EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32016D0002

Deċiżjoni (UE) 2016/245 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-9 ta' Frar 2016 li tistabbilixxi r-regoli dwar l-akkwisti (riformulazzjoni) (BĊE/2016/2)

ĠU L 45, 20.2.2016, p. 15–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument Fis-seħħ: Danl-attinbidel. Verżjoni kkonsolidata kurrenti: 01/05/2020

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/245/oj

20.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 45/15


DEĊIŻJONI (UE) 2016/245 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tad-9 ta' Frar 2016

li tistabbilixxi r-regoli dwar l-akkwisti (BĊE/2016/2)

(riformulazzjoni)

IL-BORD EŻEKUTTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikolu 11.6 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni BĊE/2004/2 tad-19 ta' Frar 2004 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (1), u partikolarment l-Artikolu 19 tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni BĊE/2007/5 (2) ġiet emendata bosta drabi u nbidlet b'mod konsiderevoli fis-sustanza tagħha. Peress li għandhom isiru emendi ulterjuri, għandha tkun riformulata fl-interessi taċ-ċarezza.

(2)

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) huwa impenjat li jħares il-prinċipju tal-effiċjenza fl-infiq u jfittex l-aħjar valur għall-flus minfuqin mill-akkwist ta' prodotti, servizzi u xogħlijiet.

(3)

Id-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) ġiet issostitwita bid-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal- Kunsill (4). La din id-Direttiva u lanqas ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) ma japplika għall-BĊE.

(4)

Il-BĊE jirrispetta l-prinċipji ġenerali tal-liġi dwar l-akkwisti kif riflessa fid-Direttiva 2014/24/UE u r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

(5)

L-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1 li jiddetermina l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (6) jipprovdi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jistipulaw fir-regoli ta' proċedura tagħhom liema lingwi minn fost il-lingwi uffiċjali għandhom jintużaw f'każijiet speċifiċi.

(6)

Id-Deċiżjoni BĊE/2008/17 (7) tistabbilixxi l-qafas għall-akkwisti konġunt tal-Eurosistema,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

KAPITOLU I

REGOLI ĠENERALI

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“kuntratti” tfisser kuntratti għall-interess monetarju konklużi bil-miktub bejn il-BĊE u fornitur wieħed jew iżjed u li għandhom bħala s-suġġett tagħhom l-eżekuzzjoni ta' xogħlijiet, il-provvista ta' prodotti jew il-provvista ta' servizzi;

(2)

“kuntratti ta' provvista” tfisser kuntratti li għandhom bħala s-suġġett tagħhom ix-xiri, il-kiri jew ix-xiri bin-nifs, b'għażla ta' xiri jew mingħajrha, ta' prodotti. Kuntratt li għandu bħala s-suġġett tiegħu l-provvista ta' prodotti u li jkopri wkoll, inċidentalment, operazzjonijiet ta' tqegħid u installazzjoni għandu jitqies bħala “kuntratt ta' provvista”;

(3)

“servizzi ta' kuntratt” tfisser kuntratti minbarra dawk imsemmija fil-punt (2) li s-suġġett tagħhom ikun il-forniment ta' servizzi. Kuntratt li s-suġġett tiegħu ikun il-forniment ta' servizzi inklużi attivitajiet li għandhom x'jaqsmu ma' xogħlijiet li huma biss inċidentali għas-suġġett prinċipali tal-kuntratt għandu jitqies bħala kuntratt ta' servizz;

(4)

“kuntratti ta' xogħlijiet”, minbarra dawk imsemmija fil-punti (2) u (3), tfisser kuntratti li s-suġġett tagħhom ikun jew l-eżekuzzjoni, jew kemm id-disinn kif ukoll l-eżekuzzjoni, ta' xogħlijiet. “Biċċa xogħol” tfisser l-eżitu ta' xogħlijiet ta' kostruzzjoni jew inġinerija ċivili meħudin bħala ħaġa waħda li hija suffiċjenti fiha nnifisha biex taqdi funzjoni ekonomika jew teknika;

(5)

“kuntratti ta' konċessjoni” tfisser kuntratti li s-suġġett tagħhom ikun jew il-forniment ta' servizzi jew l-eżekuzzjoni ta' xogħlijiet, li l-premju għalihom ikun jikkonsisti prinċipalment f'permess mogħti mill-BĊE biex jiġu sfruttati dawk ix-xogħlijiet jew li jiġu pprovduti servizzi lil oħrajn;

(6)

“riżultati” tfisser ix-xogħlijiet li għandhom jitwettqu, is-servizzi li għandhom jiġu pprovduti jew il-prodotti li għandhom jiġu fornuti taħt kuntratt;

(7)

“sħubija għall-innovazzjoni” tfisser proċedura li fiha kwalunkwe fornitur jista' jitlob li jipparteċipa u fejn il-BĊE jistabbilixxi sħubija ma' kandidat wieħed jew aktar li jitħalla jipparteċipa f'dik il-proċedura bil-għan li jiġu żviluppati u mixtrija prodotti, servizzi jew xogħlijiet innovattivi;

(8)

“sistema ta' xiri dinamika” tfisser proċess kompletament elettroniku għax-xiri tal-prodotti li jintużaw bl-aktar mod komuni, li l-karatteristiċi tagħha, kif tinsab ġeneralment fis-suq, tissodisfa l-ħtiġijiet tal-BĊE;

(9)

“ftehim qafas” tfisser ftehim bejn il-BĊE u fornitur wieħed jew iżjed, li l-iskop tiegħu huwa li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li jirregolaw il-kuntratti speċifiċi li għandhom jingħataw matul perjodu definit, b'mod partikolari fir-rigward tal-prezz u, fejn xieraq, il-kwantità maħsuba;

(10)

“fornitur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika jew entità pubblika jew grupp ta' dawn il-persuni u/jew entitajiet li joffru fis-suq l-eżekuzzjoni ta' xogħlijiet, il-provvista ta' prodotti jew il-forniment ta' servizzi;

(11)

“kandidat” tfisser fornitur li jkun bagħat applikazzjoni biex jipparteċipa fi proċedura ristretta jew innegozjata, djalogu kompetittiv jew sħubija ta' innovazzjoni;

(12)

“offerent” tfisser fornitur li jkun ippreżenta offerta;

(13)

“kuntratti għal riċerka u żvilupp fil-qasam tas-sigurtà tal-karti tal-flus” tfisser kuntratti marbutin ma' xogħol teoretiku jew sperimentazzjoni prattika, analiżi jew riċerka li jsiru taħt kundizzjonijiet ikkontrollati jew:

għall-akkwist ta' tagħrif ġdid jew sabiex jiġu żviluppati materjali, proċessi ta' manifattura jew strumenti ġodda jew imtejba għall-ħolqien, il-produzzjoni, it-trasport, il-ħruġ, l-awtentikazzjoni jew il-qerda ta' karti tal-flus tal-euro, inklużi l-materjali li joħolqu dawn tal-aħħar, jew

sabiex tinbeda l-manifattura ta' materjali, prodotti jew strumenti ġodda jew imtejba għall-ħolqien, il-produzzjoni, it-trasport, il-ħruġ, l-awtentikazzjoni jew il-qerda ta' karti tal-flus tal-euro, inklużi l-materjali li joħolqu dawn tal-aħħar.

Kuntratti għal riċerka u żvilupp fil-qasam tas-sigurtà tal-karti tal-flus ma jinkludux kuntratti għall-istampar bi prova ta' karti tal-flus tal-euro;

(14)

“proċedura miftuħa” tfisser proċedura fejn il-fornitur interessat jista' jippreżenta offerta;

(15)

“proċedura ristretta” tfisser proċedura fejn kull fornitur jista' jitlob li jipparteċipa iżda jistgħu jagħmlu offerta biss dawk il-kandidati mistednin mill-BĊE;

(16)

“proċedura nnegozjata” tfisser proċedura li fiha l-BĊE jikkonsulta lill-fornituri li jagħżel hu u jinnegozja t-termini ta' kwalunkwe kuntratt ma' wieħed minnhom jew aktar minn wieħed;

(17)

“djalogu kompetittiv” tfisser proċedura fejn kull fornitur jista' jitlob li jipparteċipa u fejn il-BĊE jiddjaloga mal-kandidati ammessi f'dik il-proċedura, bil-għan li jiżviluppa alternattiva xierqa waħda jew aktar minn waħda li jistgħu jissodisfaw il-ħtiġijiet tiegħu;

(18)

“irkant elettroniku” tfisser proċess ripetittiv li jinvolvi sistema elettronika fejn jiġu ppreżentati prezzijiet ġodda, li jiġu rriveduti 'l isfel, u/jew valuri ġodda li jikkonċernaw ċerti elementi tal-offerti, li jseħħ wara valutazzjoni sħiħa inizjali tal-offerti, u li jippermetti li dawn jiġu kklassifikati bl-użu ta' metodi ta' valutazzjoni awtomatiċi;

(19)

“stedina għal offerta” tfisser l-istedina mibgħuta lill-kandidati jew fornituri biex jibagħtu offerta u li tispeċifika l-proċedura, il-ħtiġijiet tal-BĊE u l-pattijiet u l-kundizzjonijiet kuntrattwali;

(20)

“jiem” tfisser jiem tal-kalendarju;

(21)

“miktub” jew “bil-miktub” tfisser kwalunkwe espressjoni li tikkonsisti fi kliem jew figuri li jistgħu jinqraw, jiġu riprodotti jew ikkommunikati wara, inkluża informazzjoni mibgħuta u miżmuma permezz ta' mezzi elettroniċi;

(22)

“sejħa għal espressjoni ta' interess” tfisser proċedura biex tiġi stabbilita lista ta' fornituri adattati li jistgħu jiġu mistiedna biex jipparteċipaw fi proċeduri ta' akkwisti.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Il-BĊE għandu jagħti kuntratti ta' provvista, servizzi, xogħlijiet u konċessjoni f'ismu stess skont din id-Deċiżjoni.

2.   Il-BĊE jista' jwettaq ukoll skont din id-Deċiżjoni proċeduri konġunti ta' sejħiet għall-offerti f'ismu u f'isem bank ċentrali nazzjonali wieħed jew aktar minn wieħed (BĊNi) u/jew awtoritajiet superviżorji nazzjonali, istituzzjonijiet u korpi tal-Unjoni u/jew organizzazzjonijiet internazzjonali. F'dawk il-każijiet, il-BĊE għandu jispeċifika fid-dokumenti tas-sejħa għall-offerti: (a) l-awtoritajiet kontraenti l-oħrajn li jkunu qegħdin jipparteċipaw; u (b) l-istruttura prevista tar-relazzjonijiet kuntrattwali.

3.   Din id-Deċiżjoni ma għandhiex tapplika għal:

(a)

ftehimiet ta' kooperazzjoni:

(i)

li jservu t-twettiq tal-kompiti pubbliċi tal-Eurosistema jew tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali, li għalihom jidħlu l-BĊE u l-BĊNi; jew

(ii)

li jservu t-twettiq ta' kompiti pubbliċi. li għalihom jidħlu l-BĊE u istituzzjonijiet u korpi oħrajn tal-Unjoni, organizzazzjonijiet internazzjonali jew awtoritajiet pubbliċi;

fejn il-kooperazzjoni tkun irregolata esklużivalement minn kunsiderazzjonijiet relatati mal-interess pubbliku, b'mod partikolari l-kisba ta' objettivi komuni mhux ta' natura kummerċjali, u l-partijiet ikunu jwettqu inqas minn 20 % tal-attivitajiet relevanti fis-suq miftuħ;

(b)

proċeduri ta' akkwisti li fihom jipparteċipa l-BĊE li jkunu organizzati minn xi wieħed jew waħda minn dawn li ġejjin: (i) istituzzjonijiet u korpi tal-Unjoni; ii) organizzazzjonijiet internazzjonali; jew (iii) awtoritajiet pubbliċi, f'kull każ sakemm ir-regoli li jikkonċernaw dawn il-proċeduri ikunu skont il-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni dwar l-akkwisti;

(c)

l-akkwist ta' karti tal-flus, li huwa rregolat bil-Linja Gwida (UE) 2015/280 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/44) (8);

(d)

il-ħruġ, il-bejgħ, ix-xiri jew it-trasferiment ta' titoli jew strumenti finanzjarji oħrajn u servizzi finanzjarji b'rabta ma' dawn it-tranżazzjonijiet;

(e)

l-akkwist jew il-kiri, permezz ta' kwalunkwe mezz finanzjarju, ta' art, bini eżistenti jew propjeta immobbli oħra jew li jkun jikkonċerna drittijiet fuqhom;

(f)

kuntratti ta' impjieg bejn il-BĊE u l-persunal tiegħu konklużi skont il-Kundizzjonijiet ta' Impjieg tal-BĊE;

(g)

servizzi ta' arbitraġġ u konċiljazzjoni;

(h)

servizzi ta' riċerka u żvilupp sakemm il-benefiċċji relatati mas-servizzi ikunu esklużivament għall-użu tal-BĊE u s-servizzi pprovduti jkunu mħallsin għal kollox mill-BĊE;

(i)

kuntratti għal ħin ta' xandir jew forniment ta' programmi li jingħataw lil fornituri ta' servizzi tal-midja awdjoviżivi jew tar-radju;

(j)

kuntratti relatati mar-rappreżentanza legali tal-BĊE matul jew fit-tħejjija għal proċeduri tal-qrati jew ta' arbitraġġ u kuntratti għas-servizzi esklużivi ta' nutara, fiduċjarji u uffiċjali tal-qrati;

(k)

servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija jew bil-metro.

4.   Din id-Deċiżjoni m'għandhiex tapplika għal kuntratti bejn il-BĊE u persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat jew pubbliku li fuqha l-BĊE jeżerċita kontroll simili għal dak li jeżerċita fuq it-taqsimiet tax-xogħol tiegħu stess, fejn aktar minn 80 % tal-attivitajiet tal-persuna ġuridika jitwettqu fit-twettiq ta' kompiti fdati lilha mill-BĊE u ma jkun hemm ebda parteċipazzjoni kapitali privata diretta li tiżgura interess li jagħti kontroll lil dik il-persuna ġuridika.

5.   F'każijiet eċċezzjonali, il-BĊE jista' jwettaq proċeduri għall-għażla ta' persuni fiżiċi sabiex iservu bħala membri fuq bordijiet ta' konsulenza ta' livell għoli li jassistu lill-BĊE fit-twettiq tal-kompiti tiegħu. Dawk l-esperti għandhom jirċievu konċessjoni fissa ffissata minn qabel, li m'għandhiex teċċedi għal kull espert il-livell minimu stipulat fl-Artikolu 4(3)(a). Dawn għandhom jintgħażlu fuq il-bażi tal-kompetenza professjonali tagħhom, bl-użu ta' kriterji ta' għażla li jsegwu l-prinċipji ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 3. Il-BĊE jista' jadotta deċiżjoni speċifika li tistabbilixxi f'aktar dettall il-proċedura u l-kundizzjonijiet għall-għażla.

6.   Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għall-kuntratti li ġejjin li jkunu ssussidjati mill-BĊE b'aktar minn 50 %:

(a)

kuntratti ta' appalt li l-valur stmat tagħhom ikun, nett mill-VAT, daqs jew aktar mill-ammont tal-livell minimu stipulat fl-Artikolu 4(3) għal kuntratti ta' appalt, u li s-suġġett tagħhom ikun attivitajiet ta' inġinerija ċivili jew xogħol ta' kostruzzjoni għal faċilitajiet maħsuba biex jintuża għal skopijiet amministrattivi, sportivi, tas-saħħa, rikreattivi u ta' divertiment, jew bħala skejjel jew universitajiet;

(b)

kuntratti ta' servizz li huma marbuta ma' kuntratt ta' appalt imsemmi fil-punt (a) li l-valur stmat tagħhom, nett mill-VAT, ikun daqs jew aktar mill-ammont tal-livell minimu stipulat fl-Artikolu 4(3) għal kuntratti ta' appalt.

Il-BĊE għandu jiżgura li dawk il-kuntratti jingħataw skont din id-Deċiżjoni, anki jekk dawk il-kuntratti jingħataw minn entità oħra jew jekk il-BĊE jagħti dawk il-kuntratti f'isem entità oħra.

7.   Kuntratti mħallta li l-ambitu tagħhom jinkludi riżultati attribwibbli lil tipi differenti ta' kuntratti għandhom jingħataw skont ir-regoli u d-dispożizzjonijiet applikabbli għar-riżultat li jifforma s-suġġett ewlieni tal-kuntratt. Is-suġġett ewlieni ta' kuntratt imħallat għandu jiġi ddeterminat skont ir-riżultat bl-ogħla valur stmat, ħlief jekk ikun hemm ċirkustanzi eċċezzjonali li jeħtieġu li riżultat ieħor, minħabba l-kwalitajiet speċifiċi tiegħu, għandu jifforma s-suġġett ewlieni tal-kuntratt.

Artikolu 3

Prinċipji ġenerali

1.   Il-proċeduri ta' akkwisti għandhom jitwettqu skont il-prinċipji ġenerali tat-trasparenza u l-pubbliċità, il-proporzjonalità, l-aċċess ekwu u t-trattament ugwali, in-nondiskriminazzjoni u l-kompetizzjoni ġusta.

2.   Il-BĊE għandu jwettaq proċeduri ta' akkwist bl-Ingliż, ħlief jekk ikun hemm ċirkustanzi eċċezzjonali marbuta mal-proċedura jew mas-suġġett tal-kuntratt li jkunu jeħtieġu l-użu ta' lingwi differenti. Il-BĊE għandu jiddokumenta dawk iċ-ċirkostanzi.

Artikolu 4

Limiti minimi tal-valur tal-kuntratt

1.   Kuntratti li l-valur stmat tagħhom, nett mill-VAT, huwa daqs jew jaqbeż il-limitu ta' ammonti stabbilit fil-paragrafu 3, għandhom jingħataw skont il-proċeduri stipulati fil-Kapitolu II.

2.   Kuntratti li l-valur stmat tagħhom, nett mill-VAT, ikun inqas mill-ammonti tal-limitu minimu stipulati fil-paragrafu 3, għandhom jingħataw skont il-proċeduri stipulati fil-Kapitolu III. Kuntratti b'valur stmat ta' inqas minn EUR 20 000 għandhom jingħataw skont l-Artikolu 37.

3.   Il-limiti li ġejjin għandhom japplikaw:

(a)

EUR 209 000 għal kuntratti ta' provvista u servizz;

(b)

EUR 5 225 000 għal kuntratti ta' xogħol u kuntratti ta' konċessjoni.

Artikolu 5

Kalkolu tal-valur stmat ta' kuntratt

1.   Il-kalkolu tal-valur stmat ta' akkwist għandu jkun ibbażat fuq l-ammont totali pagabbli, mingħajr il-VAT, kif stmat mill-awtorità kontraenti, inkluż għal kull forma ta' għażla u kull tiġdid tal-kuntratti kif speċifikat fl-avviż tal-kuntratt. Il-kalkolu għandu jinkludi kosti anċillari, b'mod partikolari ħlasijiet ta' primjum, tariffi, imgħax, kummissjoniijiet, spejjeż u premji tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni, ħlasijiet u kwalunkwe forma oħra ta' remunerazzjoni li jkollha tingħata lil kandidati jew offerenti.

2.   L-istima għandha tkun valida fil-mument meta l-BĊE jiddeċiedi dwar it-tip ta' proċedura ta' akkwisti li għandha tintuża.

3.   L-ebda akkwist ma jista' jinqasam bl-intenzjoni li tiġi evitata l-applikazzjoni tal-proċeduri stipulati f'din id-Deċiżjoni. Il-kalkolu tal-valur stmat ta' kuntratt m'għandux isir bl-intenzjoni li jiġi eskluż mill-applikazzjoni tal-proċeduri stipulati fil-Kapitolu II jew fl-Artikolu 35.

4.   Il-kalkolu tal-valur stmat ta' kuntratti ta' xogħlijiet għandu jikkunsidra l-ispejjeż totali relatati mal-eżekuzzjoni tax-xogħol inkluż il-valur tal-prodotti meħtieġa biex jiġu eżegwiti x-xogħlijiet u mpoġġijin għad-dispożizzjoni tal-kuntrattur mill-BĊE. L-ispejjeż relatati mad-disinn u l-ippjannar tax-xogħol għandhom ikunu inklużi wkoll jekk jiffurmaw parti mill-kuntratt tax-xogħlijiet.

5.   Fir-rigward ta' kuntratti għall-provvista kontinwa ta' prodotti u servizzi, il-valur li għandu jittieħed bħala l-bażi għall-kalkolu tal-valur stmat tal-kuntratt għandu jkun, meta jkun xieraq, skont kif ġej:

(a)

fil-każ ta' kuntratti għal terminu fiss: il-valur totali għat-terminu sħiħ;

(b)

fil-każ ta' kuntratti mingħajr mingħajr terminu fiss: il-valur ta' kull xahar immultiplikat bi 48.

6.   Fil-każ ta' kuntratti ta' provvista, servizz jew xogħlijiet suċċessivi tal-istess tip, il-kalkolu tal-valur stmat tal-kuntratt għandu jkun ibbażat fuq il-valur totali attwali tal-kuntratti suċċessivi mogħtija matul it-12-il xahar ta' qabel. L-istima għandhatqis kwalunkwe bidla fil-kwantità jew fil-valur li tkun mistennija li ser isseħħ matul it-12-il xahar wara li jitlesta l-kuntratt inizjali.

7.   Jekk kuntratt jinqasam f'diversi lottijiet, jew jekk diversi kuntratti li għandhom jingħataw ikunu interrelatati mill-qrib u jkollhom l-istess objettiv, għandu jiġi kkunsidrat il-valur ikkombinat tal-lottijiet jew tal-kuntratti individwali kollha. Jekk il-valur ikkombinat ikun daqs jew jaqbeż l-ammonti tal-limitu minimu stabbilit fl-Artikolu 4(3), il-proċeduri preskritti fil-Kapitolu II ta' din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw għal-lottijiet u l-kuntratti kollha. Iżda l-BĊE jista' japplika l-proċedura stipulata fl-Artikolu 35 jew, jekk applikabbli, fl-Artikolu 37 fir-rigward ta' lottijiet u kuntratti individwali li l-valur stmat tagħhom ikun inqas minn EUR 80 000, nett mill-VAT, għal kuntratti ta' provvista u servizz u inqas minn EUR 1 miljun, nett mill-VAT, għal kuntratti ta' xogħlijiet, sakemm il-valur stmat totali tal-lottijiet kollha mogħtija skont il-proċeduri stipulati fl-Artikoli 35 u 37 ma jaqbiżx l-20 % tal-valur stmat totali tal-lottijiet kollha.

8.   Il-valur ta' sħubija għall-innovazzjoni għandu jiġi kkalkulat waqt li jitqies il-valur massimu stmat tal-VAT tal-attivitajiet ta' riċerka u żvilupp li jkollhom isiru matul l-istadji kollha tas-sħubija prevista kif ukoll tal-prodotti, is-servizzi jew ix-xogħlijiet li għandhom jiġu żviluppati u akkwistati fit-tmiem tas-sħubija prevista.

9.   Il-valur ta' ftehimiet qafas u sistemi ta' xiri dinamiċi għandu jiġi kkalkulat fuq il-bażi tal-valur massimu stmat, nett mill-VAT, tal-kuntratti kollha maħsubin għat-terminu kollu tal-ftehim qafas jew tas-sistema ta' xiri dinamika.

Artikolu 6

Eċċezzjonijiet

1.   Fil-każijiet li ġejjin il-BĊE jista' jiddevja minn rekwiżiti proċedurali speċifiċi jew jagħti kuntratt direttament lil fornitur wieħed:

(a)

meta, għal raġunijiet obbligatorji u skont kriterji objettivi, il-kuntratt jista' jingħata biss lil fornitur partikolari. Dawn ir-raġunijiet jistgħu jkunu ta' natura teknika, artistika jew legali, inkluż l-eżerċitar ta' drittijiet esklużivi stabbiliti skont il-liġi applikabbli, iżda mhux ta' natura ekonomika;

(b)

meta, għal raġunijiet ta' urġenza estrema maħluqa minn avvenimenti mhux prevedibbli għall-BĊE, l-iskadenzi għal proċedura ta' akkwist ma jkunux jistgħu jitħarsu;

(c)

meta l-BĊE ikun ikklassifika l-kuntratt bħala sigriet jew meta t-twettiq tal-kuntratt ikollu jiġi akkumpanjat minn miżuri speċjali tas-sigurtà, skont ir-regoli tal-BĊE dwar is-sigurtà jew meta l-protezzjoni tal-interessi essenzjali tal-BĊE tkun teħtieġ hekk. Kuntratti għal riċerka u żvilupp fil-qasam tas-sigurtà tal-karti tal-flus jeħtieġu miżuri speċjali tas-sigurtà u huma għalhekk eżenti mir-rekwiżiti stipulati f'din id-Deċiżjoni;

(d)

fil-każ ta' kuntratti ta' provvista meta l-prodotti involuti jkunu mmanifatturati sempliċiment għall-iskop ta' riċerka, esperimentazzjoni, studju jew żvilupp; din id-dispożizzjoni ma testendix għall-produzzjoni fil-kwantità biex tiġi stabbilita l-vijabbiltà kummerċjali jew biex jiġu rkuprati l-ispejjeż tar-riċerka u l-iżvilupp;

(e)

meta provvisti jinxtraw b'kundizzjonijiet li jkunu partikolarment vantaġġużi ħafna, jew minn fornitur li jkun qed jillikwida b'mod definittiv l-attivitajiet kummerċjali tiegħu, jew ir-riċevituri jew l-istralċjarji maħtura wara falliment, arranġament mal-kredituri, jew proċedura simili skont il-liġijiet jew regolamenti nazzjonali;

(f)

fil-każ ta' prodotti addizzjonali akkwistati taħt kuntratt ta' provvista li jissostitwixxu jew jestendu l-prodotti jew installazzjonijiet inizjali, meta bidla fil-fornitur twassal għal diffikultajiet sproporzjonati fit-tħaddim u l-manutenzjoni. It-tul ta' żmien ta' kuntratti relatati ma' dawk il-prodotti addizzjonali m'għandux jaqbeż it-tliet snin; u

(g)

f'każijiet oħrajn ipprovduti espressament f'din id-Deċiżjoni.

Fil-każijiet kollha stipulati fl-ewwel subparagrafu, il-BĊE għandu jżomm kompetizzjoni bejn bosta fornituri adattati kull meta dan ikun possibbli.

2.   Irrispettivament mill-valur tal-kuntratt, il-BĊE jista' jagħti kuntratt skont l-Artikolu 35 jekk is-suġġett ewlieni tal-kuntratt ikun wieħed mis-servizzi elenkati fl-Anness I.

Artikolu 7

Tul ta' żmien u estensjoni ta' kuntratti

1.   It-terminu ta' kuntratt inkluża kwalunkwe estensjoni m'għandux jaqbeż erba' snin, ħlief safejn is-suġġett tiegħu jew kwalunkwe raġuni leġittima oħra jkunu jiġġustifikaw żmien itwal.

2.   Jekk kuntratt jiġi konkluż għal żmien definit, it-terminu tiegħu jista' jiġi estiż għal aktar minn dak it-terminu inizjali skont il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-avviż tal-kuntratt jew, f'każ ta' proċedura taħt il-Kapitlu III, it-talba għal proposta, ikunu jipprovdu għall-possibbiltà ta' estensjoni;

(b)

l-estensjoni tkun debitament iġġustifikata; u

(c)

l-estensjonijiet ttieħdu inkunsiderazzjoni meta kienet qed tiġi ddeterminata l-proċedura applikabbli skont l-Artikolu 4.

3.   Altrimenti, it-terminu ta' kuntratt għal żmien definit jista' jiġi estiż biss fis-sitwazzjonijiet deskritti fl-Artikolu 6(1).

Artikolu 8

Prodotti, servizzi u xogħlijiet addizzjonali

1.   Il-BĊE jista' jordna mingħand il-kuntrattur inizjali prodotti, servizzi jew xogħlijiet addizzjonali, irrispettivament mill-valur tagħhom, sakemm:

(a)

id-dokumenti tas-sejħa għall-offerti jkunu jinkludu klawżoli ċari u preċiżi ta' reviżjoni jew opzjoni li jipprovdu għal prodotti, servizzi jew xogħlijiet addizzjonali; u

(b)

il-prodotti, servizzi u xogħlijiet addizzjonali kienu tqiesu meta ġie kkalkolat l-valur tal-kuntratt skont l-Artikolu 5.

Il-klawżoli għandhom jiddikjaraw il-kamp ta' applikazzjoni u n-natura ta' reviżjonijiet ew għażliet possibbli kif ukoll il-kundizzjonijiet li taħthom dawn jistgħu jintużaw. Dawn m'għandhomx jipprovdu għal reviżjonijiet jew għażliet li jibdlu n-natura ġenerali tal-kuntratt inizjali.

2.   Il-BĊE jista' jordna mingħand kuntrattur prodotti, servizzi jew xogħlijiet addizzjonali, irrispettivament mill-valur tagħhom, sakemm l-emendi meħtieġa għall-kuntratt inizjali ma jkunux sostanzjali. L-emendi għandhom jitqiesu bħala sostanzjali jekk ibiddlu n-natura ġenerali tal-kuntratt.

L-emendi huma preżunti li mhumiex sostanzjali jekk il-valur kumulattiv tagħhom jibqa' taħt (a) kemm il-livelli minimi stipulati fl-Artikolu 4(3), u (b) 10 % tal-valur inizjali tal-kuntratt għal kuntratti ta' provvista u servizz jew 15 % tal-valur tal-kuntratt inizjali għal kuntratti ta' appalt.

Kull emenda lil hinn minn dawn l-ammonti ta' limitu minimu għandha titqies bħala sostanzjali, b'mod partikolari meta tkun sodisfatta kundizzjoni waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)

l-emenda tintroduċi kundizzjonijiet li, kieku kienu parti mill-proċedura ta' akkwist inizjali, kienu jippermettu d-dħul ta' kandidati oħrajn minbarra dawk magħżula inizjalment, jew l-aċċettazzjoni ta' offerta oħra minbarra dik aċċettata oriġinarjament jew li kienu jattiraw parteċipanti addizzjonali fil-proċedura ta' akkwist;

(b)

l-emenda tbiddel il-bilanċ ekonomiku tal-kuntratt favur il-kuntrattur b'mod li ma kienx previst fil-kuntratt inizjali;

(c)

l-emenda testendi l-kamp ta' applikazzjoni tal-kuntratt b'mod konsiderevoli;

(d)

kuntrattur ġdid jissostitwixxi lil dak li jkun ingħata l-kuntratt inizjali f'każijiet minbarra dawk stipulati fil-paragrafu 4.

3.   Barra minn hekk, il-BĊE jista' jordna mingħand il-kuntrattur inizjali prodotti, servizzi jew xogħlijiet addizzjonali:

(a)

jekk il-prodotti, servizzi jew xogħlijiet isiru neċessarji minħabba ċirkustanzi li l-BĊE, waqt li jaġixxi b'mod diliġenti, ma setax jipprevedi, sakemm l-emenda ma tbiddilx in-natura ġenerali tal-kuntratt inizjali; jew

(b)

jekk il-prodotti, is-servizzi u x-xogħlijiet addizzjonali ma jkunux jistgħu teknikament jew ekonomikament jiġu separati mill-kuntratt inizjali mingħajr inkonvenjent kbir jew duplikazzjoni sostanzjali tal-ispejjeż.

Madankollu, il-valur tal-prodotti, servizzi u xogħlijiet addizzjonali f'kull każ individwali m'għandux jaqbeż il-50 % tal-valur inizjali tal-kuntratt.

4.   Kuntratt jista' jiġi emendat billi jiġi ssostitwit il-kuntrattur li lilu kien ingħata b'kuntrattur ieħor, bħala konsegwenza jew ta':

(a)

klawsola inekwivoka, ċara u preċiża ta' reviżjoni jew ta' għażla;

(b)

is-suċċessjoni universali jew parzjali fil-pożizzjoni tal-kuntrattur inizjali, wara operazzjonijiet ta' ristrutturar korporattiv, inkluż teħid tal-kontropll, fużjoni, akkwist jew insolvenza, ta' fornitur ieħor li jissodisfa l-istes kriterji kif kienu applikati inizjalment għall-għażla tal-kuntrattur inizjali, dejjem jekk din ma twassalx għal emendi sostanzjali oħrajn għall-kuntratt u ma jkollhiex l-għan li tevita l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni; jew

(c)

il-BĊE jassumi l-obbligi lejn is-subkuntratturi tal-kuntrattur, inkluż l-obbligu li jsiru ħlasijiet direttament lis-subkuntratturi, fejn dan ikun ipprovdut fil-kuntratt.

5.   B'rabta ma' kuntratti inizzjali mogħtija skont il-Kapitolu II, il-BĊE għandu jippubblika avviż fil-Ġurnal Uffiċjali dwar kwalunkwe ordni ta' prodotti, servizzi jew xogħlijiet addizzjonali skont il-paragrafu 3 jekk il-valur totali tal-prodotti, servizzi jew xogħlijiet addizzjonali ordnati taħt dak il-kuntratt ikun jaqbeż il-50 % tal-valur tal-kuntratt inizjali.

6.   Jekk ebda waħda mill-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 1 sa 4 ma tiġi sodisfatta, kuntratti għal prodotti, servizzi jew xogħlijiet addizzjonali jistgħu jingħataw biss skont l-Artikoli 4 u 6 ta' din id-Deċiżjoni.

KAPITOLU II

PROĊEDURI TA' SEJĦIET GĦAL OFFERTI PUBBLIĊI

Artikolu 9

Ħarsa ġenerali

1.   Il-BĊE għandu jagħti kuntratti li l-valur stmat tagħhom jaqbeż l-ammonti tal-limiti minimi stipulati fl-Artikolu 4(3) permezz ta' proċedura miftuħa. F'każijiet ġustifikati l-BĊE jista' japplika proċedura ristretta, proċedura nnegozjata, djalogu kompetittiv jew sħubija għall-innovazzjoni, skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 11 sa 14.

2.   Il-BĊE jista' jistabbilixxi ftehim ta' qafas jew sistemi ta' xiri dinamiku u jagħti kuntratti fuq dik il-bażi skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 18 u 19 rispettivament.

3.   Il-proċeduri stipulati fil-paragrafi 1 u 2 jistgħu jiġu ssupplimentati b'irkant elettroniku kif deskritt fl-Artikolu 16.

4.   Il-BĊE jista' jniedi wkoll kompetizzjonijiet ta' disinn. Il-proċedura għal kompetizzjoni ta' disinn għandha tiġi stipulata fl-avviż tal-kompetizzjoni ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali. Dan għandu jikkonforma mal-prinċipji ġenerali għal kompetizzjonijiet ta' disinn, inklużi l-pubbliċità, it-trasparenza u n-nondiskriminazzjoni, u l-integrità u l-indipendenza tal-ġurija tal-kompetizzjoni. Il-kriterji li għandhom jintużaw f'kompetizzjonijiet tad-disinn jinkludu, b'mod partikolari, kriterji relatati mal-valur artistiku ta' kunċett ta' disinn u l-konformità tiegħu mal-baġit.

5.   Il-BĊE għandu jagħti kuntratti ta' konċessjoni b'mod konformi mal-Artikolu 20 u l-prinċipji ġenerali stipulati fl-Artikolu 3. Il-proċedura tal-għoti tal-kuntratt għandha tiġi stipulata fl-avviż tal-kuntratt.

TAQSIMA 1

Tipi ta' proċedura u kif għandha titmexxa l-proċedura

Artikolu 10

Proċedura miftuħa

1.   Mal-pubblikazzjoni ta' avviż ta' kuntratt, il-fornituri kollha interessati jistgħu jitolbu l-istedina għal offerti jekk ma tkunx disponibbli b'mod elettroniku. Il-BĊE għandu jipprovdi l-istedina għal offerti fi żmien sitt ijiem minn meta jirċievi t-talba, sakemm it-talba tkun saret biżżejjed żmien qabel it-terminu biex jintbagħtu l-offerti.

2.   Fornituri interessati għandhom jibagħtu l-offerta tagħhom sal-iskadenza ffissata mill-BĊE u jinkludu d-dokumentazzjoni kollha mitluba mill-BĊE.

3.   Il-BĊE għandu jagħti l-kuntratt lill-offerent li l-offerta tiegħu tissodisfa bl-aħjar mod il-kriterji tal-għoti stabbiliti fl-avviż ta' kuntratt jew l-istedina għal offerti.

Artikolu 11

Proċedura ristretta

1.   Il-BĊE jista' japplika l-proċedura ristretta jekk:

(a)

il-ħtiġijiet tal-BĊE jistgħu jiġu ddefiniti f'tant dettall li l-offerti jistgħu jitqabblu ma' xulxin u l-kuntratt jista' jingħata mingħajr negozjati mal-offerenti; u

(b)

ikun meħtieġ li jiġi ristrett in-numru ta' offerti għal raġunijiet amministrattivi jew minħabba n-natura tal-akkwist.

2.   Mal-pubblikazzjoni ta' avviż ta' kuntratt, il-fornituri interessati jistgħu japplikaw biex jipparteċipaw fil-proċedura ristretta. Huma għandhom jibagħtu l-applikazzjoni tagħhom sal-iskadenza speċifikata fl-avviż ta' kuntratt u jipprovdu d-dokumentazzjoni mitluba mill-BĊE.

3.   Il-BĊE għandu jivverifika l-eliġibbiltà tal-kandidati u jivvaluta l-applikazzjonijiet skont il-kriterji tal-għażla stabbiliti fl-avviż ta' kuntratt. Il-BĊE għandu jistieden tal-anqas ħames kandidati eliġibbli li jissodisfaw l-kriterji tal-għażla biex jibagħtu offerta, sakemm ikun hemm numru suffiċjenti ta' kandidati li jissodisfaw il-kriterji tal-għażla. L-istedina għal offerta għandha tintbagħat bil-miktub u b'mod simultanju lill-kandidati kollha mistiedna biex jibagħtu offerta.

4.   Il-kandidati mistiedna għandhom jibagħtu l-offerta tagħhom fit-terminu ffissat mill-BĊE u jinkludu d-dokumentazzjoni kollha mitluba mill-BĊE.

5.   Il-BĊE għandu jagħti l-kuntratt lill-offerent li l-offerta tiegħu tissodisfa bl-aħjar mod il-kriterji tal-għoti stipulati fl-avviż ta' kuntratt jew fl-istedina għall-offerti.

Artikolu 12

Proċedura nnegozjata

1.   Il-BĊE jista' japplika proċedura nnegozjata jekk:

(a)

il-ħtiġijiet tal-BĊE ma jistgħux jiġu ssodisfati mingħajr l-adattament ta' soluzzjonijiet disponibbli minnufih, jew ikunu jeħtieġu disinn jew soluzzjonijiet innovattivi;

(b)

il-kuntratt ma jkunx jista' jingħata mingħajr negozjati minn qabel minħabba n-natura speċifika, il-kumplessità, in-natura legali u finanzjarja u r-riskji korrispondenti tar-riżultati; jew

(c)

l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ma jkunux jistgħu jiġu stabbiliti bi preċiżjoni suffiċjenti b'referenza għal standard tekniku jew referenza.

2.   Il-BĊE jista' juża wkoll il-proċedura nnegozjata jekk ikunu nkisbu biss offerti irregolari jew inaċċettabbli b'risposta għal proċedura miftuħa jew ristretta jew djalogu kompetittiv. Il-BĊE jista' jiddeċiedi li ma jippubblikax avviż ta' kuntratt ġdid jekk jinkludi fil-proċedura nnegozjata biss lill-offerenti kollha li jkunu pparteċipaw fil-proċedura inizjali, li kienu eliġibbli, kienu jissodisfaw il-kriteri tal-għazla u ppreżentaw l-offerti 5tagħhom skont ir-rekwiżiti formali tas-sejħa għall-offerti. Jekk ma tinkiseb ebda offerta jew ebda offerta xierqa, il-BĊE jista' jibda wkoll proċedura nnegozjata skont l-Artikolu 35 mingħajr il-pubblikazzjoni ta' avviż. F'kull każ, it-termini oriġinali tal-kuntratt li jkollu jingħata m'għandhomx ikunu mibdula b'mod sostanzjali.

3.   Meta jiġi ppubblikat avviż ta' kuntratt, il-fornituri interessati jistgħu japplikaw biex jipparteċipaw fil-proċedura nnegozjata. Huma għandhom jibagħtu l-applikazzjoni tagħhom sal-iskadenza speċifikata fl-avviż ta' kuntratt u jipprovdu d-dokumentazzjoni mitluba mill-BĊE.

4.   Il-BĊE għandu jivverifika l-eliġibbiltà tal-kandidati u jivvaluta l-applikazzjonijiet skont il-kriterji tal-għażla stabbiliti fl-avviż ta' kuntratt. Huwa għandu jistieden tal-inqas tliet kandidati eliġibbli li jissodisfaw l-kriterji tal-għażla biex jibagħtu offerta, sakemm ikun hemm numru suffiċjenti ta' kandidati li jissodisfaw il-kriterji tal-għażla. L-istedina għal offerta għandha tintbagħat fl-istess ħin lill-kandidati kollha mistiedna biex jippreżentaw offerta.

5.   Wara l-valutazzjoni tal-offerti, il-BĊE jista' jinnegozja mal-offerenti sabiex iġibu l-offerti tagħhom konformi mar-rekwiżiti tal-BĊE. Il-BĊE jista' jibda negozjati jew:

(a)

ma' min ikun għamel l-aħjar offerta. Jekk in-negozjati ma' min ikun għamel l-aħjar offerta ma jirnexxux, il-BĊE jista' jibda negozjati ma' min ikun għamel it-tieni l-aħjar offerta; jew

(b)

simultanjament ma' diversi offerenti li l-offerti tagħhom jissodisfaw bl-aħjar mod il-kriterji tal-għoti. In-numru ta' offerenti li jitħallew jipparteċipaw fin-negozjati jista' jitnaqqas fi stadji suċċessivi bl-applikazzjoni tal-kriterji tal-għoti stabbiliti fl-avviż ta' kuntratt jew fl-istedina għal offerta.

Qabel ma jibdew in-negozjati, il-BĊE għandu jinforma lill-offerenti kollha eliġibbli dwar kif ser jitmexxew in-negozjati.

6.   L-ambitu tan-negozjati jista' jinkludi l-offerti tekniċi tal-offerenti, l-offerti finanzjarji u l-pattijiet u l-kundizzjonijiet kuntrattwali sakemm l-ambitu tal-proċedura tas-sejħa għal offerti ma jinbidilx b'mod sostanzjali. Il-BĊE jista' jistieden ukoll lill-offerenti biex jibgħatu offerta riveduta. Matul in-negozjati, il-BĊE għandu jiżgura t-trattament ugwali tal-offerenti kollha mistiedna biex jipparteċipaw fin-negozjati.

7.   Malli jingħalqu n-negozjati, il-BĊE għandu jagħti l-kuntratt lill-offerent li l-offerta tiegħu tissodisfa bl-aħjar mod il-kriterji tal-għoti stipulati fl-avviż ta' kuntratt jew fl-istedina għal offerti.

Artikolu 13

Djalogu kompetittiv

1.   Il-BĊE jista' jmexxi djalogu kompetittiv fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 12(1).

2.   Mal-pubblikazzjoni ta' avviż ta' kuntratt, fornituri interessati jistgħu japplikaw biex jipparteċipaw fid-djalogu. Huma għandhom jibagħtu l-applikazzjoni tagħhom sal-iskadenza speċifikata fl-avviż ta' kuntratt u jipprovdu d-dokumentazzjoni mitluba mill-BĊE.

3.   Il-BĊE għandu jivverifika l-eliġibbiltà tal-kandidati u jivvaluta l-applikazzjonijiet skont il-kriterji tal-għażla stabbiliti fl-avviż ta' kuntratt. Il-BĊE għandu jistieden mill-anqas tliet kandidati eliġibbli biex jipparteċipaw fid-djalogu u jipprovdihom b'talba għal proposta li tispjega l-ħtiġijiet tal-BĊE. L-għan tad-djalogu huwa biex tiġi identifikata s-soluzzjoni li hija l-aktar adattata biex tissodisfa l-ħtiġijiet tal-BĊE. Il-BĊE jista' jiddiskuti l-aspetti kollha tal-kuntratt mal-kandidati. In-numru ta' kandidati mistiedna għandu jkun biżżejjed sabiex tkun żgurata kompetizzjoni ġenwina. Jekk in-numru jkun inqas mill-minimu, il-BĊE jista' jkompli l-proċedura mal-kandidati kollha li jissodisfaw il-kriterji tal-għażla.

4.   Id-djalogu għandu jsir fiż-żmien stipulat fl-avviż ta' kuntratt. Matul id-djalogu, il-BĊE għandu jiżgura t-trattament ugwali tal-kandidati kollha. Il-BĊE ma jista' jipprovdi ebda informazzjoni li tista' tagħti lil xi parteċipanti vantaġġ fuq ħaddieħor jew jiżvela lil parteċipanti oħrajn soluzzjonijiet proposti jew xi informazzjoni kunfidenzjali oħra kkomunikata minn kandidat li jipparteċipa fid-djalogu mingħajr il-kunsens speċifiku tagħhom bil-miktub.

5.   Jekk ikun pprovdut hekk fl-avviż ta' kuntratt, il-BĊE jista' jwettaq id-djalogu fi stadji suċċessivi biex inaqqas in-numru ta' soluzzjonijiet li jiġu diskussi matul l-istadju tad-djalogu. Il-BĊE għandu jkompli d-djalogu sakemm ikun jista' jidentifika s-soluzzjoni jew soluzzjonijiet, li jistgħu jissodisfaw il-ħtiġijiet tiegħu. Il-BĊE għandu jagħżel soluzzjonijiet biex jiġu kkunsidrati billi jiġu applikati l-kriterji tal-għoti stabbiliti fl-avviż ta' kuntratt jew fit-talba għal proposta.

6.   Wara li jkun iddikjara li d-djalogu ġie konkluż, il-BĊE għandu jistaqsi lill-kandidati li jipparteċipaw fid-djalogu biex jibagħtu l-offerti finali fuq il-bażi tas-soluzzjonijiet ppreżentanti u speċifikati matul id-djalogu. Il-BĊE jista' jitlob lill-offerenti biex jikkjarifikaw, jispeċifikaw jew jottimizzaw ċerti aspetti tal-offerti tagħhom jew biex jikkonfermaw impenji li jinsabu fl-offerta sakemm dan ma jkollux l-effett li jimmodifika aspetti sostanzjali tal-offerta, jgħawweġ il-kompetizzjoni jew jikkawża diskriminazzjoni.

7.   Il-BĊE għandu jivvaluta l-offerti li jirċievi skont l-kriterji tal-għoti stabbiliti fl-avviż ta' kuntratt jew fit-talba għal proposta. Malli titlesta l-evalwazzjoni, il-BĊE għandu jagħti l-kuntratt lill-offerent li l-offerta tiegħu tkun tissodisfa bl-aħjar mod il-kriterji tal-għażla, li għandhom jinkludu aspetti tal-kwalità.

Artikolu 14

sħubija għall-innovazzjoni

1.   Il-BĊE jista' japplika proċedura ta' sħubija għall-innovazzjoni għall-iżvilupp ta' prodotti, servizzi jew xogħlijiet innovattivi mhux disponibbli fis-suq u x-xiri sussegwenti tagħhom, sakemm dawn jikkonformaw mal-livell ta' prestazzjoni u l-ispejjeż massimi miftiehma bejn il-BĊE u l-parteċipanti fis-sħubija.

2.   Malli jiġi ppubblikat avviż ta' kuntrat, il-fornituri interessati jistgħu japplikaw biex jipparteċipaw fl-isħubija ta' innovazzjoni. Huma għandhom jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom fi żmien l-iskadenza speċifikata fl-avviż ta' kuntratt u jipprovdu d-dokumentazzjoni mitluba mill-BĊE.

3.   Il-BĊE għandu jivverifika l-eliġibbiltà tal-kandidati u jivvaluta l-applikazzjonijiet skont il-kriterji tal-għażla stabbiliti fl-avviż ta' kuntratt. Il-BĊE għandu jistieden mill-anqas tliet kandidati eliġibbli biex jipparteċipaw fil-proċedura u jipprovdilhom talba għal proposta li tispeċifika l-ħtiġijiet tal-BĊE. In-numru ta' kandidati mistiedna għandu jkun biżżejjed sabiex tkun żgurata kompetizzjoni ġenwina. Jekk in-numru jkun inqas mill-minimu, il-BĊE jista' jkompli l-proċedura mal-kandidati kollha li jissodisfaw il-kriterji tal-għażla.

4.   Il-BĊE jista' jiddeċiedi li jistabbilixxi sħubija ta' innovazzjoni ma' sieħeb wieħed jew aktar li jwettqu attivitajiet separati ta' riċerka u żvilupp.

5.   Is-sħubija għall-innovazzjoni għandha tiġi strutturata f'fażijiet suċċessivi skont is-sekwenza ta' passi fil-proċess ta' riċerka u innovazzjoni, li tista' tinkludi l-manifattura ta' prodotti, il-forniment ta' servizzi jew it-tlestija ta' xogħlijiet. Is-sħubija għall-innovazzjoni għandha tistabbilixxi miri intermedji li għandhom jinkisbu mis-sħab u tipprovdi għall-ħlas permezz ta' pagamenti bin-nifs. Jekk id-dokumenti tas-sejħa għall-offerti hekk jipprovdu, wara kull fażi l-BĊE jista' jew itemm is-sħubija għall-innovazzjoni jew, fil-każ ta' sħubija għall-innovazzjoni ma' bosta msieħba, inaqqas in-numnru ta' msieħba billi jtemm kuntratti individwali.

6.   Jekk id-dokumenti tas-sejħa għall-offerti hekk jipprovdu, in-negozjati matul il-proċeduri ta' sħubija għall-innovazzjoni jistgħu jseħħu fi stadji suċċessivi, li japplikaw il-kriterji tal-għoti speċifikati, sabiex jitnaqqas in-numru ta' offerti li jkollhom jiġu nnegozjati. Il-BĊE għandu jinnegozja mal-offerenti l-offerta inizjali u kull offerta sussegwenti li huma jippreżentaw, ħlief għall-offerta finali, u l-bidliet għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jiġu kkomunikati lill-offerenti sabiex ikunu jistgħu jimmodifikaw u jippreżentaw mill-ġdid offerti emendati. Ir-rekwiżiti minimi u l-kriterji tal-għoti ma għandhomx ikunu soġġetti għal negozjati.

7.   L-Artikolu 13(4) għandu japplika skont il-każ.

TAQSIMA 2

Akkwisti b'mezzi elettroniċi

Artikolu 15

Proċeduri ta' sejħiet għall-offerti b'mezzi elettroniċi

Il-BĊE jista' proċeduri ta' sejħiet għall-offerti b'mezzi elettroniċi skont ir-rekwiżiti ġenerali għall-akkwisti b'mezzi elettroniċi stabbiliti fl-Artikolu 22 tad-Direttiva 2014/24/UE flimkien mal-Anness IV tiegħu. F'dawk il-każijiet, l-avviż ta' kuntratt għandu jispeċifika b'mod partikolari r-rekwiżiti formali li għandhom jiġu osservati mill-kandidati jew offerenti u kif għandha tiġi aċċessata l-pjattaforma elettronika. Il-BĊE jista' jiddetermina li huwa ser jaċċetta biss applikazzjonijiet u offerti elettroniċi ħlief jekk ikun hemm raġunijiet tekniċi relatati mal-aċċess ugwali, operabbiltà, jew is-sigurtà li jagħmlu dan imprattikabbli.

Artikolu 16

Irkanti elettroniċi

1.   Għal proċeduri miftuħa, ristretti u nnegozjati, il-BĊE jista' juża irkant elettroniku, sakemm l-ispeċifikazzjonijiet ikunu jistgħu jiġu stabbiliti bi preċiżjoni.

L-irkant elettroniku għandu jkun ibbażat jew:

(a)

esklużivament fuq prezzijiet fejn il-kuntratt jingħata abbażi tal-prezz biss; jew inkella

(b)

abbażi tal-prezzijiet u/jew fuq il-valuri l-ġodda tal-karatteristiċi tas-sejħiet għall-offerti indikati fl-ispeċifikazzjoni, meta l-kuntratt jingħata fuq il-bażi tal-aħjar proporzjon bejn il-prezz u l-kwalità.

2.   Jekk il-BĊE ikun beħsiebu jagħmel irkant elettroniku, għandu jistqarr dan fl-avviż tal-kuntratt. Id-dokumenti tas-sejħa għall-offerti għandhom jinkludu, inter alia, id-dettalji li ġejjin:

(a)

il-karatteristiċi u l-valuri li ser ikunu s-suġġett tal-irkant elettroniku, dejjem jekk dawn il-karatteristiċi jkunu kwantifikabbli u jistgħu jingħataw f'ċifri jew perċentwali;

(b)

kwalunkwe limitu fuq il-valuri li jista' jiġi sottomess, li jirriżulta mill-ispeċifikazzjonijiet;

(c)

l-informazzjoni li ser titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-offerenti matul l-irkant elettroniku u, fejn dan ikun xieraa, meta ser titqiegħed għad-dispożizzjoni tagħhom;

(d)

l-informazzjoni rilevanti li tikkonċerna l-proċess tal-irkant elettroniku;

(e)

il-kundizzjonijiet li skonthom l-offerenti ser ikunu jistgħu jagħmlu l-offerti tagħhom u, b'mod partikolari, id-differenzi minimi li, fejn dawn ikunu xierqa, ser ikunu meħtieġa għal meta jsiru l-offerti; u

(f)

kwalunkwe informazzjoni rilevanti li tikkonċerna t-tagħmir elettroniku użat u l-arranġamenti u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-konnessjoni.

3.   L-irkant elettroniku għandu jinbeda biss wara li jintbagħtu l-offerti u ssir il-valutazzjoni inizjali tagħhom. L-offerenti eliġibbli kollha li jissodisfaw il-kriterji tal-għażla u li l-offerti tagħhom ikunu konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u li ma jkunux irregolari, inaċċettabbli jew inadegwati għandhom jiġu mistiedna simultanjament biex jissottomettu prezzijiet ġodda u/jew valuri ġodda.

4.   L-istedina għandha tkun akkumpanjata bl-eżitu ta' evalwazzjoni sħiħa tal-offerta relevanti. Għandha tiddikjara d-data u l-ħin tal-bidu tal-irkant elettroniku u tispeċifika l-istruzzjonijiet għal konnessjoni individwali mal-apparat elettroniku. L-irkant elettroniku ma għandux jibda qabel jumejn (2) wara d-data li fiha ntbagħtu l-istedini. L-istedina għandha ssemmi wkoll il-formula matematika li għandha tintuża fl-irkant elettroniku għad-determinazzjoni tar-rikklassifikar awtomatiku fuq il-bażi tal-prezzijiet il-ġodda u/jew il-valuri ġodda mibgħuta. Ħlief fejn tiġi identifikata l-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża abbażi tal-prezz biss, dik il-formula għandha tinkorpora l-ippeżar tal-kriterji kollha stabbiliti sabiex tiġi determinata l-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża, kif indikat fl-avviż tal-kuntratt jew fid-dokumenti tas-sejħa għall-offerti. Għal dak l-iskop, kwalunkwe medda għandha, madankollu, tiġi mnaqqsa minn qabel għal valur speċifikat. Fejn huma awtorizzati varjanti, għandha tingħata formula separata għal kull varjant.

5.   L-irkant elettroniku jista' jseħħ f'fażijiet suċċessivi. Matul kull fażi l-BĊE għandu jikkomunika minnufih lill-offerenti kollha tal-anqas biżżejjed informazzjoni biex ikunu jistgħu jaċċertaw il-klassifikazzjoni relattiva tagħhom f'kull ħin. Jista' jikkomunika wkoll informazzjoni oħra dwar prezzijiet jew valuri oħra sottomessi, sakemm dan ikun stipulat fid-dokumenti tas-sejħa għall-offerti. F'kull ħin jista' wkoll iħabbar in-numru ta' parteċipanti f'dik il-fażi tal-irkant. Madankollu, il-BĊE m'għandux jiżvela l-identitajiet tal-offerenti matul xi fażi tal-irkant elettroniku.

6.   Il-BĊE għandu jagħlaq irkant elettroniku mal-iskadenza tat-terminu indikat fl-istedina għall-parteċipazzjoni fl-irkant. It-terminu jista' jingħata bħala data u ħin speċifiku jew bħala perjodu li għandu jgħaddi wara s-sottomissjoni tal-aħħar offerta bi prezzijiet jew valuri ġodda. Il-BĊE għandu jispeċifika fl-istedina l-iskeda ta' żmien għal kwalunkwe irkant li jseħħ f'fażijiet.

7.   Wara li jagħlaq irkant elettroniku, il-BĊE għandu jagħti l-kuntratt fuq il-bażi tar-riżultati tal-irkant elettroniku.

Artikolu 17

Katalgi elettroniċi

1.   Meta jkun meħtieġ l-użu ta' mezzi elettroniċi ta' komunikazzjoni, il-BĊE jista' jeħtieġ li l-offerti jiġu ppreżentati fil-forma ta' katalgu elettroniku jew li jiġi inkluż katalgu elettroniku.

2.   Meta l-preżentazzjoni ta' offerti fil-forma ta' katalgu elettroniku tkun aċċettata jew meħtieġa, il-BĊE għandu:

(a)

jiddikjara dan fl-avviż tal-kuntratt;

(b)

jindika fid-dokumenti ta' akkwist l-informazzjoni kollha meħtieġa skont l-Artikolu 22(6) tad-Direttiva 2014/24/UE dwar il-format, it-tagħmir elettroniku użat u l-arranġamenti u l-ispeċifikazzjonijiet ta' konnessjonijiet tekniċi għall-katalogu.

3.   Il-katalgi elettroniċi għandhom jiġu stabbiliti mill-kandidati jew offerenti bil-għan li jipparteċipaw fi proċedura ta' akkwisti partikolari skont l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-format stabbilit mill-BĊE, u b'mod konformi mar-rekwiżiti għal għodda ta' komunikazzjoni elettroniċi u kwalunkwe rekwiżit addizzjonali stipulat mill-BĊE b'mod konformi mal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2014/24/UE.

4.   Meta jkun ġie konkluż ftehim qafas ma' aktar minn fornitur wieħed permezz ta' katalgi elettroniċi, jista' jsir ftuħ mill-ġdid tal-kompetizzjoni għal kuntratti speċifiċi fuq il-bażi ta' katalgi aġġornati. F'dak il-każ il-BĊE jista':

(a)

jistieden lill-offerenti biex jissottomettu mill-ġdid il-katalogi elettroniċi tagħhom, adattati għar-rekwiżiti tal-kuntratt inkwistjoni; jew

(b)

jekk id-dokumenti tas-sejħa għall-offerti hekk jipprovdu, jinnotifika lill-offerenti li l-BĊE beħsiebu jiġbor mill-katalgi elettroniċi li diġà ġew sottomessi l-informazzjoni meħtieġa biex jiġu kkumpilati sejħiet għall-offerti għall-kuntratti inkwistjoni.

Meta kompetizzjoni terġa' tinfetaħ skont il-punt (b), il-BĊE għandu jinnotifika lill-offerenti dwar id-data u l-ħin meta l-informazzjoni ser tinġabar u jagħtihom l-opzjoni li jirrifjutaw dak il-ġbir ta' informazzjoni. Il-BĊE għandu jħalli perijodu ta' żmien adegwat bejn in-notifika u l-ġbir attwali tal-informazzjoni. Qabel ma l-BĊE jagħti l-kuntratt, l-offerent ikkonċernat għandu jkollu l-opportunità biex jikkonferma li l-offerta hekk ikkompilata ma fiha ebda żball materjali.

5.   Meta tintuża sistema ta' xiri dinamiku, il-BĊE jista' jeħtieġ li talba għal parteċipazzjoni tkun akkumpanjata b'katalgu elettroniku li fuq il-bażi tiegħu jistgħu jingħataw kuntratti speċifiċi, b'offerti kkostitwiti skont il-punt (b) tal-paragrafu 4. F'dan il-każ, il-BĊE għandu jinforma lill-kandidati dwar l-intenzjoni tiegħu li jikkostitwixxi offerti permezz ta' dik il-proċedura u l-kandidati għandhom jikkompletaw il-katalgi elettroniċi sottomessi. Alternattivament, il-BĊE jista' jeħtieġ li l-offerti għal kuntratt speċifiku jiġu ppreżentati fil-format ta' katalgu elettroniku.

TAQSIMA 3

Regoli speċjali għal ċerti tipi ta' kuntratti

Artikolu 18

Ftehim qafas

1.   Il-BĊE jista' juża ftehim qafas f'każijiet fejn b'mod regolari jikkonkludi kuntratti għal prodotti, servizzi jew xogħlijiet simili, mingħajr ma jkun jista' jiddefinixxi l-kwantitajiet, il-ħinijiet ta' konsenja jew il-ħtiġijiet dettaljati preċiżi.

2.   Għall-finijiet li jikkonkludi ftehim qafas, il-BĊE għandu jsegwi l-proċeduri stipulati fl-Artikoli 10 sa 12 għall-fażijiet kollha sal-għoti tal-ftehim qafas. Jekk il-BĊE jkun beħsiebu jikkonkludi ftehim qafas ma' bosta fornituri, għandu jagħti ta' mill-inqas tliet ftehimiet, sakemm numru suffiċjenti ta' fornituri jissodisfaw il- kriterji tal-għażla u l-għoti. L-avviż ta' kuntratt għandu jispeċifika l-firxa u n-numru ta' ftehim qafas li għandhom jingħataw.

Kuntratti speċifiċi bbażati fuq il-ftehim qafas għandhom jingħataw skont il-proċeduri stipulati f'dan l-Artikolu.

3.   Meta ftehim qafas jiġi konkluż ma' fornitur wieħed, kuntratti speċifiċi bbażati fuq dak il-ftehim għandhom jingħataw fil-limiti tat-termini stabbiliti fil-ftehim qafas. Safejn ikun meħtieġ, il-BĊE jista' jitlob lill-fornitur bil-miktub biex jissupplimenta l-offerta inizjali tiegħu. Dawn l-offerti supplimentari m'għandhomx iġibu bidliet sostanzjali għall-pattijiet u l-kundizzjonijiet stipulati fil-ftehim qafas.

4.   Meta ftehim qafas jiġi konkluż ma' diversi fornituri, jistgħu jingħataw kuntratti speċifiċi jew:

(a)

bl-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti fil-ftehim qafas mingħajr ma terġa' tinfetaħ kompetizzjoni;

(b)

meta kriterji bħal dawn ma jkunux definiti, billi terġa' tinfetaħ kompetizzjoni fost il-fornituri li magħhom ikun hemm ftehim qafas; jew

(c)

billi jiġu applikati f'xi każijiet il-kriterji stipulati fil-ftehim qafas mingħajr ma terġa' tinfetaħ il-kompetizzjoni kif speċifikat fil-punt (A) u f'każijiet oħrajn billi terġa' tinfetaħ kompetizzjoni fost il-fornituri li magħhom ikun jeżisti ftehim qafas kif speċifikat fil-punt (B), sakemm id-dokumenti tas-sejħa għall-offerti għall-ftehim qafas jipprovdu għall-possibbiltà li ssir għażla bejn iż-żewġ opzjonijiet, ikun fihom kriterji oġġettivi vinkolanti li jirregolaw din l-għażla u jispeċifikaw id-dispożizzjonijiet li jistgħu jkunu soġġetti għall-ftuħ mill-ġdid tal-kompetizzjoni.

Jekk kompetizzjoni terġa' tinfetaħ skont il-punt (b), il-BĊE għandu jagħti kuntratt speċifiku skont din il-proċedura:

il-BĊE għandu jistieden lill-fornituri bil-miktub biex jibagħtu offerta qabel it-terminu speċifikat fit-talba għal proposta. Id-dokumenti tas-sejħa għall-offerti għall-ftehim qafas għandhom jispeċifikaw il-kriterji li fuq il-bażi tagħhom ser jingħata l-kuntratt speċifiku, u fejn ikum meħtieġ dan għandu jkun issupplimentat b'aktar dettall fit-talba għal proposta;

il-fornituri għandhom jibagħtu l-offerti tagħhom bil-miktub fit-terminu stabbilit mill-BĊE; u

il-BĊE għandu jagħti l-kuntratt speċifiku lill-offerent li jkun ippreżenta l-aħjar offerta fuq il-bażi tal-kriterji tal-għoti stipulati fit-talba għal proposta.

Kull meta kompetizzjoni terġa' tinfetaħ skont il-punti (b) jew (c), l-Artikolu 36(1) u (2) għandu japplika kif meħtieġ.

Artikolu 19

Sistemi dinamiċi ta' xiri

1.   Il-BĊE jista' jakkwista prodotto, servizzi u xogħlijiet standardizzati li huma disponibbli fil-pront, permezz ta' sistemi ta' xiri dinamiċi. Dawn is-sistemi għandhom ikunu totalment elettroniċi, aċċessibbli liberament u b'xejn għall-fornituri. Ħlief jekk ikun speċifikat mod ieħor f'dan l-Artikolu, il-proċedura għandha ssegwi r-regoli għal proċeduri ristretti stipulati fl-Artikolu 11.

2.   Għall-finijiet tal-istabbiliment ta' sistema ta' xiri dinamika, il-BĊE għandu:

(a)

jippubblika avviż ta' kuntratt li jiddikjara li sistema dinamika ta' xiri qiegħda tintuzża, waqt li tiġi indikata n-natura tax-xirjiet previsti taħt is-sistema, il-perjodu ta' validità tagħha, il-kriterji tal-għażla u l-għoti, u kull informazzjoni meħtieġa dwar it-tagħmir elettroniku u żat u l-arranġamenti u speċifikazzjonijiet tal-konnessjoni teknika. L-avviż għandu jispeċifika terminu ta' mhux inqas minn 30 jum sa meta l-fornituri jistgħu japplikaw biex jipparteċipaw; u

(b)

joffri b'mezzi elettroniċi, mill-pubblikazzjoni tal-avviż sal-iskadenza tas-sistema, aċċess mingħajr restrizzjoni, dirett u sħiħ għall-kundizzjonijiet tas-sejħa għall-offerti u għal kwalunkwe dokument addizzjonali.

3.   Is-sistema għandha tkun miftuħa għad-durata tagħha għal kull fornitur li jissodisfa l-kriterji tal-għażla u li jkun issottometta applikazzjoni li tikkonforma mal-kundizzjonijiet tas-sejħa għall-offerti. Ebda skadenza ulterjuri għar-riċeviment ta' applikazzjonijiet m'għandha tapplika. L-offerenti jistgħu jtejbu l-applikazzjonijiet tagħhom f'kull ħin sakemm ikomplu jikkonformaw mal-kundizzjonijiet tas-sejħa għall-offerti. Huma għandhom jinfurmaw lill-BĊE mingħajr dewmien żejjed dwar kwalunkwe bidla li taffettwa l-eliġibbiltà jew il-kapaċità tagħhom li jwettqu l-kuntratt. Il-BĊE jista' jitlob lill-offerenti biex jissottomettu evidenza aġġornata dwar l-eliġibbiltà tagħhom.

4.   Il-BĊE għandu jivverifika fi żmien 10 ijiem mir-riċeviment l-eliġibbiltà u l-konformità tal-offerenti mal-kriterji tal-għażla fuq il-bażi tal-applikazzjonijiet tagħhom. Għandu jivverifika wkoll jekk l-applikazzjonijiet jissodisfawx il-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti. Il-BĊE għandu jinforma lill-offerenti mal-ewwel opportunità possibbli dwar jekk iddaħħlux jew le għas-sistema dinamika ta' xiri.

5.   Kull kuntratt speċifiku li l-valur tiegħu jaqbeż il-limiti minimi stabbiliti fl-Artikolu 4(3) għandu jkun soġġett għal stedina għal offerta separata. Il-BĊE għandu jistieden lill-offerenti kollha li jiddaħħlu fis-sistema biex jippreżentaw offera fi żmien terminu raġonevoli li m'għandux ikun inqas minn 15-il jum. Il-BĊE għandu jagħti l-kuntratt lill-offerent li jkun ippreżenta l-aħjar offerta fuq il-bażi tal-kriterji tal-għoti stipulati fl-avviż ta' kuntratt. Jekk ikun xieraq dawk il-kriterji jistgħu jiġu fformulati b'mod aktar preċiż fl-istedina għal offerti.

6.   Jekk il-valur ta' kuntratt speċifiku jkun anqas mil-livelli minimi stipulati fl-Artikolu 4(3), il-BĊE jista' jistieden tliet jew ħames offerenti ammessi fis-sistema biex jippreżentaw offerta skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 35.

7.   Sistema dinamika ta' xiri ma tistax iddum aktar minn erba' snin, ħlief meta durata itwal tkun debitament iġġustifikata u tkun ipprovduta fl-avviż tal-kuntratt.

Artikolu 20

Kuntratti ta' konċessjoni

Il-proċedura ta' għoti ta' kuntratti ta' konċessjoni għandha tkun irregolata minn din id-Deċiżjoni soġġett għall-modifiki li ġejjin:

(a)

il-kalkolu tal-valur stmat ta' kuntratti ta' konċessjoni għandu jqis il-fatturat totali stmat, nett mill-VAT, iġġenerat mill-kuntrattur permezz tat-twettiq tal-kuntratt ta' konċessjoni matul it-terminu tiegħu;

(b)

il-kuntratti ta' konċessjoni għandhom ikunu għal terminu limitat. Id-durata m'għandhiex taqbeż il-perijodu li konċessjonarju jista' jkun raġonevolment mistenni li jieħu biex jirkupra l-investimenti li jkunu saru u biex jikseb redditu finanzjarju.

TAQSIMA 4

Tnedija tal-proċedura ta' akkwisti

Artikolu 21

Pubblikazzjoni ta' opportunitajiet għal akkwisti

1.   Jekk il-BĊE jkun irid jagħmel proċedura ta' sejħa għal offerti skont ir-regoli stabbiliti f'dan il-Kapitolu, huwa għandu jippubblika avviż ta' kuntratt fil-Ġurnal Uffiċjali u fuq il-websajt tal-BĊE. Kull meta jkun xieraq, il-BĊE jista' jagħmel riklami permezz ta' mezzi ta' xandir oħrajn. L-avviżi fuq il-websajt tal-BĊE u mezzi ta' xandir oħrajn m'għandhomx jippreċedu l-pubblikazzjoni tal-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali. Fil-każ ta' diskrepanzi bejn il-verżjonijiet differenti tal-avviż, il-verżjoni ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali għandha titqies bħala awtentika u għandha tieħu preċedenza fuq il-verżjonijiet l-oħrajn.

2.   Il-BĊE jista' jippubblika wkoll avviż ta' informazzjoni minn qabel li jindika l-valur stmat totali tal-kuntratti, skont il-kategorija ta' servizzi jew gruppi ta' prodotti, u l-karatteristiċi essenzjali tal-kuntratti tax-xogħol li jkollu l-ħsieb li jagħti matul sena baġitarja.

3.   Minkejja kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta' din id-Deċiżjoni, kull avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali għandu jkun fih ta' mill-inqas l-informazzjoni speċifikata fil-parti relevanti tal-Anness V tad-Direttiva 2014/24/UE. L-avviżi ta' kuntratt għandhom jiddikjaraw jekk il-kuntratt huwiex ser jingħata jew le lill-irħas prezz.

Artikolu 22

Sejħa għal espressjoni ta' interess

1.   Il-BĊE jista' japplika sejħa għal espressjoni ta' interess jekk ikollu l-ħsieb li jagħti bosta kuntratti li jkopru l-istess suġġett jew suġġetti simili. Ħlief jekk ikun speċifikat mod ieħor f'dan l-Artikolu, il-proċedura għandha ssegwi r-regoli għal proċeduri ristretti taħt l-Artikolu 11.

2.   Għall-fini li tiġi stabbilita lista ta' fornituri adattati, il-BĊE għandu jippubblika avviż ta' kuntratt fil-Ġurnal Uffiċjali li jispeċifika bħala minimu s-suġġett tal-kuntratti li għandhom jingħataw, id-durata, il-kriterji ta' eliġibbiltà u tal-għażla u d-data ta' skadenza sa meta għandhom jaslu l-applikazzjonijiet sabiex jiġu kkunsidrati fil-lista ta' fornituri adattati.

3.   Il-lista għandha tkun valida għal mhux aktar minn erba' snin mid-data meta l-avviż ta' kuntratt jintbagħat lill-Ġurnal Uffiċjali. Fornitur jista' japplika sabiex jiġi inkluż fil-lista f'kull ħin sa tliet xhur qabel ma tiskadi. L-applikazzjoni għandha tkun akkumpanjata bid-dokumentazzjoni speċifikata fl-avviż ta' kuntratt. Il-fornituri għandhom jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom sat-terminu ta' skadenza speċifikat fl-avviż ta' kuntratt.

4.   Wara li jirċievi l-applikazzjonijiet, il-BĊE għandu jivverifika l-eliġibbiltà tal-kandidati u jevalwa l-applikazzjonijiet skont il-kriterji tal-għażla stabbiliti fl-avviż ta' kuntratt. Il-BĊE għandu jinkludi fil-lista l-kandidati kollha li jissodisfaw il-kriterji ta' eliġibbiltà u tal-għażla. Il-BĊE għandu jinforma lill-offerenti mal-ewwel opportunità possibbli dwar jekk ġewx inklużi jew le fil-lista.

5.   Il-fornituri inklużi fil-lista għandhom jinfurmaw lill-BĊE mingħajr dewmien żejjed dwar kwalunkwe bidla li taffettwa l-eliġibbiltà jew il-kapaċità tagħhom li jwettqu l-kuntratt. Barra minn hekk, dawk il-fornituri jistgħu jipprovdu lill-BĊE b'dokumentazzjoni aġġornata jew addizzjonali jekk jidhrilhom li dan huwa meħtieġ.

6.   Jekk il-BĊE jkun beħsiebu jagħti kuntratt li l-valur stmat tiegħu ikun taħt il-limiti minimi stipulati fl-Artikolu 4(3), huwa għandu jistieden lin-numru meħtieġ ta' fornituri inklużi fil-lista, jekk disponibbli, biex jitfgħu offerta, skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 35. Il-BĊE għandu jistieden lill-fornituri li l-offerti tagħhom jissodisfaw bl-aħjar mod il-kriterji tal-għażla stipulati fl-avviż ta' kuntratt waqt li jitqies il-kuntratt li għandu jingħata.

7.   Jekk il-BĊE jkun beħsiebu jagħti kuntratt li l-valur stmat tiegħu ikun daqs jew aktar mil-limiti minimi stabbiliti fl-Artikolu 4(3), huwa għandu jippubblika avviż ta' kuntratt simplifikat fil-Ġurnal Uffiċjali li jiddeskrivi l-kamp ta' applikazzjoni ta' dan il-kuntratt speċifiku. Fornituri interessati li jkunu għadhom mhumiex inklużi fil-lista jistgħu jippreżentaw applikazzjoni biex jiġu inklużi fil-lista fiż-żmien speċifikat fl-avviż ta' kuntratt simplifikat, li m'għandux ikun inqas minn 15-il jum mid-data meta l-avviż ta' kuntratt simplifikat jintbagħat għall-pubblikazzjoni. Wara l-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet li jkun irċieva, il-BĊE għandu jistieden ta' mill-inqas ħames fornituri adattati inklużi fil-lista sabiex jippreżentaw offerta sakemm ikun hemm disponibbli numru suffiċjenti ta' fornituri. Il-BĊE għandu jagħżel il-fornituri li l-offerti tagħhom jissodisfaw bl-aħjar mod il-kriterji tal-għażla stipulati fl-avviż ta' kuntratt waqt li jitqies il-kuntratt li għandu jingħata. L-Artikolu 11(4) u (5) għandhom japplikaw kif meħtieġ.

8.   Fil-każijiet deskritti fil-paragrafi 6 u 7, il-BĊE jista' jitlob lill-fornituri inklużi fil-lista biex jipprovdu informazzjoni aġġornata u dokumentazzjoni relevanti għat-twettiq tal-kriterji ta' eliġibbiltà u għażla.

Artikolu 23

Termini għar-riċeviment ta' applikazzjonijiet u offerti

1.   Meta jiffissa t-termini għar-riċeviment ta' applikazzjonijiet u offerti, il-BĊE għandu jqis b'mod partikolari l-kumplessità tal-kuntratt u l-ħin meħtieġ għat-tħejjija tal-offerti, mingħajr preġudizzju għat-termini minimi ffissati minn dan l-Artikolu.

2.   Fil-każ ta' proċeduri miftuħin, it-terminu minimu biex jiġu rċevuti l-offerti għandu jkun ta' 35 jum mid-data meta l-avviż ta' kuntratt ikun intbagħat lill-Ġurnal Uffiċjali.

3.   Fil-każ ta' proċeduri ristretti, proċeduri nnegozjati, djalogi kompetittivi, sħubijiet ta' innovazzjoni u kuntesti tad-disinn:

(a)

it-terminu minimu biex jiġu rċevuti l-applikazzjonijiet għandu jkun ta' 30 jum mid-data met l-avviż ta' kuntratt jintbagħat lill-Ġurnal Uffiċjali; u

(b)

it-terminu minimu għar-riċeviment ta' offerti għandu jkun ta' 30 jum mid-data li fiha tintbagħat l-istedina għall-offerta lill-offerenti.

4.   Meta avviz ta' informazzjoni preċedenti jkun ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali li fih ikun hemm l-informazzjoni stipulata fl-Artikolu 48(2) tad-Direttiva 2014/24/UE, li tkun intbagħtet 35 jum u 12-il xahar qabel l-avviż ta' kuntratt, it-terminu minimu għar-riċeviment ta' offerti jista', bħala regola ġenerali, jitqassar għal 15-il jumn għal proċeduri miftuħa u 10 ijiem għal proċeduri ristretti.

5.   It-termini għar-riċeviment ta' applikazzjonijiet u offerti jistgħu jitqassru b'ħamest ijiem meta tintuża sistema ta' akkwisti totalment elettronika, ħlief jekk japplika l-paragrafu 4.

6.   Fil-każ ta' proċeduri miftuħa, proċeduri ristretti u proċeduri nnegozjati, il-BĊE jista' japplika proċedura aċċellerata, fejn minħabba urġenza li tkun issostanzjata debitament t-termini stabbiliti f'dan l-Artikolu ma jkunux prattiċi. F'dan il-każ għandhom japplikaw it-termini ta' żmien li ġejjin:

(a)

għal proċeduri miftuħa terminu ta' żmien għar-riċeviment ta' offerti li ma għandux ikun inqas minn 15-il jum mid-data meta jkun intbagħat l-avviż ta' kuntratt; u

(b)

għal proċeduri ristretti u proċeduri nnegozjati terminu għar-riċeviment ta' applikazzjonijiet li m'għandux ikun inqas minn 15-il jum mid-data meta jkun intbagħat l-avviż ta' kuntratt, u terminu għar-riċeviment ta' offerti li għandu jkun mhux inqas minn 10 ijiem mid-data meta l-istenda għall-offerti tkun intbagħtet lill-offerenti.

7.   Qabel id-data tal-iskadenza, il-BĊE jista' jestendi l-iskadenzi stabbiliti fl-avviż ta' kuntratt jew fid-dokumentazzjoni tas-sejħa għall-offerti jekk jimmodifika d-dokumentazzjoni tas-sejħa għall-offerti b'mod sinifikanti jew f'każijiet oħrajn debitament iġġustifikati, soġġett għall-prinċipju ta' trattament ugwali.

Artikolu 24

Stedina għall-offerti

1.   L-istediniet għall-offerti għandhom jintbagħtu simultanjament lill-offerenti kollha.

2.   Stedina għall-offerti għandu jkollha tal-anqas:

(a)

referenza għall-avviż ta' kuntratt;

(b)

informazzjoni sħiħa, fejn applikabbli, dwar id-disponibbiltà elettronika ta', u l-aċċess għal, id-dokumenti tas-sejħa għall-offerti;

(c)

ir-rekwiżiti formali tas-sejħa għall-offerti, b'mod partikolari t-terminu biex jiġu rċevuti l-offerti, l-indirizz fejn għandhom jintbagħtu l-offerti, il-lingwa jew lingwi li bihom għandhom jinkitbu l-offerti u l-format li fiha għandhom jintbagħtu l-offerti u l-perjodu li matulu għandha tibqa' valida l-offerta; u

(d)

l-opzjonijiet dwar il-prodotti, servizzi u xogħlijiet addizzjonali, kif ukoll in-numru ta' tiġdid u estensjonijiet possibbli tal-kuntratt, jekk applikabbli;

(e)

il-lista ta' dokumenti li għandhom jintbagħtu mill-offerenti; u

(f)

l-ippeżar relattiv tal-kriterji għall-għoti tal-kuntratt jew, meta jkun xieraq, l-ordni dejjem tonqos fl-importanza ta' dawn il-kriterji, jekk ma jkunux speċifikati fl-avviż ta' kuntratt.

3.   L-istedina għall-offerti għandha tinkludi wkoll:

(a)

kopja tal-ispeċifikazzjonijiet li jiddefinixxu l-ħtiġijiet tal-BĊE jew, fil-każ ta' djalogu kompetittiv jew sħubija ta' innovazzjoni, kopja tat-talba għal proposta li tiddefinixxi l-ħtiġijiet tal-BĊE;

(b)

kopja tal-abbozz tal-kuntratt, tal-pattijiet u kundizzjonijiet ġenerali tal-BĊE jew tad-dokument li jispeċifika l-karatteristiċi ewlenin tal-kuntratt; u

(c)

kull dokumentazzjoni oħra li l-BĊE jidhirlu li hija relevanti.

Artikolu 25

Speċifikazzjonijiet

1.   Il-BĊE għandu jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tiegħu fid-dokumenti tas-sejħa għall-offerti skont il-liġi applikabbli u l-istandards tekniċi.

2.   L-ispeċifikazzjonijiet jistgħu jippreskrivu biss prodott speċifiku, sors jew proċess ta' produzzjoni fejn ma jkunx possibbli li tingħata deskrizzjoni ġenerali tas-suġġett tal-kuntratt li tkun preċiża biżżejjed, u meta l-kandidati jistgħu joffru prodotti oħrajn ekwivalenti.

3.   Il-BĊE għandu jispeċifika l-evidenza, bħal tikketti, ċertifikati u valutazzjonijiet ta' konformità, b'mod partikolari kwalunkwe ċertifikati ambjentali, li huwa jitlob mingħand il-kandidati biex juru konformità mal-ispeċifikazzjonijiet. Dik l-evidenza għandha tkun tista' tinkiseb b'mod trasparenti. Evidenza oħra għandha tiġi aċċettata meta tkun teknikament ekwivalenti.

4.   L-ispeċifikazzjonijiet u l-evidenza mitluba għandha tkun neċessarja u proporzjonata sabiex tissodisfa l-objettivi tal-akkwisti, u tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi u mhux diskriminatorji li jevitaw kwalunkwe ostaklu mhux iġġustifikat għall-kompetizzjoni.

5.   Il-BĊE jista' jippermetti s-sottomissjoni ta' varjanti li jiddevjaw mill-ispeċifikazzjonijiet. Jekk dan ikun il-każ, huwa għandu jipprovdi informazzjoni ċara dwar il-firxa permessa ta' varjanti, dwar ir-rewiżiti formali u sostantivi għall-varjanti, u dwar il-metodoloġija li permezz tagħha l-merti tal-offerti u l-varjanti prinċipali ser jitqabblu.

TAQSIMA 5

Skambju ta' informazzjoni

Artikolu 26

Komunikazzjoni mal-kandidati u l-offerenti

1.   Matul il-proċedura tas-sejħa għal offerti, il-kandidati u l-offerenti għandhom jikkomunikaw biss mal-persuna(i) ta' kuntatt indikata(i) mill-BĊE. Il-mezzi ta' komunikazzjoni għandhom ikunu disponibbli b'mod ġenerali u mhux diskriminatorju.

2.   Il-kandidati u l-offerenti għandhom jippreżentaw l-applikazzjonijiet u l-offerti tagħhom bil-miktub skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-avviż ta' kuntratt jew stedina għall-offerti.

3.   Il-kandidati jew offerenti jistgħu jibagħtu mistoqsijiet bil-miktub dwar l-avviż ta' kuntratt, l-istedina għall-offerti jew id-dokumenti ta' appoġġ lill-BĊE skont il-proċedura stipulata fl-avviż ta' kuntratt jew fl-istedina għall-offerti. Il-BĊE għandu jwieġeb dawn il-mistoqsijiet fi żmien raġonevoli, u għandu jikkomunika r-risposti lill-kandidati jew offerenti kollha fuq bażi anonima jekk ikunu relevanti għalihom ilkoll.

4.   Il-BĊE għandu jiżgura li l-informazzjoni pprovduta mill-kandidati u l-offerenti tiġi ttrattata u tinżamm skont il-prinċipji tal-kunfidenzjalità u l-integrità u, safejn tingħata dejta personali, skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

Artikolu 27

Talbiet għal aktar dokumentazzjoni u kjarifiki

Wara li l-BĊE jkun fetaħ applikazzjonijiet jew offerti, huwa jista' jitlob lill-kandidati jew offerenti biex jissottomettu, jissupplimentaw, jikkjarifikaw jew jikkompletaw informazzjoni jew dokumentazzjoni li tkun jew tidher li tkun nieqsa, mhux kompluta jew żbaljata fi żmien xieraq. Dawk it-talbiet għandhom isiru b'konformità sħiħa mal-prinċipji ta' trattament ugwali u trasparenza; b'mod partikolari, m'għandhomx iwasslu għal xi trattament preferenzjali, jagħtu vantaġġ kompetittiv, jew ibiddlu t-termini ta' applikazzjoni jew offerta.

Artikolu 28

Rettifika tad-dokumentazzjoni tas-sejħa għall-offerti

1.   Jekk il-BĊE jiskopri, qabel l-iskadenza tat-terminu biex jintbagħtu l-applikazzjonijiet jew l-offerti, xi impreċiżjoni, ommissjoni jew xi tip ieħor ta' żball fit-test tal-avviż ta' kuntratt, l-istedina għal offerta jew id-dokumenti li jakkumpanjawhom, għandu jirrettifika l-iżball u jinforma lill-kandidati jew offerenti bil-miktub.

2.   Jekk il-kandidati jew offerenti jidhrilhom li r-rekwiżiti stipulati fl-avviż ta' kuntratt, l-istedina għall-offerti jew id-dokumenti ta' appoġġ mhumiex kompleti, huma inkonsistenti jew illegali jew li l-BĊE jew xi kandidat jew offerent ieħor kisru r-regoli applikabbli dwar l-akkwisti, huma għandhom jinnotifikaw lill-BĊE bl-oġġezzjonijiet tagħhom fi żmien 15-il jum wara li jsiru jafu b'dik l-irregolarità. Jekk l-irregolarità taffettwa s-sejħa għall-offerti jew dokumenti oħra mibgħuta mill-BĊE, it-terminu għandu jibda jiddekorri mid-data meta jaslu d-dokumenti. F'każijiet oħrajn, it-terminu għandu jibda jiddekorri mill-mument meta l-kandidati jew offerenti sar jafu bl-irregolarità jew setgħu raġonevolment isiru jafu biha. Il-BĊE jista' mbagħad jew jikkoreġi jew jissupplimenta r-rekwiżiti jew jirrimedja l-irregolarità, jew jiċħad it-talba u jindika r-raġunijiet għal dan. Oġġezzjonijiet li ma jiġux ikkomunikati lill-BĊE sal-limitu ta' żmien ma jistgħux jitqajmu fi stadju aktar tard.

TAQSIMA 6

Evalwazzjoni

Artikolu 29

Prinċipji ġenerali

1.   L-applikazzjonijiet u l-offerti m'għandhomx jinfetħu qabel l-iskadenza tad-data għas-sottomissjoni. L-applikazzjonijiet u l-offerti għandhom jinfetħu fil-preżenza ta' mill-inqas żewġ membri tal-persunal tal-BĊE, u għandhom jinżammu minuti tal-ftuħ. Ħlief jekk ikun speċifikat mod ieħor, il-kandidati jew l-offerenti ma jistgħux jattendu l-ftuħ.

2.   Il-BĊE għandu jevalwa l-offerti kollha skont il-kriterji tal-għoti stipulati fl-Artikolu 32 wara li jkun:

ivverifika l-konformità mar-rekwiżiti formali tas-sejħa għall-offerti,

ivverifika l-eliġibbiltà tal-offerenti skont l-Artikolu 30, u

evalwa jekk ġewx sodisfatti l-kriterji tal-għażla skont l-Artikolu 31.

3.   Il-BĊE għandu jagħti l-kuntratt lill-offerent li l-offerta tiegħu tissodisfa bl-aħjar mod il-kriterji tal-għoti.

4.   Il-proċess ta' valutazzjoni u l-eżitu għandhom jiġu ddokumentati f'rapport ta' evalwazzjoni.

Artikolu 30

L-eliġibbiltà tal-kandidati u l-offerenti

1.   Bla ħsara għall-paragrafi li ġejjin, kull persuna fiżika u ġuridika li tkun residenti jew stabbilita fl-Unjoni hija eliġibbli biex tipparteċipa fil-proċeduri tas-sejħa għal offerti. Il-proċeduri tas-sejħiet għal offerti għandhom ikunu miftuħa ukoll b'kundizzjonijiet ugwali għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha li jinsabu f'pajjiż li jkun irratifika l-Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-Akkwisti mill-Gvern, jew li kkonkludew mal-Unjoni ftehim bilaterali dwar l-akkwisti, bil-kundizzjonijiet stipulati f'dawk il-ftehimiet. Fornituri minn pajjiżi oħrajn jistgħu jiġu ammessi biex jipparteċipaw fid-diskrezzjoni tal-BĊE biss.

2.   Gruppi temporanji ta' fornituri jistgħu jipparteċipaw fi proċeduri ta' sejħiet għall-offerti skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-avviż ta' kuntratt jew fl-istedina għal offerta. Il-BĊE jista' jeħtieġ li gruppi temporanji jadottaw forma legali speċifika jekk il-kuntratt jingħata lilhom, jekk din il-forma tkun meħtieġa għall-eżekuzzjoni korretta tal-kuntratt. Il-parteċipanti f'aggruppament temporanju għandhom ikunu responsabbli in solidum għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt.

3.   Il-kandidati u l-offerenti għandhom jissottomettu applikazzjoni jew offerta waħda biss. Il-BĊE jista' jeskludi milli jipparteċipaw kwalunkwe kandidati jew offerenti li jissottomettu applikazzjoni jew offerta separata u li:

(a)

ikunu membri tal-istess grupp ta' impriżi affiljati bħal kandidat jew offerent ieħor;

(b)

ikunu membri ta' grupp temporanju flimkien ma' kandidati jew offerenti oħrajn; jew

(c)

joffru parti sostanzjali tal-kuntratt li jkollu jingħata lil kandidat jew offerent ieħor bħala sottokuntrattur,

jekk ikun hemm indikazzjonijiet li huma rċevew informazzjoni rigward l-applikazzjoni jew offerta mħejjija minn kandidat jew offerent ieħor jekk jekk is-sottomissjoni ta' applikazzjonijiet jew offerti multipli inkella toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni ħielsa bejn il-kandidati jew offerenti.

4.   Il-BĊE għandu jeskludi kandidati jew offerenti milli jipparteċipaw jekk huma, jew il-korpi ta' ġestjoni tagħhom, ikunu nstabu ħatja permezz ta' sentenza finali dwar parteċipazzjoni f'organizzazzjoni kriminali, korruzzjoni, frodi, reati terroristiċi jew finanzjament tat-terroriżmu, ħasil tal-flus, tħaddim tat-tfal jew traffikar tal-bnedmin, kif imsemmi fl-Artikolu 57(1) tad-Direttiva 2014/24/UE, jew għal kwalunkwe attività illegali oħra li tkun ta' detriment għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni, il-BĊE jew il-BĊNi.

5.   Il-BĊE jista' jeskludi kandidati jew offerenti milli jipparteċipaw f'kull ħin jekk:

(a)

ikunu falluti, qegħdin jiġu stalċati, soġġetti għal amministrazzjoni jew f'sitwazzjoni simili stipulata fil-leġiżlazzjoni jew regolamenti nazzjonali;

(b)

ikunu ħatja ta' mġiba ħażina professjonali, li twassal biex l-integrità tagħhom issir dubjuża;

(c)

ikunu kisru l-obbligi tagħhom relatati mal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jew il-ħlas ta' taxxi skont id-dispożizzjonijiet legali tal-pajjiż fejn ikunu stabbiliti jew fejn ikollu jitwettaq il-kuntratt;

(d)

ikunu wrew nuqqasijiet sinifikanti jew persistenti fit-twettiq ta' kuntratt pubbliku ieħor, jew mal-obbligi tagħhom taħt il-liġi ambjentali, soċjali u tax-xogħol;

(e)

huma jew il-maniġment, persunal jew aġenti tagħhom ikun soġġetti għal kunflitt ta' interess li ma jistax jiġi rrimedjat b'mezzi inqas intrużivi;

(f)

ikunu ħatja ta' qerq serju fl-għoti tal-informazzjoni meħtieġa mill-BĊE; jew

(g)

jikkuntattjaw lil kandidati jew offerenti oħrajn bl-iskop li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, jew jippruvaw jinfluwenzaw b'mod indebitu il-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet fil-proċedura tal-akkwisti.

6.   Il-kandidati jew l-offerenti għandhom jiċċertifikaw li ma jinsabux f'waħda mis-sitwazzjonijiet elenkati fil-paragrafi 4 u 5 u għandhom jipprovdu l-evidenza speċifikata fl-avviż ta' kuntratt jew stedina għall-offerti. Jekk jinqalgħu ċirkustanzi bħal dawn matul il-proċedura l-kandidat jew offerent ikkonċernat għandu jinforma lill-BĊE dwar dan mingħajr dewmien żejjed. Il-kandidati jew offerenti jistgħu jissottomettu provi biex juru l-eliġibbiltà tagħhom minkejja l-eżistenza ta' raġunijiet għal esklużjoni.

7.   Meta kandidat, jew impriża relatata ma' kandidat, ikunu involuti fit-tħejjija ta' proċedura ta' akkwisti, pereżempju billi jagħtu pariri dwar l-istrateġija tal-akkwisti jew l-iżvilupp ta' speċifikazzjonijiet, il-BĊE għandu jieħu miżuri xierqa sabiex jiżgura kompetizzjoni ġusta u livell ugwali ta' informazzjoni fost il-kandidati kollha. Il-BĊE jista' jeskludi lill-kandidat jew impriża mill-proċedura, jekk dan ikun meħtieġ għal dawk il-finijiet. Qabel l-esklużjoni, il-kandidat jew impriża għandhom jingħataw l-opportunità biex iressqu prova li l-involviment preċedenti tagħhom ma joħloqx distorsjoni fil-kompetizzjoni.

8.   Il-BĊE jista' jeskludi lil kandidat jew offerent li jkun jinsab f'wieħed mis-sitwazzjonijiet deskritti fil-paragrafi 4 u 5 milli jipparteċipa f'xi proċedura ta' offerti futura għal perijodu ta' żmien raġjonevoli. Il-BĊE għandu jiddeċiedi dwar l-esklużjoni u jiddetermina l-perijodu tad-durata tagħha skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, waqt li jqis b'mod partikolari (a) is-serjetà tar-reat, aġir, ksur jew att ta' falliment; (b) iż-żmien li jkun iddekorra minn meta twettqu jew seħħu r-reat, l-aġir, il-ksur jew l-att ta' falliment; (c) id-durata u kwalunkwe rikorrenza tar-reat, l-aġir, il-ksur jew l-att ta' falliment; (d) l-intenzjoni jew il-grad ta' negliġenza tal-fornitur ikkonċernat; u (e) il-miżuri meħuda mill-fornitur sabiex jiġu evitati reati, aġir, ksur jew atti ta' falliment simili fil-futur. Il-perijodu ta' esklużjoni m'għandux ikun aktar minn 10 snin mid-data meta tingħata notifika dwar dan lill-fornitur. Qabel ma jieħu deċiżjoni biex jeskludi fornitur, il-BĊE għandu jagħti lill-fornitur opportunità biex jesprimi l-fehmiet tiegħu ħlief jekk il-fatti li jiġġustifikaw l-esklużjoni jkunu stipulati f'sentenza finali. Il-BĊE għandu jinnotifika lill-fornitur bil-miktub dwar id-deċiżjoni tiegħu u r-raġunijiet ewlenin.

Artikolu 31

Kriterji ta' għażla

1.   Il-BĊE għandu jispeċifika fl-avviż ta' kuntratt il-kriterji tal-għażla għall-evalwazzjoni tal-kapaċità tal-kandidat jew offerent biex iwettaq il-kuntratt. Il-kriterji tal-għażla għandhom ikunu relatati mal-awtorizzazzjoni u l-adattabilità tal-kandidat jew offerent biex iwettqu l-attività professjonali relevanti, il-qagħda ekonomika u finanzjarja tagħhom, u l-kapaċità teknika jew professjonali tagħhom. Il-kriterji tal-għażla għandhom ikunu neċessarji u proporzjonati sabiex jiżguraw kompetizzjoni ġusta u jiksbu l-objettivi tal-kuntratt.

2.   Il-BĊE jista' jistabbilixxi l-livelli ta' kapaċità minimi li taħthom ma jkunx jista' jagħżel kandidati jew offerenti. Dawn ir-rekwiżiti minimi għandhom ikunu speċifikati fl-avviż ta' kuntratt.

3.   Il-BĊE għandu jispeċifika fl-avviż ta' kuntratt id-dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati mill-kandidati jew offerenti bħala prova tal-kapaċità finanzjarja, ekonomika, teknika u professjonali tagħhom. Huwa jista' jeħtieġ, b'mod partikolari, is-sittomissjoni ta' Dokument Ewropew ta' Akkwist Uniku kif speċifikat fl-Artikolu 59 tad-Direttiva 2014/24/UE, dokumenti miżmuma f'eCertis, jew ċertifikati maħruġa minn databases nazzjonali ta' fornituri approvati. Id-dokumentazzjoni mitluba m'għandhiex tmur lil hinn mis-suġġett tal-kuntratt u għandha tikkunsidra l-interessi leġittimi tal-fornituri b'mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tas-sigrieti tekniċi u tan-negozju tagħhom.

4.   Jekk, għal xi raġuni eċċezzjonali li l-BĊE jikkunsidra ġġustifikata, l-offerent jew il-kandidat ma jkunx kapaċi jipprovdi d-dokumenti meħtieġa, jista' jġib prova tal-kapaċità tiegħu b'kull mezz ieħor li l-BĊE jikkunsidra li huwa xieraq u ekwivalenti.

5.   Fornitur jista', meta jkun xieraq u għal kuntratt partikolari, jiddependi fuq il-kapaċitajiet ta' entità oħra, irrispettivament min-natura legali tar-rabtiet li jkollu magħhom. F'dak il-każ għandu jagħti prova lill-BĊE li ser ikollu r-riżorsi meħtieġa għat-twettiq tal-kuntratt għad-dispożizzjoni tiegħu, u li l-entità nfisha hija eliġibbli li tipparteċipa fil-proċeduri ta' sejħa għall-offerti skont l-Artikolu 30. Taħt l-istess kundizzjonijiet, grupp temporanju ta' fornituri jista' jiddependi fuq il-kapaċitajiet tal-parteċipanti fil-grupp.

Artikolu 32

Kriterji tal-għoti

1.   Il-BĊE għandu jagħti l-kuntratt lill-offerent li jkun ippreżenta l-aktar offerta vantaġġuża ekonomikament.

2.   Ħlief jekk ikun ipprovdut mod ieħor f'din id-Deċiżjoni, l-aktar offerta vantaġġuża ekonomikament hija identifikata fuq il-bażi ta' waħda minn dawn l-alternattivi:

il-prezz jew il-kosti biss,

l-aħjar proporzjon bejn il-prezz u l-kwalità, jew

il-kwalità biss, waqt li l-prezz jew il-kost relevanti għall-prodotti, xogħlijiet u servizzi offruti jkun iffissat.

3.   Il-prezz jew l-element tal-kost għandu, sal-grad relevanti, iqis il-kosti taċ-ċiklu tan-negozju bħal kosti relatati mal-akkwist, l-użu, il-manutenzjoni u t-tmiem tal-ħajja ta' prodotti, xogħlijiet u servizzi. Kosti relatati ma' esternalitajiet ambjentali marbuta ma' prodotti, xogħlijiet u servizzi matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom jistgħu wkoll jiġu kkunsidrati. Il-prezzijiet u l-kosti għandhom jiġu kkunsidrati biss jekk ikunu jistgħu jiġu ddeterminati u vverifikati.

4.   L-aħjar proporzjon bejn il-prezz u l-kwalità għandu jiġi vvalutat fuq il-bażi ta' kriterji, inklużi aspetti kwalitattivi, ambjentali u/jew soċjali marbuta mas-suġġett tal-kuntratt, bħal:

(a)

il-kwalità, inklużi l-mertu tekniku, il-karatteristiċi estetiċi u funzjonali, l-aċċessibbiltà, id-disinjar għall-utenti kollha, il-karatteristiċi soċjali, ambjentali u dawk innovattivi u l-kummerċ u l-kundizzjonijiet tiegħu,

(b)

l-organizzazzjoni strutturali, il-kwalifiki u l-esperjenza tal-persunal assenjat għat-twettiq tal-kuntratt, fejn il-kwalità tal-persunal assenjat tista' tħalli impatt sinifikanti fuq il-livell tal-prestazzjoni tal-kuntratt; jew

(c)

is-servizz ta' wara l-bejgħ u l-assistenza teknika, il-kundizzjonijiet tal-konsenja bħad-data tal-konsenja, il-proċess tal-konsenja u l-perijodu tal-konsenja, jew il-perijodu tat-tlestija.

5.   Il-kriterji kollha tal-għoti tal-kuntratt għandhom ikunu marbuta mas-suġġett tal-kuntratt li jista' jinkludi l-istadji differenti involuti fiċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti, xogħlijiet jew servizzi offruti bħall-proċessi tal-produzzjoni, forniment jew kummerċjalizzar tagħhom.

6.   L-avviż tal-kuntratt jew l-istedina għall-offerti jew, fil-każ ta' djalogu kompetittiv, it-talba għal proposta, għandhom jispeċifikaw kif l-aktar offerta vantaġġuża ekonomikament għandha tiġi identifikata skont il-paragrafu 2.

Artikolu 33

Offerti baxxi wisq

1.   Il-BĊE għandu jitlob bil-miktub spejgazzjonijiet ta' prezzijiet jew kosti proposti f'offerti li jidhru li jkunu baxxi wisq b'rabta mal-prodotti, xogħlijiet jew servizzi offruti. It-talba tista' tkun relatata b'mod partikolari ma':

(a)

l-ekonomija tal-proċess ta' manifattura, tal-forniment ta' servizzi jew tal-metodu tal-kostruzzjoni;

(b)

is-soluzzjonijiet tekniċi magħżula jew kwalunkwe kundizzjoni favorevoli eċċezzjonali disponibbli għall-offerent;

(c)

l-oriġinalità tar-riżultati proposti fl-offerta;

(d)

konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi ambjentali, tas-sigurtà soċjali u tax-xogħol fis-seħħ fil-post fejn ir-riżultati għandhom jiġu eżegwiti, ipprovduti jew fornuti; u

(e)

il-possibbiltà tal-offerent li jikseb għajnuna mill-Istat.

2.   Wara reviżjoni tal-informazzjoni ppreżentata mill-offerent, il-BĊE jista' jirrifjuta offerti li jkunu baxxi wisq, b'mod partikolari fil-każijiet li ġejjin:

meta l-informazzjoni pprovduta mill-offerent ma tagħtix rendikont suffiċjenti tal-livell baxx tal-prezz jew spejjeż;

meta l-offerta u l-informazzjoni addizzjonali pprovduta ma jagħtux assigurazzjoni suffiċjenti li l-kuntratt ser jiġi eżegwit kif suppost; jew

Jekk min jagħmel l-offerta ikun irċieva l-għajnuna mill-Istat, il-BĊE jista' jirrifjuta l-offerta fuq dik il-bażi biss sakemm min jagħmel l-offerta jkun jista' jipprova, b'terminu fissat mill-BĊE, li l-għajnuna ngħatat legalment skont il-proċeduri u d-deċiżjonijiet speċifikati fir-regoli Komunitarji fuq l-għajnuna mogħtija mill-Istat.

3.   Il-BĊE għandu jiċħad offerti li jkunu baxxi wisq minħabba ksur ta' xi waħda mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1(d).

TAQSIMA 7

Komunikazzjoni tal-eżitu

Artikolu 34

Notifika ta' deċiżjonijiet ta' għażla u għoti

1.   Il-BĊE għandu jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu bil-miktub u mingħajr dewmien żejjed lill-kandidati jew offerenti kollha li l-applikazzjonijiet jew offerti tagħhom ikunu miċħuda.

2.   In-notifika tad-deċiżjoni tal-għoti għandha tintbagħat ta' mill-inqas 10 ijiem qabel l-iffirmar tal-kuntratt mill-BĊE jekk in-notifika tintbagħat bil-faks jew b'mezzi elettroniċi, jew ta' mill-inqas 15-il jum qabel l-iffirmar tal-kuntratt jekk jintużaw mezzi ta' komunikazzjoni oħrajn.

3.   Il-kandidati u l-offerenti jistgħu, fi żmien 15-il jum minn meta jirċievu n-notifika, jitolbu lill-BĊE jagħti r-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-applikazzjoni jew tal-offerta tagħhom u biex jipprovdi kopji tad-dokumenti kollha marbutin mal-valutazzjoni tal-applikazzjoni jew offerta tagħhom. Offerenti li ma jintgħażlux u li l-offerta tagħhom kienet ammissibbli jistgħu jitolbu wkoll għall-isem tal-offerent rebbieħ kif ukoll għall-karatteristiċi ewlenin u l-vantaġġi relattivi tal-offerta tiegħu. Huma jistgħu ukoll jitolbu kopji tad-dokumenti kollha marbutin mal-valutazzjoni tal-offerta rebbieħa, skont il-paragrafu 4.

4.   Il-BĊE jista' jiddeċiedi li jżomm ċerta informazzjoni meta l-għoti ta' dik l-informazzjoni taffettwa l-interessi kummerċjali leġittimi ta' fornituri oħrajn, ixxekkel l-applikazzjoni tal-liġi, tista' tippreġudika l-kompetizzjoni ġusta jew tkun b'xi mod kontra l-interess pubbliku.

5.   Il-BĊE għandu jippubblika avviż ta' għoti ta' kuntratt skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2014/24/UE fil-Ġurnal Uffiċjali. L-avviż għandu jintbagħat lill-Ġurnal Uffiċjali fi żmien 30 jum wara l-iffirmar tal-kuntratt.

KAPITLU III

AKKWISTI TAĦT IL-LIMITI MINIMI PROĊEDURA TAL-AKKWISTI GĦAL KUNTRATTI TAĦT IL-LIMITI MINIMI U L-KUNTRATTI TA' SERVIZZ IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 6(2)

Artikolu 35

Tmexxija tal-proċedura

Kuntratti li l-valur stmat tagħhom ikun taħt il-limiti minimi speċifikati fl-Artikolu 4(3) u kuntratti ta' servizz msemmija fl-Artikolu 6(2) għandhom jingħataw skont il-proċedura li ġejja.

1.

Jekk il-valur tal-kuntratt ikun ta' EUR 50 000 nett mill-VAT jew aktar għal prodotti u servizzi jew EUR 500 000 għal xogħlijiet, il-BĊE għandu jistieden mill-anqas ħames fornituri xierqa, jekk ikun hemm, biex jibagħtu offerta fit-terminu stabbilit mill-BĊE.

2.

Jekk il-valur tal-kuntratt nett mill-VAT ikun inqas minn dawn il-limiti minimi iżda ta' EUR 20 000 jew aktar, il-BĊE għandu jistieden mill-anqas tliet fornituri xierqa, jekk ikun hemm, biex jibagħtu offerta.

3.

Jekk il-valur ta' kuntratt nett mill-VAT ikun ta' EUR 750 000 jew aktar, il-BĊE għandu jippubblika avviż ta' kuntratt fil-Ġurnal Uffiċjali. Il-fornituri mistiedna biex jipparteċipaw fil-proċedura ta' sejħa għall-offerti għandhom jintgħażlu fuq il-bażi tar-risposti riċevuti. Fornituri oħrajn li jissodisfaw l-istess kriterji jistgħu wkoll jiġu mistiedna biex jipparteċipaw fil-proċedura ta' sejħa għall-offerti.

4.

Jekk il-valur ta' kuntratt nett mill-VAT ikun inqas minn EUR 750 000, il-BĊE għandu jagħżel il-fornituri magħżula biex jipparteċipaw fil-proċedura ta' sejħa għall-offerti jew minn fost l-offerenti ammessi għal sistema ta' xiri dinamika jew, meta ma jkunx hemm sistema bħal din, minn lista ta' fornituri adattati mħejjija wara sejħa għal espressjoni ta' interess. Meta ebda lista ta' dan it-tip ma tiġi stabbilita, il-BĊE għandu jagħżel il-fornituri li għandhom jiġu mistiedna skont id-diskrezzjoni tieħgu, fuq il-bażi ta' analiżi tas-suq kif suppost, waqt li jitqies kwalunkwe interess transkonfinali, hekk kif jikkonferma l-adegwatezza tal-fornituri u l-interess tagħhom biex jipparteċipaw fil-proċedura. L-analiżi tas-suq tista' tinkludi pubblikazzjoni tal-opportunità ta' kuntratt f'sistema ta' akkwisti elettronika. Alternattivament, il-BĊE jista' jippubblika avviż ta' kuntratt fuq il-websajt tiegħu jew juża mezzi oħra xierqa. F'dak il-każ, il-fornituri mistiedna biex jipparteċipaw fil-proċedura ta' sejħa għall-offerti għandhom jintgħażlu fuq il-bażi tar-risposti riċevuti. Fornituri oħrajn li jissodisfaw l-istess kriterji jistgħu wkoll jiġu mistiedna biex jipparteċipaw fil-proċedura ta' sejħa għall-offerti.

5.

Il-BĊE għandu jipprovdi lill-fornituri mistiedna biex jipparteċipaw fil-proċedura tas-sejħa għallofferti b'talba għal proposta li tispeċifika r-rekwiżiti tal-BĊE, il-proċess ta' sottomissjoni u l-kriterji għall-għoti tal-kuntratt. Meta jiffissal-iskadenza għas-sottomissjoni tal-offerti, il-BĊE għandu jqis il-kumplessità tal-kuntratt u ż-żmien meħtieġ biex titħejja offerta.

6.

L-offerti riċevuti għandhom jiġu evalwati kontra r-rekwiżiti formali u l-kriterji tal-għażla u tal-għoti stipulati fit-talba għal proposta. Wara l-valutazzjoni tal-offerti bil-miktub, il-BĊE jista' jidħol f'negozjati mal-offerenti jekk dik il-possibbiltà tkun issemmiet fit-talba għal proposta. In-negozjati jistgħu jsiru bħala negozjati konsekuttivi skont l-ordni tal-klassifikazzjoni tal-offerenti jew bħala negozjati paralleli ma' bosta offerenti li l-offerti tagħhom jissodisfaw bl-aqwa mod il-kriterji tal-għoti.

7.

Il-BĊE għandu jagħti l-kuntratt lill-offerent li l-offerta tiegħu tissodisfa bl-aħjar mod il-kriterji stipulati fit-talba għal proposta.

8.

Il-proċedura għandha titwettaq skont il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 3. L-Artikoli 13(5) sa (6) u l-Artikoli 26, 27, 28, 30 u 33 għandhom japplikaw kif meħtieġ.

Artikolu 36

Notifika tad-deċiżjoni tal-għoti u lista ta' kuntratturi

1.   Wara d-deċiżjoni ta' għoti, il-BĊE għandu jinforma bil-miktub lill-offerenti l-oħrajn bil-miktub u mingħajr dewmien żejjed dwar ir-riżultati tal-proċedura tas-sejħa għall-offerti.

2.   L-offerenti jistgħu, fi żmien 15-il jum minn meta jirċievu n-notifika, jitolbu lill-BĊE biex jagħti r-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-offerta tagħhom u biex jipprovdi kopji tad-dokumenti kollha marbutin mal-valutazzjoni tal-offerta tagħhom.

3.   Il-BĊE għandu jippubblika kull sena lista ta' kuntratti b'valur ta' aktar minn EUR 50 000 li ngħataw skont l-Artikolu 35 jew li kienu soġġetti għal eċċezzjoni skont l-Artikolu 6(1). Il-lista għandha tispeċifika l-ismijiet tal-kuntratturi li ngħataw kuntratti, is-suġġett u l-valur tal-kuntratti. Għal kuntratti li jaqgħu taħt l-Artikolu 6(2) li l-valur tagħhom huwa ta' aktar minn EUR 750 000, il-BĊE għandu jippubblika avviż ta' għoti ta' kuntratt fil-Ġurnal Uffiċjali.

Artikolu 37

Għoti dirett

Il-BĊE jista' jagħti kuntrattti fuq il-bażi ta' offerta waħda jekk il-valur stmat tal-kuntratt ikun inqas minn EUR 20 000, nett mill-VAT.

KAPITLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 38

Ikkanċellar tal-proċeduri ta' sejħiet għall-offerti

1.   Il-BĊE jista' jħassar proċedura ta' sejħa għall-offerti f'kull mument qabel ma jiġi ffirmat l-kuntratt, u f'dan il-każ il-kandidati jew l-offerenti ma jkunu intitolati li jitolbu kumpens.

2.   Id-deċiżjoni tal-BĊE li jikkanċella għandha tirrispetta l-prinċipji ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 3(1).

3.   Il-BĊE għandu jissostanzja d-deċiżjoni u jressaqha għall-attenzjoni tal-kandidati jew offerenti.

Artikolu 39

Proċedura ta' appell

1.   Fi proċeduri ta' sejħiet pubbliċi għall-offerti taħt il-Kapitolu II, il-kandidati u l-offerenti jistgħu jikkontestaw bil-miktub id-deċiżjoni tal-BĊE li jirrifjuta l-applikazzjoni jew offerta tagħhom fi żmien 15-il jum minn meta jirċievu l-informazzjoni speċifikata fl-Artikolu 34(3) jew, jekk ma tintalab l-ebda informazzjoni, fi żmien 15-il jum mir-riċeviment tan-notifika skont l-Artikolu 34(1). L-appell għandu jinkludi l-informazzjoni kollha ta' appoġġ u l-oġġezzjonijiet immotivati.

2.   L-appell għandu jiġi indirizzat mill-Korp ta' Reviżjoni tal-Akkwisti tal-BĊE (PRB). Jekk il-PRB jikkunsidra li d-deċiżjoni għar-rifjut tal-applikazzjoni jew l-offerta tal-appellant tikser din id-deċiżjoni jew il-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-akkwisti għandu jew jordna li l-proċedura ta' sejħa għal offerti jew partijiet minnha terġa' ssir jew jieħu deċiżjoni finali. Inkella l-appell għandu jiġi miċħud. Il-PRB għandu jinnotifika lill-appellant bil-miktub bid-deċiżjoni tiegħu fi żmien xahar wara li jirċievi l-appell. Id-deċiżjoni għandha tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata.

3.   L-appell m'għandux ikollu effett sospensiv. Jekk jara li jkun xieraq, il-PRB jista' jissospendi l-proċedura ta' akkwisti jew l-għoti tal-kuntratt.

Artikolu 40

Ġurisdizzjoni

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għandu jkollha ġurisdizzjoni esklużiva f'kull tilwima bejn il-BĊE u fornitur dwar din id-Deċiżjoni jew xi proċedura speċifika ta' akkwist. Jekk proċedura ta' appell tkun disponibbli taħt l-Artikolu 39, l-appellant għandu jistenna d-deċiżjoni tal-BĊE dwar l-appell qabel ma jressaq il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. L-iskadenzi stipulati fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandhom għandhom jibdew jiddekorru minn meta tiġi rċevuta d-deċiżjoni ta' appell mill-fornitur.

Artikolu 41

Dħul fis-seħħ

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-15 ta' April 2016 u għandha tirrevoka u tissostitwixxi d-Deċiżjoni BĊE/2007/5.

2.   Proċeduri ta' akkwisti li jkunu nbdew qabel id-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu kkompletati u l-kuntratt mogħti għandu jiġi mmaniġġjat skont id-Deċiżjoni BĊE/2007/5. Għall-finijiet ta' din id-dispożizzjoni, proċedura ta' sejħa għall-offerti titqies li tkun inbdiet fil-jum meta l-avviż tal-kuntratt ikun intbagħat lill-Ġurnal Uffiċjali jew, f'każijiet fejn ebda avviż bħal dan ma jkun meħtieġ, fil-jum meta l-BĊE ikun stieden lil fornitur wieħed jew aktar minn wieħed sabiex jissottomettu offerta jew proposta.

3.   Ir-referenzi għad-Deċiżjoni rrevokata għandhom jitqiesu bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni li tinsab fl-Anness II.

Magħmul fi Frankfurt am Main, id-9 ta' Frar 2016.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 80, 18.3.2004, p. 33.

(2)  Deċiżjoni BĊE/2007/5 tat-3 ta' Lulju 2007 Diċembru 2007 li tistabbilixxi r-Regoli dwar l- Akkwisti (ĠU L 184, 14.7.2007, p. 34).

(3)  Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114.).

(4)  Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).

(5)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(6)  Regolament tal-Kunsill Nru 1 li jiddetermina l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 17, 6.10.1958, p. 385/58).

(7)  Deċiżjoni BĊE/2008/17 tas-17 ta' Novembru 2008 li twaqqaf il-qafas għall-akkwist konġunt tal-Ewrosistema (ĠU L 319, 29.11.2008, p. 76).

(8)  Linja Gwida (UE) 2015/280 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-13 ta' Novembru 2014 dwar l-istabbiliment tas-Sistema ta' Produzzjoni u Akkwisti tal-Eurosistema (BĊE/2014/44) (ĠU L 47, 20.2.2015, p. 29).

(9)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dak id-dejta (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).


ANNESS I

SERVIZZI SOĠĠETTI GĦALL-ARTIKOLU 6(2)

Kodiċi CPV

Deskrizzjoni

75200000-8; 75231200-6; 75231240-8; 79611000-0; 79622000-0 [Servizzi ta' provvista ta' persunal għal għajnuna domestika]; 79624000-4 [Servizzi ta' provvista għall-infermiera] u 79625000-1 [Servizzi ta' provvista għal persunal mediku] minn 85000000-9 sa 85323000-9; 98133100-5, 98133000-4; 98200000-5; 98500000-8 [Familji privati b'persuni impjegati] u 98513000-2 sa 98514000-9 [Servizzi ta' xogħol għall-familji, Servizzi minn persunal ta' aġenzija għall-familji, Servizzi minn persunal klerikali għall-familji, Persunal temporanju għall-familji, Servizzi ta' għajnuna għall-familji u Servizzi domestiċi]

Saħħa, servizzi soċjali u dawk relatati

85321000-5 u 85322000-2, 75000000-6 [Servizzi amministrattivi, tad-difiża u tas-sigurtà soċjali], 75121000-0, 75122000-7, 75124000-1; minn 79995000-5 sa 79995200-7; minn 80000000-4 Servizzi edukattivi u ta' taħriġ sa 80660000-8; minn 92000000-1 sa 92700000-8

79950000-8 [Servizzi ta' esebizzjonijiet, fieri u ta' organizzazzjoni ta' kungressi], 79951000-5 [Servizzi ta' organizzazzjoni ta' seminars], 79952000-2 [Servizzi ta' avvenimenti], 79952100-3 [Servizzi ta' organizzazzjoni ta' avvenimenti kulturali], 79953000-9 [Servizzi ta' organizzazzjoni ta' festivals], 79954000-6 [Servizzi ta' organizzazzjoni ta' festini], 79955000-3 [Servizzi ta' organizzazzjoni ta' sfilati tal-moda], 79956000-0 [Servizzi ta' organizzazzjoni ta' fieri u esebizzjonijiet]

Servizzi amministrattivi soċjali, edukattivi, ta' kura tas-saħħa u kulturali

75300000-9

Servizzi ta' sigurtà soċjali obbligatorji

75310000-2, 75311000-9, 75312000-6, 75313000-3, 75313100-4, 75314000-0, 75320000-5, 75330000-8, 75340000-1

Servizzi tal-benefiċċji

98000000-3; 98120000-0; 98132000-7; 98133110-8 u 98130000-3

Servizzi komunitarji, soċjali u personali oħrajn inkluż servizzi mogħtija minn trade unions, organizzazzjonijiet politiċi, assoċjazzjonijiet taż-żgħażagħ u servizzi ta' organizzazzjoni bi sħubijiet oħrajn.

98131000-0

Servizzi reliġjużi

55100000-1 sa 55410000-7; 55521000-8 sa 55521200-0 [55521000-8 Servizzi ta' kejtering għal djar privati, 55521100-9 Servizzi ta' meals-on-wheels, 55521200-0 Servizzi ta' konsenja ta' ikel] 55520000-1 Servizzi ta' kejtering, 55522000-5 Servizzi ta' kejtering għal impriżi tat-trasport, 55523000-2 Servizzi ta' kejtering għal impriżi oħrajn jew istituzzjonijiet oħrajn, 55524000-9 Servizzi ta' kejtering għall-iskejjel

55510000-8 Servizzi ta' kantins, 55511000-5 Servizzi ta' kantins u ta' kafetteriji għal klijentela ristretta, 55512000-2 Servizzi ta' ġestjoni ta' kantins, 55523100-3 Servizzi ta' ikel għall-iskejjel

Servizzi ta' lukandi u ristoranti

79100000-5 sa 79140000-7; 75231100-5;

Servizzi legali, sakemm mhux esklużi skont il-punt l-Artikolu 2(3)(j)

75100000-7 sa 75120000-3; 75123000-4; 75125000-8 sa 75131000-3

Servizzi amministrattivi oħra u servizzi tal-gvern

75200000-8 sa 75231000-4

Provvista ta' servizzi lill-komunità

75231210-9 sa 75231230-5; 75240000-0 sa 75252000-7; 794300000-7; 98113100-9

Servizzi relatati mal-ħabsijiet, sigurtà pubblika u servizzi ta' salvataġġ

79700000-1 sa 79721000-4 [Servizzi ta' investigazzjoni u ta' sigurtà, Servizzi ta' sigurtà, Sewrvizzi ta' monitoraġġ ta' allarm, Servizzi ta' għassa, Servizzi ta' sorveljanza, Servizzi ta' sistemi ta' intraċċar, Servizzi ta' intraċċar ta' persuni maħrubin, Servizzi ta' rondi, Servizzi ta' rilaxx ta' badges ta' identifikazzjoni, Servizzi ta' investigazzjoni u Servizzi ta' aġenziji ta' detektivs] 79722000-1 [Servizzi ta' grafoloġija], 79723000-8 [Servizzi ta' analiżi tal-iskart]

Servizzi ta' investigazzjoni u ta' sigurtà

98900000-2 [Servizzi pprovduti minn organizzazzjonijiet u korpi extraterritorjali] u 98910000-5 [Servizzi speċifiċi għal organizzazzjonijiet u korpi internazzjonali]

Servizzi internazzjonali

64000000-6 [Servizzi postali u tat-telekomunikazzjoni], 64100000-7 [Servizzi tal-posta u ta' kurriera], 64110000-0 [Servizzi postali], 64111000-7 [Servizzi postali relatati ma' gazzetti u perjodiċi], 64112000-4 [Servizzi postali relatati ma' ittri], 64113000-1 [Servizzi postali relatati ma' pakketti], 64114000-8 [Servizzi tal-bank tal-uffiċċju postali], 64115000-5 [Kiri ta' kaxxi tal-ittri], 64116000-2 [Servizzi ta' posta li għandha tinġabar mill-posta], 64122000-7 [Posta interna tal-uffiċċji u servizzi ta' messaġġiera]

Servizzi postali

50116510-9 [Servizzi ta' ffurmar mill-ġdid ta' tajers], 71550000-8 [Servizzi ta' ħaddied]

Servizzi oħrajn


ANNESS II

TABELLA TA' KORRELAZZJONI

Deċiżjoni BĊE/2007/5

Din id-Deċiżjoni

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 5

Artikolu 6

Artikolu 6

Artikolu 7

Artikolu 7

Artikolu 8

Artikolu 8

Artikolu 9

Artikolu 9

Artikolu 10

Artikolu 21

Artikolu 11

Artikolu 10

Artikolu 12

Artikolu 11

Artikolu 13

Artikolu 12

Artikolu 14

Artikolu 13

Artikolu 15

Artikolu 18

Artikolu 16

Artikolu 19

Artikolu 16a

Artikolu 22

Artikolu 17

Artikolu 16

Artikolu 18

Artikolu 23

Artikolu 19(3)

Artikolu 15

Artikolu 19(1), (2), (4) u (5)

Artikolu 26

Artikolu 20

Artikolu 27

Artikolu 21

Artikolu 28

Artikolu 22

Artikolu 24

Artikolu 23

Artikolu 29

Artikolu 24

Artikolu 30

Artikolu 25

Artikolu 31

Artikolu 26

Artikolu 32

Artikolu 27

Artikolu 33

Artikolu 28

Artikolu 34

Artikolu 29

Artikolu 35

Artikolu 30

Artikolu 36

Artikolu 31

Artikolu 37

Artikolu 32

Artikolu 38

Artikolu 33

Artikolu 39

Artikolu 34

Artikolu 40

Artikolu 35

Artikolu 41


Fuq