubblikati fil-listi tal-Eurosistema ta' SSSs eliġibbli u rabtiet eliġibbli fuq il-websajt tal-BĊE.

”;

2.

It-titlu tal-Anness VII huwa ssostitwit b'li ġej:

KALKOLU TA' SANZJONIJIET LI GĦANDHOM JIĠU APPLIKATI B'KONFORMITÀ MA' PARTI ĦAMSA U PENALITAJIET FINANZJARJI li GĦANDHOM JIĠU APPLIKATI B'KONFORMITÀ MA' PARTI SEBGĦA”.

3.

It-titlu ta' Taqsima I tal-Anness VII huwa sostitwit b'li ġej:

“I.   

KALKOLU TA' PENALITAJIET FINANZJARJI LI GĦANDHOM JIĠU APPLIKATI SKONT IL-PARTI ĦAMSA.”.

4.

It-titlu ta' Taqsima II tal-Anness VII huwa sostitwit b'li ġej:

“II.   

KALKOLU TA' PENALITAJIET MHUX FINANZJARJI LI GĦANDHOM JIĠU APPLIKATI SKONT IL-PARTI ĦAMSA.”

5.

It Taqsima III li ġejja tiżdied mal-Anness VII:

“III.   KALKOLU TA' PENALITAJIET FINANZJARJI LI GĦANDHOM JIĠU APPLIKATI SKONT IL-PARTI SEBGĦA

1.

Il-BĊNi jikkalkolaw il-penali finanzjarja skont l-Artikolu 166(4a) b'konformità ma' dan li ġej:

(a)

Għal nuqqas ta' konformità ma' obbligu msemmi fl-Artikolu 166(4a), il-penali finanzjarja tiġi kkalkulata bl-użu tar-rata tal-faċilità ta' self marġinali li kienet tapplika fil-jum meta beda n-nuqqas ta' konformità flimkien ma' 2.5 punti perċentwali.

(b)

Il-penali finanzjarja hija kkalkulata billi tiġi applikata r-rati tal-penali, b'konformità mal-paragrafu (a) sal-ammont ta' flus kontanti li l-kontroparti ma setgħetx tirrimborsa jew tħallas, jew sal-valur tal-assi li ma ġewx ikkonsenjati, immoltiplikat bil-koeffiċjenti X/360, fejn X huwa n-numru ta' jiem kalendarji, b'massimu ta' sebgħa, li maturlu l-kontroparti ma setgħetx: (i) tirrimborsa xi ammont tal-kreditu, tħallas il-prezz tar-riakkwist jew il-flus kontanti dovuti mod ieħor; jew (ii) tikkonsenja l-assi meta jimmaturaw jew meta jkunu dovuti mod ieħor skont l-arranġamenti kuntrattwali jew regolatorji.

2.

Il-formula li ġejja għandha tintuża għall-kalkoli tal-penali finanzjarja skont il-paragrafu 1(a) u (b) aktar 'il fuq:

[EUR [ammont ta' flus kontanti illi l-kontroparti ma setax jirrimborsa jew iħallas, jew il-valur tal-assi illi l-kontroparti ma setax jikkonsenja] * (ir-rata tal-faċilità ta' self marġinali applikabbli fil-jum meta bdiet in-non-konformità biż-żieda ta' 2,5 punti perċentwali) * [X]/360 (fejn X huwa n-numru ta' jiem kalendarji li matulhom il-kontroparti ma ħallsitx, ma rrimborsatx jew ma kkonsenjatx) = EUR […]].”

6.

fl-Anness VII, Taqsima II, il-paragrafu 3 huwa ssostitwit b'li ġej:

“3.

Sabiex jinqabdu oqsma li mhumiex disponibbli, sett ta' sitt għażliet “Ebda dejta” (ND - No data) huwa inkluż fil-mudelli tad-dejta tal-livell ta' self u għandhom jimtlew kull meta dejta partikolari ma tkunx tista' tiġi ppreżentata skont il-mudell tad-dejta tal-livell tas-self.

Tabella 1

Spjegazzjoni tal-opzjonijiet ND

Opzjonijiet ‘Ebda dejta’

Spjegazzjoni

ND1

Dejta mhux miġbura għax mhux meħtieġa mill-kriterji ta' sottoskrizzjoni

ND2

Dejta miġbura mal-applikazzjoni imma mhux imdaħħla fis-sistema ta' rappurtar meta titlesta.

ND3

Dejta miġbura mal-applikazzjoni imma mdaħħla f'sistema separata minn dik ta' rappurtar

ND4

Dejta miġbura imma disponibbli biss minn XX-SSSS.

ND5

Mhux relevanti

ND6

Mhux applikabbli għall-ġurisdizzjoni”

7.

Fl-Anness VIII, Taqsima III punt (a) tal-paragrafu 1, ibdel “ND1 sa ND7” b' “ND1 sa ND6.”

8.

Fl-Anness VIII, Taqsima III paragrafu 3, ibdel “ND5, ND6 u ND7” b' “ND5 u ND6”.

9.

Fl-Anness VIII, Taqsima IV.I, punt (a) tal-paragrafu 3 huwa ssostitwit b'li ġej:

“(a)

għandu jistabbilixxi u jżomm sistemi ta' teknoloġija robusti u kontrolli operattivi sabiex ikun jista' jipproċessa dejta tal-livell ta' self b'mod li jsostni r-rekwiżiti tal-Eurosistema għas-sottomissjoni ta' u aċċess għal dejta tal-livell ta' self fir-rigward ta' assi eliġibbli suġġetti għal rekwiżiti ta' żvelar ta' dejta tal-livell ta' self, kif speċifikat kemm fl-Artikolu 78 kif ukoll f'dan l-Anness.

B'mod partikolari, is-sistema ta' teknoloġija tar-repożitorju ta' dejta tal-livell ta' self għandha tħalli lill-utenti tad-dejta jagħmlu estrazzjoni ta' dejta tal-livell ta' self, punteġġi ta' dejta tal-livell ta' self u l-kronogramma tas-sottomissjonijiet ta' dejta, permezz ta' proċessi manwali kif ukoll awtomatiċi li jkopru s-sottomissjonijiet kollha ta' dejta tal-livell ta' self tat-transazzjonijiet ABS kollha li jkunu ġew sottomessi permezz ta' dak ir-repożitorju ta' dejta tal-livell ta' self u ta' estrazzjoni ta' files multipli ta' dejta tal-livell ta' self jekk mitlubin f'talba waħda ta' download.”.

10.

fl-Anness VIII, Taqsima IV II, il-paragrafu 4 huwa ssostitwit b'li ġej:

“4.

L-Eurosistema għandha, fi żmien raġonevoli (il-mira tkun 60 jum tax-xogħol min-notifika msemmija fil-paragrafu 3), teżamina applikazzjoni għan-nomina magħmula minn repożitorju tad-dejta tal-livell ta' self skont il-konformità ta' repożitorju tad-dejta tal-livell ta' self mar-rekwiżiti stipulati f'din il-Linja Gwida. Bħala parti mill-eżami tagħha, l-Eurosistema tista' titlob li r-repożitorju tad-dejta tal-livell ta' self jagħmel wirja interattiva live waħda jew iżjed mal-persunal tal-Eurosistema, sabiex juri l-kapaċitajiet tekniċi tar-repożitorju tad-dejta tal-livell ta' self fir-rigward tar-rekwiżiti stipulati fit-Taqsima IV.I, paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Anness. Jekk tkun meħtieġa wirja bħal dik, għandha tiġi kkunsidrata bħala rekwiżit obbligatorju tal-proċess tal-applikazzjoni. Il-wirja tista' tinkludi wkoll l-użu ta' test files.”.

11.

Fl-Anness VIII, Taqsima IV, is-Subtaqsima IIa li ġejja hija miżjuda:

“IIa.   Informazzjoni minima mitluba sabiex applikazzjoni għan-nomina titqies kompleta

1.

Fir-rigward tar-rekwiżiti tal-Eurosistema għal aċċess miftuħ, non-diskriminazzjoni u trasparenza, l-applikanti għandhom jipprovdu informazzjoni dwar dan li ġej:

(a)

kriterji dettaljati dwar l-aċċess u restrizzjonijiet tal-aċċess għal dejta tal-livell tas-self għal utenti tad-dejta, u dettaji dwar u r-raġunijiet għal kull varjazzjoni f'dawn il-kriterji dettaljati dwar l-aċċess u restrizzjonijiet tal-aċċess għal dejta tal-livell ta' self għal utenti tad-dejta;

(b)

stqarrijiet ta'-politika, jew deskrizzjonijiet oħrajn bil-miktub tal-proċess u l-kriterji applikati biex jingħata l-aċċess lil utent tad-dejta għal dejta file speċifiku dwar il-livell ta' self, kif ukoll dettalji ulterjuri, kemm jekk f'dawn id-dokumenti tal-politika kif ukoll xi deskrizzjoni oħra bil-miktub, tas-salvagwardju tekniċi u proċedurali li jeżistu sabiex tiġi żgurata n-non-diskriminazzjoni.

2.

Fir-rigward tar-rekwiżit tal-Eurosistema għal kopertura, l-applikanti għandhom jipprovdu informazzjoni dwar dan li ġej:

(a)

In-numru ta' persunal impjegat mill-applikant fil-qasam tas-servizzi tar-repożitorju tad-dejta fil-livell tas-self, l- isfond tekniku tal-persunal impjegat fi u/jew riżorsi oħra ddedikati lil dan il-qasam, u kif l-applikant jiġġestixxi u jżomm il-kompetenza teknika ta' dan il-persunal u/jew riżorsi oħra biex jiżgura kontinwità teknika u operattiva fuq bażi kwotidjana minkejja bidliet fil-persunal jew ir-riżorsi.

(b)

Statistika aġġornata dwar il-kopertura, inkluz kemm għad hemm ABSs eliġibbli għal operazzjonijiet ta' kollateral tal-Eurosistema li huma attwalment ospitati mill-applikant, inkluż it-tqassim ta' dan l-ABs fuq il-bażi tal-post ġeografiku tad-debituri tal-assi li jiġġeneraw il-likwidità u t-tip ta' klassijiet ta' assi li jiġġeneraw il-likwidità speċifikati fl-Artikolu 73(1). F'każ illi xi klassi ta' assi ma tkunx attwalment ospitata mill-applikant, għandha tingħata informazzjoni dwar il-pjanijiet tal-applikant u l-fattibilità teknika li jkopri din il-klassi ta' assi fil-futur.

(c)

L-operat tekniku tas-sistema ta' repożitorju ta' dejta tal-livell ta' self tal-applikant, inkluż deskrizzjoni miktuba ta':

(i)

il-gwida ta-utent għall-interfaċċja għall-utent tiegħu, li tispjega kif isiru l-aċċess, l-estrazzjoni u l-preżentazzjoni ta' dejta tal-livell ta' self, kemm mill-perspettiva tal-utent tad-dejta kif ukoll mill-perspettiva tal-fornitur tad-dejta;

(ii)

il-kapaċità attwali teknika u operattiva tas-sistema ta' repożitorju tal-applikant, bħal kemm jistgħu jinħażnu tranżazzjonijet ABS fis-sistema (u jekk is-sistema tistax tiġi mkabbra faċilment), kif id-dejta tal-livell tas-self dwar it-tranżazzjonijiet ABS storiċi tinħażen u tiġi aċċessata minn utenti tad-dejta u l-fornituri tad-dejta u kull limitu massimu għan-numru ta' self li jistgħu jiġu mtellgħin minn fornitur tad-dejta fi tranżazzjoni ABS waħda;

(iii)

il-kapaċitajiet attwali tekniċi u operattivi tal-applikant fir-rigward tal-preżentazzjoni tad-dejta mill-fornituri tad-dejta, jiġifieri l-proċess tekniku li permezz tiegħu l-fornitur tad-dejta jista' jippreżenta dejta tal-livell ta' self, u jekk dan huwiex proċess manwali jew awtomatiku; u

(iv)

il-kapaċitajiet attwali tekniċi u operattivi tal-applikant fir-rigward tal-estrazzjoni tad-dejta mill-fornituri tad-dejta, jiġifieri l-proċess tekniku li permezz tiegħu l-fornitur tad-dejta jista' jagħmel estrazzjoni ta' dejta tal-livell ta' self, u jekk dan huwiex proċess manwali jew awtomatiku.

(d)

Deskrizzjoni teknika ta':

(i)

il-formati tal-fajl ippreżentati minn fornituri tad-dejta u aċċettati mjill-applikant għall-preżentazzjoni ta' dejta fil-livell ta' self (mudell ta' fajl Excel, skemas XML, eċċ), inkluż kopja elettronika ta' kull wieħed minn dawn il-formati ta' fajl, u indikazzjoni dwar jekk l-applikant jipprovdix l-għodda għall-fornituri tad-dejta biex jikkonvertu d-dejta tal-livell ta' self fil-formati ta' fajl aċċettati mill-applikant;

(ii)

il-kapaċitajiet attwali tekniċi u operattivi tal-applikant fir-rigward tad-dokumentazzjoni dwar l-ittestjar u l-validazzjoni għas-sistema tal-applikant, inkluż il-kalkolu tal-kronogramma tal-konformità tad-dejta fil-livell ta' self;

(iii)

il-frekwenza tal-aġġornamenti u r-rilaxxi ġodda tas-sistema tiegħu, u tal-politika tal-manutenzjoni u l-politika tal-ittestjar;

(iv)

il-kapaċitajiet attwali tekniċi u operattivi tal-applikant biex jadatta għall-aġġornamenti futuri tal-mudell tad-dejta tal-livell ta' self tal-Eurosistema, bħal bidliet fl-oqsma attwali, u ż-żieda jew tħassir ta' oqsma;

(v)

il-kapaċitajiet tekniċi tal-applikant fir-rigward tal-irkupru wara diżastru u l-kontinwità tan-negozju, speċifikament fir-rigward tal-grad tan-nuqqas ta' ħtieġa għal ħżin individwali u soluzzjonijiet ta' backup fiċ-ċentru ta' dejta tiegħu u s-sistema tas-server;

(vi)

deskrizzjoni tal-kapaċitajiet tekniċi attwali tal-applikant fir-rigward tas-sistema ta' kontroll interna tiegħu fir-rigward ta' dejta fil-livell ta' self, inkluż kontrolli tas-sistema ta' informatika u l-integrità tad-dejta.

3.

Fir-rigward tar-rekwiżit tal-Eurosistema għal struttura ta' governanza xierqa, l-applikanti għandhom jipprovdu dan li ġej:

(a)

dettalji dwar l-istat korporattiv tiegħu, jiġifieri l-istatut jew l-artikoli ta' assoċjazzjoni tiegħu, u l-istruttura tal-azzjonisti tiegħu;

(b)

informazzjoni dwar il-proċeduri ta' verifika interni tal-applikant (jekk hemm), inkluż l-identità ta' dawk responsabbli għat-tmexxija ta' dawn il-verifiki, jekk il-verifiki huma verifikati esternament u, jekk il-verifiki jitmexxew internament, x'arranġamenti jittieħdu biex jipprevjenu jew jiġġestixxu kunflitti ta' interess;

(c)

informazzjoni dwar kemm l-arranġamenti tal-governanza tal-applikant iservu l-interessi ta' dawk li għandhom interess fis-suq ABS, b'mod partikolari jekk il-politika tal-ipprezzar hijiex ikkunsidrata fil-kuntest ta' dan ir-rekwiżit;

(d)

konferma bil-miktub illi l-Eurosistema ser ikollha aċċess, fuq bażi kontinwa, għad-dokumentazzjoni neċessarja biex hi timmonitorja l-adegwatezza kontinwa tal-istruttura ta' governanza tal-applikant u l-konformità mar-rekwiżiti ta' governanza fil-paragrafu 4 tat-Taqsima IV.I.

4.

L- applikant għandu jagħti deskrizzjoni ta' dan li ġej:

(a)

kif l-applikant jikkalkula l-kronogramma tal-kwalità tad-dejta, u kif tiġi ppubblikata l-kronogramma fis-sistema ta' repożitorju tal-applikant u b'hekk issir disponibbli għal utenti tad-dejta;

(b)

il-kontrolli tal-kwalità tad-dejta mwettqa mill-applikant, inkluż il-proċessi, in-numru ta' kontrolli u l-lista tal-oqsma kkontrollati;

(c)

il-kapaċitajiet attwali tal-applikant fir-rigward tar-rappurtar ta' kontrolli tal-konsistenza u l-akkuratezza, jiġifieri kif ir-rapporti eżistenti jiġu prodotti mill-applikant għall-fornituri tad-dejta u l-utenti tad-dejta, l-abilità tal-pjattaforma tal-applikant biex tibni rapporti awtomatizzati u mfasslin skont it-talbiet tal-utenti tad-dejt, u l-abilità tal-pjattaforma tal-applikant biex awtomatikament tibgħat notifiki lil utenti tad-dejta u fornituri tad-dejta (pereżempju notifiki ta' dejta tal-livell tas-self li jkunu ġew mtellgħin għal tranżazzjoni partikolari).”.

12.

Fl-Anness IXa, l-ewwel subparagrafu ta' Taqsima 1 huwa ssostitwit b'li ġej:

“Fir-rigward tal-kopertura attwali, f'kull waħda minn ta' mill-inqas tlieta mill-erba' klassijiet ta' assi (a) bonds tal-bank skoperti, (b) bonds korporattivi (c) bonds koperti u (d) ABS, is-CRA għandha tipprovdi kopertura minima ta'.”.


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1).

(2)  Id-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 1998 dwar il-finalità ta' settlement fis-sistemi ta' settlement ta' pagamenti u titoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 107).

(3)  Linja Gwida BĊE/2012/27 tal-5 ta' Diċembru 2012 dwar sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (TARGET2) (ĠU L 30, 30.1.2013, p. 1).

(4)  Is-CET iqis il-bidla għall-Ħin tas-Sajf tal-Ewropa Ċentrali (Central European Summer Time).


Fuq