EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32015D0036

Deċiżjoni (UE) 2016/3 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta' Novembru 2015 li tistabbilixxi l-prinċipji għall-għoti ta' feedback dwar il-prestazzjoni tas-subkoordinaturi tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fit-timijiet superviżorji konġunti tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (BĊE/2015/36)

ĠU L 1, 5.1.2016, p. 4–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument M’għadux fis-seħħ, Data tat-tmiem tal-validitàà: 14/02/2017; Imħassar b' 32017D0006

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/3/oj

5.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 1/4


DEĊIŻJONI (UE) 2016/3 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-18 ta' Novembru 2015

li tistabbilixxi l-prinċipji għall-għoti ta' feedback dwar il-prestazzjoni tas-subkoordinaturi tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fit-timijiet superviżorji konġunti tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (BĊE/2015/36)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) u (7) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 (iktar 'il quddiem ir-“Regolament MSU”) jistipula li l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) huwa responsabbli għall-funzjonament effettiv u konsistenti tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU). Il-premessa 79 tar-Regolament MSU tgħid li persunal b'motivazzjoni għolja, imħarreġ sew u imparzjali huwa indispensabbli għal superviżjoni effettiva.

(2)

Skont l-Artikoli 3 sa 6 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (2) (iktar 'il quddiem ir-“Regolament Qafas tal-MSU”), il-BĊE huwa inkarigat mill-istabbiliment u l- kompożizzjoni ta' timijiet superviżorji konġunti (TSK) li huma komposti minn membri tal-persunal mill-BĊE u mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (ANK). Il-koordinatur tat-TSK, assistit mis-subkoordinatur(i) tal-ANK, jiżgura l-koordinazzjoni tal-ħidma fi ħdan it-TSK.

(3)

Fid-dawl tal-irwol importanti tas-subkoordinaturi tal-ANK li jikkoordinaw il-membri tat-TSK mill-ANK tagħhom, huwa neċessarju u proporzjonat li jiddaħħal proċess uniformi għall-għoti ta' feedback dwar il-prestazzjoni fir-rigward ta' subkoordinaturi tal-ANK fi ħdan it-TSK. Billi jassisti bit-titjib kontinwu tal-prestazzjoni tas-subkoordinaturi tal-ANK, il-feedback dwar il-prestazzjoni tal-MSU jgħin biex jiġi żgurat il-funzjonament kif suppost tat-TSK. Il-feedback dwar il-prestazzjoni tal-MSU inizjalment jieħu l-forma ta' test fuq il-post li huwa limitat fiż-żmien. Fuq il-bażi tal-esperjenza akkwistata matul it-test fuq il-post, ser tiġi kkunsidrata implimentazzjoni aktar komprensiva tal-mekkaniżmu ta' feedback dwar il-prestazzjoni tal-MSU. L-ANK u l-BĊE huma responsabbli unikament għall-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-persunal tagħhom. L-ANK jistgħu jużaw il-feedback mogħti skont din id-Deċiżjoni fil-ġestjoni ta' kuljum tal-membri tal-persunal tagħhom, u dan jista' jservi bħala input fis-sistemi ta' evalwazzjoni interni tal-ANK, jekk dan ikun permess taħt il-liġi nazzjonali relevanti.

(4)

Waqt li jirrikonoxxi li l-feedback dwar il-prestazzjoni hija meħtieġa għall-ġestjoni tat-TSK, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta approva l-mekkaniżmu ta' feedback dwar il-prestazzjoni tal-MSU, soġġett għall-kundizzjoni li t-tħaddim preċiż tal-mekkaniżmu ta' prestazzjoni jkun iddefinit fi strument legali adottat fil-livell xieraq,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 2 tar-Regolament MSU u l-Artikolu 2 tar-Regolament Qafas tal-MSU.

Artikolu 2

Feedback dwar il-prestazzjoni tal-MSU

1.   Is-subkoordinaturi tal-ANK fit-TSK għandhom jirċievu feedback dwar il-prestazzjoni tagħhom u dik tat-tim tagħhom fit-twettiq tal-kompiti tagħhom fit-TSK, soġġett għal u skont il-prinċipji stipulati fl-Anness I.

2.   Wara li jiġu stabbiliti l-kompiti u l-objettivi ewlenin tas-subkoordinaturi tal-ANK, il-feedback għandu jingħata fir-rigward taċ-ċiklu ta' feedback li jibda fil-jum tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni kif imsemmi fl-Artikolu 3 u jintemm fid-29 ta' Frar 2016.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-20 ta' Novembru 2015.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-18 ta' Novembru 2015.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)  Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u mal-awtoritajiet nazzjonali ddenominati (Regolament Qafas dwar l-MSU) (BĊE/2014/17) (ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1).


ANNESS I

Prinċipji għall-għoti ta' feedback dwar il-prestazzjoni tas-subkoordinaturi tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fit-timijiet superviżorji konġunti tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku

(Feedback dwar il-prestazzjoni tal-MSU)

Prinċipju 1

Ambitu tal-feedback dwar il-prestazzjoni tal-MSU

Is-subkoordinaturi tal-ANK fit-TSK għandhom ikunu soġġetti għal feedback dwar il-prestazzjoni tal-MSU, sakemm jaħdmu f'TSK fuq il-bażi ta' mill-inqas 25 % ta' pożizzjoni ekwivalenti għal full-time kif iddefinit fil-qafas tal-impjieg tal-ANK relevanti.

Prinċipju 2

Skop tal-feedback dwar il-prestazzjoni tal-MSU

Sabiex jiġi żgurat u mtejjeb il-funzjonament tal-MSU bħala ħaġa sħiħa, il-feedback dwar il-prestazzjoni tal-MSU għandu jirrikonoxxi u jivvaluta l-prestazzjoni tas-subkoordinaturi tal-ANK meta jwettqu l-kompiti tagħhom, bil-għan li jiġi żviluppat ulterjorment il-mod kif huma jifhmu l-objettivi u l-kompetenzi komuni għall-MSU, sabiex b'hekk titrawwem motivazzjoni fost il-membri tat-tim.

Prinċipju 3

Proċess ta' feedback dwar il-prestazzjoni tal-MSU għal subkoordinaturi tal-ANK

1.

Fil-bidu taċ-ċiklu ta' feedback, il-koordinatur tat-TSK, wara konsultazzjoni mas-subkoordinatur tal-ANK, għandu jiffissa l-kompiti u l-objettivi ewlenin għas-subkoordinatur tal-ANK imsemmija taħt il-Prinċipju 1. Il-kompiti u l-objettivi ewlenin għandhom jiġu rreġistrati fil-formola ta' feedback dwar l-MSU.

2.

Il-koordinatur tat-TSK għandu jipprovdi lil kull subkoordinatur tal-ANK msemmi taħt il-Prinċipju 1 bi gwida kontinwa u feedback informali matul iċ-ċiklu tal-feedback. Malli jitlesta ċ-ċiklu tal-feedback, il-koordinatur tat-TSK għandu jiprpovdi lil kull subkoordinatur tal-ANK msemmi taħt il-Prinċipju 1 b'feedback ta' tmiem iċ-ċiklu, kemm verbalment kif ukoll bil-miktub fil-formola ta' feedback tal-MSU.

3.

Kemm il-feedback kontinwu kif ukoll dak ta' tmiem iċ-ċiklu għandhom iqisu l-kompiti u l-objettivi ewlenin tas-subkoordinaturi, kif irreġistrati fil-formola ta' feedback tal-MSU, il-kompetenzi tal-MSU stipulati fl-Anness II u l-kontribut tat-tim tagħhom għall-funzjonament ġenerali tat-TSK.

Prinċipju 4

Aċċess għall-feedback dwar il-prestazzjoni tal-MSU

1.

Il-feedback dwar il-prestazzjoni ta' tmiem iċ-ċiklu għas-subkoordinaturi ta' ANK f'TSK jista' jsir aċċessibbli għal, u jista' jintuża mill-ANK relevanti bl-iskop li jiffaċilita l-maniġment regolari mill-ANK tal-persunal tagħha, jekk dan ikun awtorizzat mil-liġijiet nazzjonali applikabbli.

2.

L-ANK jistgħu jagħżlu li jużaw il-feedback dwar il-mekkaniżmu tal-MSU bħala input addizzjonali għas-sistemi interni tagħhom ta' valutazzjoni tal-prestazzjoni, jekk dan ikun awtorizzat mil-liġijiet nazzjonali applikabbli.

3.

L-aċċess għall-feedback dwar il-mekkaniżmu tal-MSU, inkluż it-trasferiment tiegħu, għandu jingħata lill-ANK skont l-Artikolu 8(a) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

Prinċipju 5

Protezzjoni ta' dejta personali pproċessata fil-kuntest tal-feedback dwar il-prestazzjoni tal-MSU

1.

Id-dejta mill-feedback dwar il-prestazzjoni tal-MSU għandha tiġi pproċessata mill-BĊE skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

2.

Id-dejta mill-feedback dwar il-prestazzjoni għandha tintuża esklużivament għall-finijiet deskritti taħt il-Prinċipji 2 u 4 u d-dejta għandha tinżamm għal perjodu massimu ta' ħames snin.


(1)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dak id-dejta (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).


ANNESS II

LISTA TA' KOMPETENZI TAL-MSU

Tagħrif professjonali : Għarfien dwar politiki, metodoloġiji u regolamenti superviżorji, speċjalment fil-kuntest tal-MSU, kif ukoll dwar il-funzjonament tal-istituzzjonijiet finanzjarji. Wieħed għandu jżomm aġġornat dwar żviluppi f'dawk l-oqsma u japplika l-għarfien għall-oqsma ta' xogħol relevanti.

Komunikazzjoni : L-għoti ta' informazzjoni b'mod ċar u konċiż lil gruppi jew individwi, jew verbalment jew bil-miktub, sabiex jiġi żgurat li huma jifhmu l-informazzjoni u l-messaġġ. Wieħed għandu jisma' u jirrispondi b'mod xieraq lil ħaddieħor.

Kooperazzjoni u kollaborazzjoni : Il-bini u l-iżvilupp ta' relazzjonijiet ta' ħidma kontinwi u kollaborattivi ma' kollegi sabiex jinkisbu l-objettivi Ewropej tat-tim. Għandhom jiġu żviluppati u miżmuma relazzjonijiet effettivi ma' ħaddieħor sabiex tiġi mħeġġa u appoġġata l-ħidma bejn tim. Għandu jkun hemm qsim proattiv ta' dejta, informazzjoni u tagħrif fi ħdan tim.

Determinazzjoni fil-kisba ta' objettivi : Twettiq tal-kompiti b'tenaċità u perseveranza, l-insegwiment ta' soluzzjonijiet ta' suċċess waqt li wieħed jadatta l-imġieba tiegħu stess biex jinstab approċċ adattat għall-kisba ta' eżitu ta' suċċess.

Ġudizzju u intrużività : L-analiżi u l-valutazzjoni ta' sitwazzjonijiet, dejta u informazzjoni sabiex jiġu żviluppati strateġiji, pjanijiet u politiki xierqa. Wieħed għandu jifhem u jifformula perspettivi differenti u kuntrarji dwar kwistjoni, jekk meħtieġ, jadatta l-approċċi hekk kif jinbidlu l-ħtiġijiet ta' sitwazzjoni, waqt li jikkunsidra l-problemi minn perspettivi ġodda u jespandi fuq il-ħsieb jew is-soluzzjonijiet proposti minn ħaddieħor. Wieħed għandu jipprova jifhem bis-sħiħ il-kwistjonijiet qabel ma jagħmel rakkomandazzjoni jew jilħaq konklużjoni, waqt li jiġbor informazzjoni sħiħa u preċiża hekk kif meħtieġ, u jasal għal ġudizzju sod billi jistaqsi b'rispett serje ta' domandi intrużivi u billi jfittex kontinwament għal kwistjonijiet potenzjali u informazzjoni.

Kuxjenza wiesgħa u viżjoni 'il quddiem : Wieħed għandu jħares lil hinn mill-irwol tiegħu stess sabiex jistabbilixxi l-kuntest usa' li fih jopera, billi jifhem bis-sħiħ id-diversi funzjonijiet/oqsma, billi juri kuxjenza dwar diversi kuntesti kulturali u perspettivi, u billi jevalwa l-implikazzjonijiet tad-deċiżjonijiet tiegħu fuq ħaddieħor. Wieħed għandu jħares 'il quddiem u jantiċipa opportunitajiet u theddid fil-futur, jieħu azzjoni biex joħloq opportunitajiet jew biex jevita kwistjoni fil-futur.

Aġir oġġettiv b'integrità u indipendenza : Wieħed għandu jaġixxi b'mod indipendenti u oġġettiv, fl-interess tal-Unjoni bħala ħaġa sħiħa, fuq il-bażi tal-istandards professjonali tal-MSU, waqt li jiġu vverifikati ċ-ċirkustanzi biex tinkiseb stampa sħiħa u realistika ta' sitwazzjoni. Ħidma biex jitnaqqsu jew jiġu eliminati preferenzi, preġudizzji jew evalwazzjonijiet soġġettivi billi wieħed jibbaża fuq dejta u fatti verifikabbli.

Immaniġġjar ta' timijiet tal-MSU (applikabbli għal maniġers biss) : Tmexxija (virtwali/remoti) tat-timijiet sabiex jiġu ggwidati lejn l-objettivi tat-tim. Koordinazzjoni tal-attivitajiet tat-tim bejn fruntieri, billi tingħata direzzjoni u billi jintużaw il-kompetenzi u d-diversità tagħhom bl-aktar mod effettiv u effiċjenti. Għandha titnaqqas u tiġi mmaniġġjata l-ambigwità u għandhom jinstabu modi kif wieħed jidderieġi u jagħti riżultati f'ċirkustanzi inċerti.


Fuq