EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32016O0001

Linja Gwida (UE) 2016/256 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-5 ta' Frar 2016 dwar l-estensjoni tar-regoli komuni u l-istandards minimi għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni statistika miġbura mill-Bank Ċentrali Ewropew megħjun mill-banek ċentrali nazzjonali għall-awtorità nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri parteċipanti u għall-Bank Ċentrali Ewropew fil-funzjonijiet superviżorji tiegħu (BĊE/2016/1)

ĠU L 47, 24.2.2016, p. 16–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument Fis-seħħ

ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2016/256/oj

24.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 47/16


LINJA GWIDA (UE) 2016/256 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-5 ta' Frar 2016

dwar l-estensjoni tar-regoli komuni u l-istandards minimi għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni statistika miġbura mill-Bank Ċentrali Ewropew megħjun mill-banek ċentrali nazzjonali għall-awtorità nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri parteċipanti u għall-Bank Ċentrali Ewropew fil-funzjonijiet superviżorji tiegħu (BĊE/2016/1)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 127(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal- 15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) flimkien mal-Artikolu 6(7) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 5.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew jeħtieġ li l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), assistit mill-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi), jiġbor mingħand l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew direttament mingħand aġenti ekonomiċi l-informazzjoni statistika li hija meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ).

(2)

L-Artikolu 8(3) tar-Regolament tal-KunsIll (KE) Nru 2533/98 (2) jeħtieġ li l-membri tas-SEBĊ jieħdu l-miżuri kollha regolatorji, amministrattivi, tekniċi u organizzattivi li jkunu meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni fiżika u loġika ta' informazzjoni statistika kunfidenzjali. Għal dan il-fini, il-BĊE għandu jiddefinixxi regoli komuni u jimplimenta standards minimi biex jipprevjeni l-iżvelar illegali u l-użu mhux awtorizzat ta' informazzjoni statistika kunfidenzjali.

(3)

Il-Linja Gwida BĊE/1998/NP28 tal-Bank Ċentrali Ewropew (3) tistabbilixxi r-regoli komuni u l-istandards minimi meħtieġa mill-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 2533/98, li jiżguraw livell bażiku ta' protezzjoni ta' informazzjoni statistika kunfidenzjali miġbura mill-BĊE.

(4)

Wara l-istabbiliment tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU), ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/373 (4) emenda l-Artikolu 8(1)(d) u l-Artikolu 8(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 billi ppermetta t-trasmissjoni u l-użu ta' informazzjoni statistika kunfidenzjali, għat-twettiq ta' kompiti fil-qasam tas-superviżjoni prudenzjali mogħtija lill-membri tas-SEBĊ. L-ipproċessar ta' informazzjoni kunfidenzjali mill-membri tas-SEBĊ għandu jkun soġġett għal protezzjoni xierqa tal-kunfidenzjalità, kif meħtieġ taħt l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 2533/98.

(5)

Barra minn hekk, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/373 daħħal Artikolu 8(4a) ġdid fir-Regolament (KE) Nru 2533/98 li jippermetti lis-SEBĊ biex jibgħat informazzjoni statistika kunfidenzjali lill-awtoritajiet jew korpi tal-Istati Membri responsabbli għas-superviżjoni ta' istituzzjonijiet, swieq u infrastrutturi finanzjarji sal-grad u l-livell ta' dettall meħtieġa għat-twettiqa tal-kompiti rispettivi tagħhom. L-awtoritajiet jew il-korpi li jirċievu informazzjoni statistika kunfidenzjali għandhom jieħdu l-miżuri kollha regolatorji, amministrattivi, tekniċi u organizzattivi meħtieġa sabiex jiżguraw il-protezzjoni fiżika u loġika ta' informazzjoni statistika kunfidenzjali.

(6)

Il-Linja Gwida BĊE/1998/NP28 tispeċifika l-obbligi tal-membri tas-SEBĊ fir-rigward tat-trattament ta' informazzjoni statistika kunfidenzjali fir-rigward tal-kompiti tagħhom barra l-MSU. L-istess livell ta' protezzjoni għandu jiġi żgurat fit-trasmissjoni u l-użu sussegwenti ta' informazzjoni statistika kunfidenzjali kemm fir-rigward tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (ANK) tal-Istati Membri li jipparteċipaw fl-MSU, inklużi l-BĊNi fir-rigward tal-funzjoni tagħhom bħala ANK, u l-BĊE fit-twettiq tal-kompiti tiegħu taħt ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

(7)

L-Artikolu 6(7) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jagħti s-setgħa lill-BĊE, f'konsultazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, u fuq il-bażi ta' proposta mill-Bord Superviżorju, li jadotta u jagħmel pubbliku qafas għall-organizzazzjoni tal-arranġamenti prattiċi għall-implimentazzjoni ta' dak l-Artikolu, li inter alia jipprovdi li l-BĊE huwa responsabbli għall-funzjonament effettiv u konsistenti tal-MSU,

ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din il-Linja Gwida, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

“informazzjoni statistika kunfidenzjali” tfisser informazzjoni statistika li hija ddefinita bħala kunfidenzjali skont l-Artikolu 1(12) tar-Regolament (KE) Nru 2533/98 u li nġabret skont id-dispożizzjonijiet u għall-finijiet iddelineati f'dak ir-Regolament;

2.

“miżuri ta' protezzjoni” tfisser proċeduri xierqa għall-protezzjoni, kemm loġika kif ukoll fiżika, ta' informazzjoni statistika kunfidenzjali;

3.

“miżuri ta' protezzjoni loġika” ifissru miżuri ta' protezzjoni li jipprevjenu aċċess mingħajr awtorizzazzjoni għall-informazzjoni statistika kunfidenzjali nfisha;

4.

“miżuri ta' protezzjoni fiżika” ifissru miżuri ta' protezzjoni li jipprevjenu aċċess mingħajr awtorizzazzjoni għal żona fiżika u għal mezzi fiżiċi;

5.

“żona fiżika” tfisser kwalunkwe parti ta' binja fejn ikunu jinsabu l-mezzi fiżiċi li fuqhom tkun miżmuma informazzjoni statistika kunfidenzjali jew li permezz tagħhom tiġi trasmessa;

6.

“mezzi fiżiċi” tfisser kopji stampati (karti) u apparat tal-kompjuter (inklużi periferali u mezzi fejn tinħażen id-dejta) li fuqhom tinħażen jew tiġi pproċessata informazzjoni statistika kunfidenzjali;

7.

“awtorità nazzjonali kompetenti” għandha t-tifsira mogħtija fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013;

8.

“aġent li jirrapporta” għandha l-istess tifsira mogħtija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 2533/98.

Artikolu 2

Protezzjoni loġika

1.   Il-BĊE u l-ANK għandhom jiddefinixxu u jimplimentaw individwalment regoli ta' awtoritazzjoni u miżuri ta' protezzjoni loġika li jirregolaw l-aċċess tal-persunal tagħhom għal informazzjoni statistika kunfidenzjali.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-kontinwità tal-funzjoni tal-amministrazzjoni tas-sistema, il-miżura ta' protezzjoni minima li għandha tiġi implimentata għandha tkun identifikatur uniku għall-utent u password personalizzata.

3.   Għandha tittieħed kull miżura xierqa sabiex jiġi żgurat li informazzjoni statistika kunfidenzjali tkun irranġata b'tali mod li kwalunkwe dejta ppubblikata tkopri ta' mill-inqas tliet aġenti ekonomiċi. Meta aġent ekonomiku wieħed jew tnejn ikunu jirrappreżentaw proporzjon kbir biżżejjed ta' kwalunkwe osservazzjoni sabiex ikunu indirettament identifikabbli, id-dejta ppubblikata għandha tkun irranġata b'tali mod sabiex tiġi evitata l-identifikazzjoni indiretta tagħhom. Dawn ir-regoli m'għandhomx japplikaw jekk l-aġenti li jirrapportaw jew il-persuni ġuridiċi, persuni fiżiċi, entitajiet jew fergħat oħrajn li jistgħu jiġu identifikati jkunu taw il-kunsens espliċitu tagħhom għall-iżvelar.

Artikolu 3

Protezzjoni fiżika

Il-BĊE u l-ANK għandhom jiddefinixxu u jimplimentaw individwalment regoli ta' awtorizzazzjoni u miżuri ta' protezzjoni fiżika li jirregolaw l-aċċess tal-persunal tagħhom għal kwalunkwe żona fiżika, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' din il-Linja Gwida.

Artikolu 4

Aċċess minn terzi

F'każ li xi terza persuna jkollha aċċess għal informazzjoni statistika kunfidenzjali b'mod konformi mal-Artikolu 8(4a) tar-Regolament (KE) Nru 2533/98, il-BĊE u l-ANK għandhom jiżguraw permezz ta' mezzi xierqa, fejn possibbli permezz ta' kuntratt, li r-rekwiżiti ta' kunfidenzjalità kif preskritti fir-Regolament (KE) Nru 2533/98 u f'din il-Linja Gwida jiġu osservati mit-terza persuna.

Artikolu 5

Trasmissjoni ta' dejta u netwerks

1.   Fejn ikun jippermetti l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 2533/98, informazzjoni statistika kunfidenzjali għandha tintbagħat extra muros b'mezzi elettroniċi, wara kriptaġġ.

2.   Il-BĊE u l-ANK għandhom jiddefinixxu individwalment regoli ta' awtorizzazzjoni għal dik it-trasmissjoni ta' informazzjoni statistika kunfidenzjali.

3.   Għal netwerks interni, miżuri ta' protezzjoni xierqa għandhom jittieħdu sabiex jiġi evitat aċċess mingħajr awtorizzazzjoni.

4.   Aċċess interattiv għal informazzjoni statistika kunfidenzjali minn netwerks mhux protetti għandu jkun ipprojbit.

Artikolu 6

Dokumentazzjoni u kuxjenza tal-persunal

Il-BĊE u l-ANK għandhom jiżguraw li r-regoli u l-proċeduri tagħhpom kollha relatati mal-protezzjoni ta' informazzjoni statistika kunfidenzjali jkunu ddokumentati, u li din id-dokumentazzjoni tinżamm aġġornata. Il-persunal invlut għandu jkun infurmat dwar l-importanza tal-protezzjoni ta' informazzjoni statistika kunfidenzjali u jinżamm aġġornat dwar ir-regoli u l-proċeduri kollha li jaffettwaw il-ħidma tagħhom.

Artikolu 7

Rapportar

1.   L-ANK għandhom jinfurmaw lill-BĊE ta' mill-inqas darba fis-sena dwar kwalunkwe problema li jkunu esperjenzaw sa mill-aħħar rapport, azzjonijiet meħuda b'risposta għal dawn il-problemi u titjib ippjanat fir-rigward tal-protezzjoni ta' informazzjoni statistika kunfidenzjali. Il-BĊE għandu jfassal ukoll rapport li jkopri l-istess kwistjonijiet ta' mill-inqas darba fis-sena.

2.   Il-Kunsill Governattiv għandu jevalwa l-implimentazzjoni ta' din il-Linja Gwida ta' mill-inqas darba fis-sena. Bi preparazzjoni għal dik il-valutazzjoni, il-BĊE għandu jiġi infurmat bir-regoli ta' awtorizzazzjoni u t-tipi ta' miżuri ta' protezzjoni applikati mill-ANK kif imsemmi f'Artikoli 2, 3 u 5 ta' din il-Linja Gwida. Il-BĊE għandu jirrapporta lill-Kunsill Governattiv dwar l-applikazzjoni ta' dawk ir-regoli u l-miżuri ta' protezzjoni kemm mill-ANK kif ukoll mill-BĊE.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ u implimentazzjoni

1.   Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ mill-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   L-ANK u l-BĊE għandhom jiżguraw li d-dispożizzjonijiet ta' din il-Linja Gwida japplikaw ukoll għall-memri tal-korpi tagħhom li jieħdu d-deċiżjonijiet.

3.   Il-BĊE u l-ANK għandhom jimmiraw sabiex, sa fejn ikun legalment fattibbli, jestendu l-obbligi ddefiniti fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' din il-Linja Gwida għal persuni involuti fit-twettiq ta' kompiti superviużorji li mhumiex membri tal-persunal.

Artikolu 9

Destinatarji

Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-ANK, u lill-BĊE fit-twettiq tal-kompiti tiegħu taħt ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013, f'kull każ inkwantu jirċievu informazzjoni statistika kunfidenzjali mis-SEBĊ.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-5 ta' Frar 2016.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta' Novembru 1998 dwar il-poter tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 19-22).

(3)  Linja Gwida BĊE/1998/NP28 tat-22 ta' Diċembru 1998 dwar ir-regoli komuni u l-istandards minimi għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal- informazzjoni statistika individwali miġbura mill-Bank Ċentrali Ewropew megħjun mill-banek ċentrali nazzjonali (ĠU L 55, 24.2.2001, p. 72).

(4)  Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/373 tal-5 ta' Marzu 2015 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2533/98 dwar il-ġbir ta' tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 64, 7.3.2015, p. 6).


Fuq