EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32016O0037

Linja Gwida (UE) 2016/1993 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta' Novembru 2016 li tistabbilixxi l-prinċipji għall-koordinazzjoni tal-valutazzjoni bis-saħħa tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u l-monitoraġġ ta' skemi ta' protezzjoni istituzzjonali inklużi istituzzjonijiet sinifikanti u inqas sinifikanti (BĊE/2016/37)

ĠU L 306, 15.11.2016, p. 32–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument Fis-seħħ

ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2016/1993/oj

15.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 306/32


LINJA GWIDA (UE) 2016/1993 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-4 ta' Novembru 2016

li tistabbilixxi l-prinċipji għall-koordinazzjoni tal-valutazzjoni bis-saħħa tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u l-monitoraġġ ta' skemi ta' protezzjoni istituzzjonali inklużi istituzzjonijiet sinifikanti u inqas sinifikanti (BĊE/2016/37)

Il-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 6(1) u (7) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (2) u b'mod partikolari l-Artikoli 8(4), 49(3), 113(7), 422(8) u 425(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/61 tal- 10 ta' Ottubru 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-rekwiżit ta' kopertura tal-likwidità għall-Istituzzjonijiet ta' Kreditu (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 29(1), l-Artikolu 33(2)(b) u l-Artikolu 34(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Skema ta' protezzjoni istituzzjonali (IPS) hija msemmija fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 bħala arranġament kuntrattwali jew statutorju li jipproteġi l-istituzzjonijiet membri tagħha u b'mod partikolari tiżgura li għandhom il-likwidità u s-solvenza meħtieġa biex jevitaw il-falliment meta meħtieġ. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 8(4), 49(3), 113(7), 422(8) u 425(4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u l-Artikolu 29(1), l-Artikolu 33(2)(b) u l-Artikolu 34(1) tar-Regolament ta' Delega (UE) 2015/61, ineħħu ċerti rekwiżiti prudenzjali biex jippermettu ċerti derogi għall-membri IPS. Barra minn hekk, l-Artikolu 113(7)(i) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jipprovdi li l-awtorità kompetenti rilevanti għandha tapprova u timmonitorja f'intervalli regolari l-adegwatezza tas-sistemi IPS għall-monitoraġġ u l-klassifikazzjoni tar-riskju u l-Artikolu 113(7)(d) jeħtieġ lill-IPS tagħmel ir-reviżjoni tar-riskju tagħha stess.

(2)

Deċiżjonijiet minn awtoritajiet kompetenti biex jagħtu permessi u derogi fit-tifsira tal-Artikoli 8(4), 49(3), 113(7), 422(8) u 425(4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u l-Artikolu 33(2)(b) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/61 u kull deċiżjoni li tirriżulta mill-monitoraġġ tal-IPSs huma immirati lejn istituzzjonijiet ta' kreditu individwali. Bħala tali, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), bħala l-awtorità kompetenti għas-superviżjoni prudenzjali fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) ta' istituzzjonijiet ta' kreditu li huma kklassifikati bħala sinifikanti skont l-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u l-Parti IV u l-Artikolu 147(1) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/17) (4), huwa resonsabbli għall-valutazzjoni ta' applikazzjonijiet sottomessi minn istituzzjonijiet ta' kreditu sinifikanti u l-monitoraġġ ta' IPSs li jinkluduhom, filwaqt li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali (NCAs) huma responsabbli għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet sottomessi minn istituzzjonijiet ta' kreditu inqas sinifikanti u l-monitoraġġ ta' IPSs li jinkluduhom.

(3)

Sabiex jiġi żgurat trattament konsistenti ta' istituzzjonijiet ta' keditu sinifikanti u inqas sinifikanti li huma membri ta' IPSs fl-MSU u titħeġġeġ konsistenza fid-deċiżjonijiet addottati mill-BĊE u l-NCAs, il-BĊE adotta l-Linja Gwida (UE) 2016/1994 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2016/38) (5). Madankollu, huwa neċessarju li jiġi stabbilit proċess ikkoordinat għal deċiżjonijiet dwar membri tal-istess IPS li tikkonsisti minn istituzzjonijiet sinifikanti kif ukoll inqas sinifikanti, u biex il-BĊE u l-NCAs jadottaw approċċ ikkoordinat għall-monitoraġġ ta' dak l-IPS, sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fost id-deċiżjonijiet meħuda fir-rigward ta' istituzzjonijiet sinifikanti inqas sinifikanti li huma membri tal-istess IPS (iktar 'il quddiem imsejħin bħala “IPS ibrida”),

ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Din il-Linja Gwida tistabbilixxi l-prinċipji għall-koordinazzjoni bejn il-BĊE u l-NCAs fir-rigward tal-valutazzjoni tal-IPSs għall-finijiet tal-għoti ta' permessi u derogi prudenzjali lil membri IPS, bis-saħħa tal-Artikoli 8(4), 49(3), 113(7), 422(8) u 425(4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u l-Artikolu 33(2)(b) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/61, u għall-monitoraġġ tal-IPSs li ġew irrikonoxxuti għall-finijiet prudenzjali.

2.   Il-proċess ta' koordinazzjoni huwa mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-BĊE għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet superviżorji prudenzjali rilevanti għall-istituzzjonijiet ta' kreditu sinifikanti, u r-responsabbiltà tal-NCAs għall-adozzjoni ta' tali deċiżjonijiet għal istituzzjoni ta' kreditu inqas sinifikanti.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din il-Linja Gwida, id-definizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013, id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u r-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17) għandhom japplikaw flimkien mad-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“tim ta' reviżjoni” jfisser tim kompost minn rappreżentanti tal-BĊE u tal-NCA li huwa s-superviżur dirett tal-membri IPS rilevanti. Dan it-tim huwa mwaqqaf għall-finijiet tal-koordinazzjoni tar-reviżjoni magħmula skont l-Artikolu 113(7) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(b)

“koordinatur tat-tim tar-reviżjoni” tfisser membru tal-persunal tal-BĊE u membru tal-persunal tal-NCA appuntat skont l-Artikolu 6 u li jwettaq il-kompiti stabbiliti fl- Artikolu 8;

(c)

“applikant” ifisser membru IPS jew grupp ta' membri IPS rappreżentati minn entità waħda li tissottometti lill-BĊE jew l-NCA rilevanti applikazzjoni li titlob permess jew deroga bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet msemmija fl-Artikolu 1(1);

(d)

“IPS ibdrida” tfisser IPS komposta minn istituzzjonijiet ta' kreditu sinifikanti u inqas sinifikanti;

(e)

“awtoritajiet kompetenti tal-MSU” tfisser il-BĊE u l-NCAs tal-Istati Membri parteċipanti.

Artikolu 3

Livell ta' applikazzjoni

Meta kemm istituzzjoniijet ta' kreditu sinifikanti kif ukoll inqas sinifikanti li huma membri tal-istess IPS ibrida jissottomettu simultanjament applikazzjonijiet għall-permessi u derogi lill-BĊE, fil-każ ta' istituzzjonijiet ta' kreditu sinifikanti, u lill-NCAs rilevanti, fil-każ ta' istituzzjonijiet ta' kreditu inqas sinifikanti, il-BĊE u l-NCA rilevanti għandhom japplikaw il-proċess ta' koordinazzjoni u d-dispożizzjonijiet fuq il-monitoraġġ stabbiliti fil-Linja Gwida, inkluż kwalunkwe standard li jimmoniterja attivitajiet relatati ma' dak l-IPS.

KAPITOLU II

KOORDINAZZJONI TAL-VALUTAZZJONI IPS

Artikolu 4

Valutazzjoni kkoordinata

Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-BĊE u tal-NCAs li jagħtu permessi u derogi msemmija fl-Artikolu 1(1), il-valutazzjoni ta' applikazzjonijiet sottomessi simultanjament minn istituzzjoniijet ta' kreditu sinifikanti kif ukoll inqas sinifikanti, li huma membri tal-istess IPS ibrida, għandhom isiru konġuntament mill-BĊE u l-NCA relevanti.

Artikolu 5

Tim ta' reviżjoni

1.   Għall-finijiet tal-koordinazzjoni tal-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet sottomessi simultanjament minn istituzzjoniijet ta' kreditu sinifikanti kif ukoll inqas sinifikanti, li huma membri tal-istess IPS ibrida, għandu jitwaqqaf tim ta' reviżjoni meta l-BĊE u l-NCA rilevanti jirċievu applikazzjonijiet għal permess jew deroga bis-saħħa tad-dispożizzjoni applikabbli tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

2.   Il-BĊE u l-NCA relevanti għandhom jaħtru superviżuri responsabbli għas-superviżjoni ta' kuljum tal-istituzzjonijiet ta' kreditu li jissottomettu l-applikazzjonijiet skont il-paragrafu 1 u membri tal-persunal li jwettqu sorveljanza ġenerali tal-funzjonament tas-sistema bħala membri tat-tim ta' reviżjoni. Il-kompożizzjoni tat-tim ta' reviżjoni u n-numru tal-membri tiegħu għandhom jiddependu fuq in-numru ta' membri IPS u l-importanza tal-istituzzjonijiet sinifikanti rilevanti.

3.   It-tim ta' reviżjoni għandu jibqa' fis-seħħ sakemm id-deċiżjonijiet relatati mal-applikazzjonijiet għall-permess jew għar-revoka jiġu adottati mill-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 6

Koordinaturi tat-tim ta' reviżjoni

1.   Il-BĊE u l-NCA li tkun responsabbli għas-superviżjoni diretta tal-membri tal-IPS rilevanti għandhom jaħtru kull wieħed koordinatur wieħed sabiex jiġġestixxi l-proċess ta' valutazzjoni fir-rigward tal-applikazzjonijiet.

2.   Jekk istituzzjonijiet sinifikanti li jiġu ssorveljati minn timijiet superviżorji konġunti differenti (JSTs) ikunu applikaw għall-istess permess jew deroga fost dawk elenkati fl-Artikolu 1(1), dawk il-JSTs jistgħu jiddeċiedu li jaħtru koordinatur komuni.

3.   Il-koordinaturi għandhom ikunu responsabbli biex jaqblu fuq skeda ta' żmien u l-azzjonijiet neċessarji sabiex tiġi żviluppata fehma komuni fi ħdan it-tim ta' reviżjoni.

Artikolu 7

Notifika ta' applikazzjoni u twaqqif ta' tim ta' reviżjoni

1.   Il-BĊE u l-NCA relevanti għandhom jinnotifikaw lil xulxin meta jirċievu kwalunkwe applikazzjoni minn istituzzjonijiet ta' kreditu sinifikanti u inqas sinifikanti, li huma membri ta' IPS ibrida.

2.   Meta jirċievu applikazzjonijiet sottomessi simultanjament il-BĊE u l-NCA għandhom jaħtru l-membri tagħhom tat-tim ta' reviżjoni.

Artikolu 8

Valutazzjoni tal-applikazzjonijiet

1.   Il-kompletezza u l-idonjetà tal-applikazzjonijiet għandhom jiġu vvalutati indipendentement mill-BĊE u l-NCA relevanti. Jekk tkun meħtieġa iktar informazzjoni għall-valutazzjoni ta' applikazzjonijiet speċifiċi, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu lill-applikant jipprovdi dik l-informazzjoni.

2.   Il-BĊE u l-NCA għandhom jagħmlu valutazzjoni preliminari tal-applikazzjonijiet rispettivi separatament.

3.   It-tim ta' reviżjoni għandu jiddiskuti l-eżitu preliminari tal-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet u jiftiehmu fuq l-eżitu finali, wara li jieħdu inkunsiderazzjoni kwalunkwe skadenza li tinsab fid-dritt amministrattiv nazzjonali jekk ikun xieraq.

4.   Jekk it-tim ta' reviżjoni jaqbel li l-applikazzjonijiet u l-qafas organizzattiv tal-IPS jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-dispożizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 1(1), għandu jħejji nota li tiddeskrivi l-eżitu tal-valutazzjoni u jikkonferma li r-rekwiżiti huma ssodisfatti. Il-valutazzjoni tat-tim ta' reviżjoni għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mill-BĊE u l-NCAs meta jadottaw d-deċiżjonijiet rispettivi tagħhom dwar jekk jagħtux permessi jew derogi.

5.   Jekk ma tkunx tista' tintlaħaq fehma komuni fit-tim ta' reviżjoni dwar il-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet, il-kwistjoni tista' tintbagħat quddiem il-Bord Superviżorju għad-diskussjoni. Ir-riżultat tad-diskussjoni tal-Bord Superviżorju huwa mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tal-BĊE u tan-NCA li jiddeċiedu jagħtux permess jew deroga.

Artikolu 9

Deċiżjonijiet

1.   L-abbozz ta' deċiżjonijiet ippreparati mill-BĊE u l-NCA relevanti bbażati fuq l-eżiti miftiehma tal-valutazzjoni konġunta għandhom jintbagħtu għall-approvazzjoni lill-korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet rilevanti, jiġifieri l-Kunsill Governattiv tal-BĊE għal applikazzjonijiet sottomessi minn istituzzjoni ta' kreditu sinifikanti u l-korpi tan-NCAs rilevanti li jieħdu deċiżjonijiet għal applikazzjonijiet sotomessi minn istituzzjonijiet ta' kreditu inqas sinifikanti.

2.   Dawn id-deċiżjonijiet għandhom jispeċifikaw ir-rekwiżiti ta' rappurtar għall-finijiet tal-monitoraġġ kontinwu tal-membri tal-IPS mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rekwiżiti addizzjonali li l-BĊE u l-NCA relevanti jistgħu jimponu fuq istituzzjoni ta' kreditu matul il-monitoraġġ.

KAPITOLU III

MONTORAĠĠ IPS

Artikolu 10

Koordinazzjoni tal-monitoraġġ

1.   Il-BĊE u l-NCA responsabbli għas-superviżjoni ta' membru IPS tiegħu għandhom jimmonitorjaw f'intervalli regolari l-adegwatezza tas-sistemi IPS għall-monitoraġġ u l-klassifikazzjoni tar-riskju bis-saħħa tal-Artikolu 113(7)(c) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u li l-IPS tagħmel ir-reviżjoni tar-riskju tagħha stess bis-saħħa tal-Artikolu 113(7)(d) tiegħu.

2.   Sabiex jiġi żgurat approċċ konsistenti għall-monitoraġġ u l-applikazzjoni ta' standards għoljin ta' superviżjoni il-BĊE u l-NCA relevanti għandhom jikkoordinaw l-attivitajiet ta' monitoraġġ tagħhom. Għal dan l-iskop, għandhom jiġu prodotti listi aġġornati ta' membri tal-persunal mill-BĊE u l-NCA.

3.   Il-BĊE u l-NCA għandhom jaqblu fuq kwalunkwe skadenza u azzjoni għall-finijiet tal-monitoraġġ. Il-monitoraġġ għandu jsir tal-inqas kull sena, wara li jsiru disponibbli r-rapporti finanzjarji konsolidati jew aggregati mis-sena finanzjarja ta' qabel, ippreparati bis-saħħa tal-Artikolu 113(7)(e) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

Artikolu 11

Monitoraġġ

1.   Il-BĊE u l-NCA relevanti għandhom, fil-kompetenzi rispettivi tagħhom, jagħmlu ġeneralment monitoraġġ permezz ta' attivitajiet mhux fis-sit. Meta jkun meħtieġ, il-BĊE u l-NCA relevanti jistgħu, fil-kompetenzi rispettivi tagħhom, jiddeċiedu li jagħmlu spezzjonijiet mmirati fis-sit fl-istituzzjonijiet ta' kreditu, li huma membri tal-IPSs, sabiex jivvalutaw l-konformità kontinwata tagħhom mal-kundizzjonijiet għall-permessi u d-derogi msemmija fl-Artikolu 1(1).

2.   Għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-IPS il-BĊE u l-NCA għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni superviżorja disponibbli fuq il-membri IPS, bħar-reviżjoni superviżorja u r-riżultati tal-proċess ta' valutazzjoni u r-rapportar superviżorju regolari.

3.   Il-BĊE u l-NCA għandhom ta' kull sena jirrevedu r-rapport konsolidat/aggregat meħtieġ bis-saħħa tal-Artikolu 113(7)(e) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, filwaqt li jagħtu attenzjoni b'mod partikoli għall-fondi IPS disponibbli.

Artikolu 12

Monitoraġġ tal-eżiti

1.   Il-BĊE u l-NCA rilevanti għandhom jiftiehmu fuq ir-riżultati u l-konklużjonijiet tal-monitoraġġ u, fejn ikun rilevanti, fuq kull miżura ta' aġġornament neċessarja, inkluża intensifikazzjoni tal-monitoraġġ.

2.   Jekk ma tkunx tista' tintlaħaq fehma komuni bejn il-BĊE u l-NCA relevanti, il-kwistjoni tista' tintbagħat quddiem il-Bord Superviżorju għad-diskussjoni. Ir-riżultat tad-diskussjoni tal-Bord Superviżorju huwa mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tal-BĊE u tan-NCA għas-superviżjoni prudenzjali tal-membri IPS rispettivi.

3.   Jekk hemm elementi li jindikaw li r-rekwiżiti tad-dispożizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 1(1) ma humiex iktar ssodisfatti u li l-eliġibbiltà tal-IPS jew uħud mill-membri tagħha u/jew il-permess jew derogi mogħtija jista' jkollhom jiġu kkunsidrati mill-ġdid, il-BĊE u l-NCA għandhom jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom li tista' tinkludi, kif ikun adatt, ir-revoka jew l-assenza ta' applikazzjoni tal-permessi u/jew derogi.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 13

Destinatarji

Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-awtoritajiet kompetenti tal-MSU.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ u implimentazzjoni

1.   Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lill-awtoritajiet kompetenti tal-MSU.

2.   L-awtoritajiet kompetenti MSU għandhom jikkonformaw ma' din il-Linja Gwida mit-2 ta' Diċembru 2016.

Magħmul fi Frankfurt am Main, l-4 ta' Novembru 2016.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.

(3)  ĠU L 11, 17.1.2015, p. 1.

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma' awtoritajiet nazzjonali nominati (Regolament Qafas tal-MSU) (BĊE/2014/17) (ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1).

(5)  Linja Gwida (UE) 2016/1994 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta' Novembru 2016 dwar l-approċċ għar-rikonoxximent ta' skemi ta' protezzjoni istituzzjonali għall-finijiet prudenzjali mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti bis-saħħa tar- Regolament (UE) Nru 575/2013 (BĊE/2016/38) (ara l-paġna 37 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(6)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).


Fuq