EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32015D0051

Deċiżjoni (UE) 2016/21 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-23 ta' Diċembru 2015 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2008/17 li tistabbilixxi l-qafas għall-akkwisti konġunti tal-Eurosistema (BĊE/2015/51)

ĠU L 6, 9.1.2016, p. 5–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument Fis-seħħ

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/21/oj

9.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 6/5


DEĊIŻJONI (UE) 2016/21 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-23 ta' Diċembru 2015

li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2008/17 li tistabbilixxi l-qafas għall-akkwisti konġunti tal-Eurosistema (BĊE/2015/51)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 127 u 128 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikolu 12.1 flimkien mal-Artikolu 3.1 u l-Artikoli 5,16 u 24 tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-10 ta' Lulju 2014, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jestendi l-mandat tal-Uffiċċju għal Koordinazzjoni tal-Akkwisti tal-Eurosistema (EPCO) sal-31 ta' Diċembru 2019. Fis-7 ta' Jannar 2015, il-Kunsill Governattiv ħatar lill-Banque centrale du Lussemburgu biex jospita l-EPCO għal dan il-perijodu.

(2)

Minbarra l-banek ċentrali nazzjonali, l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri, kif ukoll istituzzjonijiet u korpi oħrajn tal-Unjoni, jew organizzazzjonijiet internazzjonali jista' wkoll ikollhom interess li jipparteċipaw f'attivitajiet tal-EPCO u fil-proċeduri tiegħu ta' sejħiet għall-offerti konġunti. Dik il-parteċipazzjoni għandha ssir taħt il-kundizzjonijiet deċiżji mill-Kunsill Governattiv. Dawk il-kundizzjonijiet għandhom ikunu simili għall-kundizzjonijiet applikabbli għall-banek ċentrali.

(3)

Fit-13 ta' Novembru 2014, il-Kunsill Governattiv adotta Linja Gwida dwar l-akkwist ta' karti tal-flus tal-euro (1). Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-akkwisti ġiet irriveduta permezz tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li tippromwovi l-akkwist konġunt ta' oġġetti u servizzi u l-użu ta' ċerti tekniċi ta' xiri ċentralizzat. Il-Kunsill Governattiv jimmira li jibbenefika mil-leġiżlazzjoni aġġornata billi jrawwem parteċipazzjoni f'akkwisti konġunti.

(4)

L-identifikazzjoni u l-valutazzjoni ta' każijiet potenzjali għal akkwisti konġunti tingħata prijorità fi ħdan il-lista ta' kompiti tal-EPCO, u l-irtirar minn akkwisti konġunti huwa soġġett għal skadenzi ddefiniti minn qabel.

(5)

Sabiex il-proċeduri baġitarji tal-EPCO jsiru aktar effiċjenti u sabiex jingħata appoġġ għal sforzi addizzjonali fil-kuntest tat-tmexxija ta' akkwisti konġunti, fis-7 ta' Jannar 2015, il-Kunsill Governattiv approva l-użu ta' envelopp finanzjarju sabiex ikopri baġit fuq medda ta' snin. Il-Kunsill Governattiv immodifika wkoll l-ippjanar tal-akkwisti sabiex dan isir aktar flessibbli, billi l-EPCO jibda jħejji pjan ta' akkwisti rikorrenti li jkun soġġett għall-approvazzjoni tal-Kunsill Governattiv kull sena.

(6)

L-effettività u l-effiċjenza tal-EPCO għandhom jiġu evalwati qabel it-tmiem tal-mandat tiegħu.

(7)

Għaldaqstant, id-Deċiżjoni BĊE/2008/17 (3) għandha tiġi emendata f'dan is-sens,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi għad- Deċiżjoni BĊE/2008/17

Id-Deċizjoni BĊE/2008/17 hija emendata kif ġej:

1.

L-Artikolu 2 paragrafu 3 huwa mibdul b'dan li ġej:

“3.   Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għal-Linja Gwida (UE) 2015/280 tal-Bank Ċentrali Ewropew (*).

(*)  Linja Gwida (UE) 2015/280 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-13 ta' Novembru 2014 dwar l-istabbiliment ta' Sistema ta' Produzzjoni u Akkwisti tal-Eurosistema (BĊE/2008/17) (ĠU L 47, 20.2.2015, p. 29).”;"

2.

fl-Artikolu 3, il-paragrafu 1 huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“1.   L-EPCO għandu jwettaq il-kompiti bażiċi kollha li ġejjin:

(a)

identifika każijiet potenzjali għal akkwisti konġunti li jaqgħu fl-ambitu ta' din id-Deċiżjoni, jew barra minnu, fuq il-bażi tal-ħtiġiet ta' akkwisti li l-banek ċentrali jindirizzaw lill-EPCO;

(b)

iħejji u jaġġorna kif meħtieġ pjan annwali għall-akkwisti għal proċeduri ta' sejħiet għall-offerti konġunti bbażati fuq valutazzjoni deskritta taħt il-punt (a);

(c)

iħejji rekwiżiti komuni b'kooperazzjoni mal-banek ċentrali li jipparteċipaw fi proċedura konġunta ta' sejħa għall-offerti;

(d)

jgħin lill-banek ċentrali fil-proċeduri konġunti ta' sejħiet għall-offerti;

(e)

jgħin lill-banek ċentrali f'akkwisti relatati ma' proġetti komuni tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali, jekk jintalab biex jagħmel dan mill-bank jew banek ċentrali li jmexxu l-proġett;

L-EPCO jista' jwettaq ukoll kompiti oħrajn minbarra dawk speċifikati iktar 'il fuq, b'mod partikolari sabiex jiffaċilita l-adozzjoni tal-aqwa prattiċi għall-akkwisti fi ħdan l-Eurosistema u sabiex jiżviluppa l-infrastruttura (eż. il-ħiliet, l-għodod funzjonali, sistemi tal-informazzjoni, proċessi) meħtieġa għall-akkwisti konġunti.”;

3.

fl-Artikolu 3, il-paragrafu 4 huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“4.   Il-bank ċentrali għandhom jiffinanzjaw il-baġit tal-EPCO skont ir-regoli adottati mill-Kunsill Governattiv, li jista' jkun ibbażat fuq envelopp finanzjarju li jkopri bosta snin jew proposta ta' baġit annwali, u jista' jinkludi inċentivi li jippromwovu t-tmexxija ta' proġetti konġunti ta' akkwisti.”;

4.

fl-Artikolu 3, il-paragrafu 7 huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“7.   Il-Kumitat ta' Tmexxija tal-EPCO għandu jwettaq valutazzjoni tal-effettività u l-effiċjenza tal-attivitajiet tal-EPCO fiż-żmien propizju qabel it-tmiem tal-mandat tiegħu. Fuq il-bażi ta' din l-evalwazzjoni, il-Kunsill Governattiv għandu jiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ li jorganizza proċedura ta' għażla biex jagħżel bank ċentrali ospitanti ġdid.”;

5.

fl-Artikolu 4, il-paragrafu 2 huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“2.   Wara li jiġi identifikat każ potenzjali għal akkwist konġunti, l-EPCO għandu jistieden lill-banek ċentrali biex jieħdu sehem fil-proċedura konġunta ta' sejħiet għall-offerti. Il-banek ċentrali għandhom jinfurmaw lill-EPCO fiż-żmien opportun jekk għandhomx il-ħsieb li jieħdu sehem fil-proċedura konġunta ta' sejħiet għall-offerti u, jekk dan ikun il-każ, għandhom jikkomunikaw il-ħtiġijiet tal-ħidma tagħhom lill-EPCO. Meta l-pubblikazzjoni ta' avviż ta' kuntratt ma tkunx meħtieġa, bank ċentrali jista' jirtira milli jipparteċipa f'akkwist konġunt sakemm jikkommetti formalment li jipparteċipa. Meta tkun meħtieġa l-pubblikazzjoni ta' avviż ta' kuntratt, bank ċentrali jista' jirtira milli jipparteċipa f'kull ħin qabel il-pubblikazzjoni tal-avviż tal-kuntratt.”;

6.

fl-Artikolu 4, il-paragrafu 3 huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“3.   Kull sena l-EPCO għandu jissottometti pjan ta' akkwisti aġġornat għal proċeduri konġunti t'a sejħiet għall-offerti, inklużi l-ismijiet tal-banek ċentrali li jmexxu, lill-Kunsill Governattiv għal approvazzjoni. Il-Kunsill Governattiv għandu jadotta d-deċiżjoni tiegħu dwar il-pjan ta' akkwisti u l-implimentazzjoni tiegħu wara konsultazzjoni mal-Kumitat ta' Tmexxija tal-EPCO.”;

7.

L-Artikolu 5 huwa mibdul b'dan li ġej:

“Artikolu 5

Parteċipazzjoni ta' istituzzjonijiet oħrajn

Il-Kunsill Governattiv jista' jistieden lill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li għadhom ma adottawx l-euro biex jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-EPCO u fil-proċeduri konġunti ta' sejħiet għall-offerti taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għall-banek ċentrali tal-Eurosistema. Barra minn hekk, il-Kunsill Governattiv jista' jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri, istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni jew organizzazzjonijiet internazzjonali biex jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-EPCO u fi proċeduri konġunti ta' sejħiet għall-offerti taħt il-kundizzjonijiet stipulati mill-Kunsill Governattiv fl-istedina. Kull stedina ta' din ix-xorta għandha tkun limitata għall-akkwist konġunt ta' oġġetti u servizzi sabiex jiġu ssodisfati ħtiġijiet li huma komuni għall-banek ċentrali u l-entitajiet mistiedna u l-kundizzjonijiet għandhom ikunu simili għal dawk li japplikaw għall-banek ċentrali tal-Ewrosistema.”.

Artikolu 2

Dispożizzjonijiet finali

Din id-Deċizjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-23 ta' Diċembru 2015.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  Linja Gwida (UE) 2015/280 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-13 ta' Novembru 2014 dwar l-istabbiliment tas-Sistema ta' Produzzjoni u Akkwisti tal-Eurosistema (BĊE/2014/44) (ĠU L 47, 20.2.2015, p. 29).

(2)  Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).

(3)  Deċiżjoni BĊE/2008/17 tas-17 ta' Novembru 2008 li twaqqaf il-qafas għall-akkwist konġunt tal-Ewrosistema (ĠU L 319, 29.11.2008, p. 76).


Fuq