EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 02010D0009(01)-20171115

Test konsolidat: Deċizjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tad- 29 ta’ Lulju 2010 dwar l-aċċess għal u l-użu ta’ ċerta dejta TARGET2 (BĊE/2010/9) (2010/451/UE)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/451/2017-11-15

02010D0009(01) — MT — 15.11.2017 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DEĊIZJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tad-29 ta’ Lulju 2010

dwar l-aċċess għal u l-użu ta’ ċerta dejta TARGET2

(BĊE/2010/9)

(2010/451/UE)

(ĠU L 211 12.8.2010, p. 45)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DEĊIŻJONI (UE) 2017/2080 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW tat-22 ta' Settembru 2017

  L 295

86

14.11.2017




▼B

DEĊIZJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tad-29 ta’ Lulju 2010

dwar l-aċċess għal u l-użu ta’ ċerta dejta TARGET2

(BĊE/2010/9)

(2010/451/UE)



▼M1

Artikolu 1

1.  Il-BĊi għandhom jaċċessaw dejta fil-livell tat-transazzjoni misluta minn TARGET2 mingħand il-parteċipanti kollha tal-komponenti kollha ta' TARGET2 għall-finijiet li tiżgura l-funzjonament effiċjenti ta' TARGET2 u s-sorveljanza tagħha. Il-BĊi jistgħu jaċċessaw ukoll id-dejta sabiex iwettqu l-analiżijiet meħtieġa għas-superviżjoni makroprudenzjali, l-istabbiltà finanzjarja, l-integrazzjoni finanzjarja, l-operazzjonijiet tas-suq, il-funzjonijiet tal-politika monetarja u l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, skont il-prinċipju ta' separazzjoni.

2.  L-aċċess għad-dejta msemmija fil-paragrafu 1 u l-użu tagħha għal analiżijiet kwantitattivi u simulazzjonijiet numeriċi għandhom ikunu limitati għal li ġej:

(a) sabiex jiġu żgurati l-funzjonament u s-sorveljanza effiċjenti ta' TARGET2, membru tal-persunal wieħed u sa tliet supplenti separatament kemm għat-tħaddim kif ukoll għas-sorveljanza ta' TARGET2. Il-membri tal-istaff u s-supplenti tagħhom għandhom ikunu membri tal-persunal li jieħdu ħsieb it-tħaddim ta' TARGET2 u s-sorveljanza tal-infrastruttura tas-suq.

(b) għal kull analiżi oħra, grupp ta' 15-il membru tal-persunal li jmexxu r-riċerka, ikkoordinati mill-kapijiet tar-riċerka tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali.

3.  Il-BĊi jistgħu jaħtru lill-membri tal-istaff u lis-sostituti tagħhom. Il-ħatra ta' membri tal-persunal, inklużi l-kapijiet tar-riċerka, li jitħallew jaċċess dejta ta' TARGET2 skont il-paragrafu 2, għandha tkun soġġetta għal approvazzjoni mill-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq (MIB). Il-ħatra ta' membri tal-persunal mis-superviżjoni, li huma permessi li jkollhom aċċess għad-dejta tat-TARGET2 skont il-paragrafu 2, għandha tkun soġġetta għal approvazzjoni mill-Kumitat tal-Infrastruttura tas-Suq u Ħlasijiet (MIPC). L-istess proċeduri għandhom japplikaw għas-sostituzzjoni tagħhom.

4.  L-MIB għandu jistabbilixxi regoli speċifiċi għall-garanzija tal-kunfidenzjalità tad-dejta fil-livell ta' transazzjoni. Il-BĊi għandhom jiżguraw konformità ma' dawn ir-regoli mil-membri tal-persunal tagħhom skont il-paragrafi 2 u 3. Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta' kwalunkwe regola oħra dwar il-kondotta professjonali jew il-kunfidenzjalità mill-BĊi, fil-każ ta' non-konformità mar-regoli speċifiċi stabbiliti mill-MIB, il-BĊi għandhom iżommu lil kwalunkwe membru tal-persunal innominat tagħhom milli jkollu aċċess għal u użu tad-dejta msemmija fil-paragrafu 1. L-MIB għandu jimmonitorja l-konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan il-paragrafu.

5.  Il-Kunsill Governattiv jista' jiddeċiedi wkoll li jagħti aċċess lil utenti oħrajn fuq il-bażi ta' regoli preċiżi u ddefiniti minn qabel. F'dawk il-każijiet, l-MIB għandu jimmonitorja l-użu tagħhom tad-dejta u, b'mod partikolari, il-konformità tagħhom mar-regoli tal-kunfidenzjalità, kemm kif stabbiliti mill-MIB u kif stabbilit fl-Artikolu 38 tal-Anness II tal-Linja Gwida BĊE/2012/27 ( 1 ).

▼B

Artikolu 2

▼M1

1.  Is-Simulatur TARGET2 għandu jiġi stabbilit għat-twettiq tal-analiżi kwantitattiva u s-simulazzjonijiet numeriċi msemmijin fl-Artikolu 1(1).

▼B

2.  Is-Simulatur TARGET2 għandu jiġi żviluppat u miżmum mill-BĊi li jipprovdu l-SSP u mis-Suomen Pankki. Huwa għandu jikkomprendi l-infrastruttura teknika neċessarja, l-għodda għall-isfilzar tad-dejta, għodda għas-simulazzjoni u software analitiku li għandu jiġi installat fl-SSP.

3.  L-ispeċifikazzjonijiet tas-servizzi u dawk tekniċi tas-Simulatur TARGET2 għandhom jiġu determinati ulterjorment fi ftehim bejn il-BĊi li jipprovdu l-SSP u Suomen Pankki u l-BĊi, approvat mill-Kunsill Governattiv.

▼M1

Artikolu 3

1.  L-MIB għandu jistabbilixxi programmi ta' ħidma operazzjonali u ta' sorveljanza fuq medda ta' żmien medju u l-MIPC għandu jistabbilixxi programm ta' xogħol ta' sorveljanza li għandhom jitwettqu mill-membri tal-persunal innominati skont l-Artikolu 1(2) u (3), bl-użu ta' dejta fuq livell ta' transazzjoni.

2.  L-MIB jista' jiddeċiedi li jippubblika informazzjoni misluta mill-użu ta' dejta f'livell ta' transazzjoni, sakemm ma jkunx possibbli li jiġu identifikati l-parteċipanti jew il-klijenti tal-parteċipanti.

3.  L-MIB għandu jaġixxi b'maġġoranza sempliċi. Id-deċiżjonijiet tiegħu għandhom ikunu soġġetti għal reviżjoni mill-Kunsill Governattiv.

4.  L-MIB għandu jinforma regolarment lill-Kunsill Governattiv bil-kwistjonijiet kollha marbutin mal-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 38(3) tal-Anness II tal-Linja Gwida BĊE/2012/27, l-MIB għandu jikkoordina l-iżvelar u l-pubblikazzjoni minn BĊi ta' informazzjoni dwar il-ħlas fir-rigward ta' parteċipant jew klijenti ta' parteċipant imsemmija f'dak l-Artikolu.

▼B

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.



( 1 ) Linja Gwida BĊE/2012/27 tal-5 ta' Diċembru 2012 dwar sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (TARGET2) (ĠU L 30, 30.1.2013, p. 1).

Fuq