Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 32017D0002
Decision (EU) 2017/101 of the European Central Bank of 11 January 2017 amending Decision ECB/2014/40 on the implementation of the third covered bond purchase programme (ECB/2017/2)
Deċiżjoni (UE) 2017/101 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-11 ta' Jannar 2017 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2014/40 dwar l-implimentazzjoni tat-tielet programm ta' xiri ta' bonds iggarantiti (BĊE/2017/2)
Deċiżjoni (UE) 2017/101 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-11 ta' Jannar 2017 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2014/40 dwar l-implimentazzjoni tat-tielet programm ta' xiri ta' bonds iggarantiti (BĊE/2017/2)
ĠU L 16, 20.1.2017, p. 53–54
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
M’għadux fis-seħħ, Data tat-tmiem tal-validitàà: 15/02/2020; Impliċitament imħassar minn 32020D0187
20.1.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 16/53 |
DEĊIŻJONI (UE) 2017/101 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tal-11 ta' Jannar 2017
li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2014/40 dwar l-implimentazzjoni tat-tielet programm ta' xiri ta' bonds iggarantiti (BĊE/2017/2)
IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew u, b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12.1 flimkien mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1, u l-Artikolu 18.1 tiegħu,
Billi:
(1) |
Id-Deċiżjoni BĊE/2014/40 (1) stabiblixxiet it-tielet programm ta' xiri ta' bonds garantiti (iktar 'il quddiem is-“CBPP3”). Flimkien mal-programm ta' xiri ta' titoli ggarantiti b'assi, il-programm ta' xiri ta' assi tas-settur pubbliku mis-swieq sekondarji u l-programm ta' xiri mis-settur korporattiv, is-CBPP3 huwa parti mill-programm ta' xiri ta' assi estiż (APP). L-għan tal-APP huwa li jkompli jtejjeb it-trasmissjoni tal-politika monetarja, sabiex jiffaċilita l-għoti ta' kreditu lill-ekonomija taż-żona tal-euro, iħaffef il-kundizzjonijiet għat-teħid ta' self minn unitajiet domestiċi u ditti u jikkontribwixxi sabiex ir-rati tal-inflazzjoni jinġiebu lura għal livelli li huma taħt iżda qrib għal 2 % fuq medda ta' żmien medju, b'mod konsistenti mal-objettiv primarju tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) li jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet. |
(2) |
Ix-xiri ta' assi taħt l-APP hija miżura proporzjonata għal mitigazzjoni tar-riskji għall-prospetti għall-iżviluppi fil-prezzijiet, billi tkompli ttaffi iżjed il-kundizzjonijiet monetarji u finanzjarji, inklużi dawk rilevanti għall-kundizzjonijiet ta' self tal-korporazzjonijiet mhux finanzjarji u l-unitajiet domestiċi, biex b'hekk jiġu appoġġati l-konsum aggregat u l-infiq fl-investiment fiż-żona tal-euro biex fl-aħħar mill-aħħar jingħata kontribut għar-ritorn lejn rati ta' inflazzjoni inqas minn imma qrib it-2 % matul perijodu ta' żmien medju. L-APP jikkonforma bi sħiħ mal-obbligi tal-banek ċentrali tal-Eurosistema skont it-Trattati, inkluża l-projbizzjoni ta' finanzjament monetarju, u ma jfixkilx l-operat tal-Eurosistema skont il-prinċipju ta' ekonomija tas-suq miftuħ b'kompetizzjoni libera. |
(3) |
Fit-8 ta' Diċembru 2016, il-Kunsill Governattiv iddeċieda, b'mod konformi mal-mandat tiegħu li jiżgura l-istabbiltà tal-prezzijiet, li ċerti parametri tal-APP għandhom jiġu aġġustati sabiex jinkisbu l-objettivi tal-APP. L-aġġustamenti huma konformi mal-mandat tal-politika monetarja tal-Kunsill Governattiv, jikkonformaw bis-sħiħ mal-obbligi tal-banek ċentrali tal-Eurosistema taħt it-Trattati u jirriflettu debitament kunsiderazzjonijiet ta' ġestjoni tar-riskju. |
(4) |
B'mod aktar speċifiku, l-orizzont maħsub ta' xirjiet taħt l-APP għandu jiġi estiż sat-tmiem ta' Diċembru 2017, jew lil hinn, jekk meħtieġ, u fi kwalunkwe każ sakemm il-Kunsill Governattiv jara aġġustament sostnut fil-perkors tal-inflazzjoni li jkun konsistenti mal-għan tiegħu li jikseb rati ta' inflazzjoni li jkunu taħt, iżda qrib, it-2 % fuq medda ta' żmien medju. |
(5) |
Il-likwidità provduta lis-suq permezz tax-xirjiet ikkombinati fix-xahar taħt l-APP għandha tkompli tammonta għal EUR 80 biljun sa tmiem Marzu 2017. Minn April 2017, ix-xirjiet fix-xahar ikkombinati taħt l-APP għandhom jipproċedu b'ritmu ta' EUR 60 biljun sat-tmiem ta' Diċembru 2017, jew lil hinn, jekk meħtieġ, u fi kwalunkwe każ sakemm il-Kunsill Governattiv jara aġġustament sostnut fil-perkors tal-inflazzjoni li tkun konsistenti mal-mira tiegħu ta' inflazzjoni. Jekk, sadanittant, il-prospettiva ssir anqas favorevoli, jew jekk il-kundizzjonijiet finanzjarji jsiru inkonsistenti ma' progress ulterjuri lejn aġġustament sostnut fil-perkors tal-inflazzjoni, il-Kunsill Governattiv beħsiebu jżid il-programm f'termini ta' daqs u/jew durazzjoni. |
(6) |
Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni mingħajr skossi ta' xirjiet taħt l-APP matul l-orizzont maħsub, ix-xirjiet ta' titoli taħt l-APP b'rendIment għall-maturità li tkun taħt ir-rata tal-imgħax fuq il-faċilità tad-depożitu tal-BĊE għandhom jiġu permessi sal-grad meħtieġ. |
(7) |
Għaldaqstant, id-Deċiżjoni BĊE/2014/40 għandha tiġi emendata kif meħtieġ, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Emenda
Fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni BĊE/2014/40, għandu jiżdied il-punt 7 li ġej:
“7. |
Huma permessi xirjiet ta' bonds nominali ggarantiti b'rendiment negattiv sal-maturità (jew rendiment għall-agħar) 'il fuq mir-rata tal-faċilità ta' depożitu. Huma permessi sal-grad meħtieġ xirjiet ta' bonds nominali ggarantiti b'rendiment negattiv sal-maturità (jew rendiment għall-agħar) taħt ir-rata tal-faċilità ta' depożitu.”. |
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-13 ta' Jannar 2017.
Magħmul fi Frankfurt am Main, il-11 ta' Jannar 2017.
Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE
Il-President tal-BĊE
Mario DRAGHI
(1) Deċiżjoni BĊE/2014/40 tal-15 ta' Ottubru 2014 dwar l-implimentazzjoni tat-tielet programm ta' xiri ta' bonds iggarantiti (ĠU L 335, 22.11.2014, p. 22).