EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32017O0012

Linja Gwida (UE) 2017/1362 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta' Mejju 2017 li temenda l-Linja Gwida (UE) 2015/510 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal- Eurosistema (BĊE/2017/12)

ĠU L 190, 21.7.2017, p. 26–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument Fis-seħħ

ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2017/1362/oj

21.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 190/26


LINJA GWIDA (UE) 2017/1362 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-18 ta' Mejju 2017

li temenda l-Linja Gwida (UE) 2015/510 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal- Eurosistema (BĊE/2017/12)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Centrali u tal-Bank Centrali Ewropew, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1, l-Artikoli 9.2, 12.1, 14.3, 18.2 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 20 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-kisba ta' politika monetarja waħdanija tinvolvi d-definizzjoni tal-istrumenti u l-proċeduri li jridu jintużaw mill-Eurosistema sabiex tiġi implimentata politika bħal din b'mod uniformi fl-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hija l-euro.

(2)

Il-Kunsill Governattiv iddeċieda fit-22 ta' Marzu 2017 li għandhom jiġu rfinati aktar ir-regoli applikabbli għal li huma “entitajiet ta' stralċ” fil-kuntest tal-qafas tal-kontroparti tal-politika monetarja tal-Eurosistema sabiex jiġi żgurat li dawn jiġu ttrattati b'mod konsistenti meta jaċċessaw l-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema. B'mod partikolari, il-Kunsill Governattiv qies li kien xieraq li ma jippermettix “entitajiet ta' stralċ”, kif definit f'din linja gwida, aċċess għal operazzjonijiet tal-politika monetarja, peress li l-għan ewlieni ta' dawn l-entitajiet ma hijiex konsistenti man-negozju ordinarju ta' istituzzjonijiet ta' kreditu, li huma parteċipanti regolari fl-operazzjonijiet tal-politika monetarja.

(3)

Għal raġunijiet ta' trasparenza u ċarezza legali, id-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv tat-22 ta' Marzu 2017 għandha tiġi stabbilita f'att legali vinkolanti mingħajr dewmien sabiex tissupplimenta l-Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/60) (1).

(4)

Għalhekk, il-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60) għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

Artikolu 1

Emendi

Il-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60) hija emendata skont kif ġej:

1.

fl-Artikolu 2, għandu jiddaħħal il-punt (99a) li ġej:

“(99a).

‘entità ta' stralċ’ tfisser entità, kemm jekk tkun proprjetà privata jew pubblika, li (a) ikollha bħala l-iskop ewlieni tagħha l-iżvestiment gradwali tal-assi tagħha u l-waqfien tan-negozju tagħha; jew (b) tkun entità għall-ġestjoni jew l-iżvestiment ta' assi stabbilita biex tappoġġa ristrutturar u/jew riżoluzzjoni tas-settur finanzjarju, inklużi vetturi tal-ġestjoni tal-assi li jirriżultaw minn azzjoni ta' riżoluzzjoni fil-forma tal-applikazzjoni ta' għodda għas-separazzjoni tal-assi skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) jew leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta l-Artikolu 42 tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2).

(*1)  Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta' Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1)."

(*2)  Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).”;"

2.

fl-Artikolu 55a, il-paragrafu 5 huwa mibdul b'li ġej:

“5.   Entità ta' stralċ m'għandhiex tkun eliġibbli biex taċċessa operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema sakemm tiġi aċċettata bħala kontroparti eliġibbli biex tipparteċipa f'operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema sat-22 ta' Marzu 2017. F'dak il-każ għandha tibqa' eliġibbli sal-31 ta' Diċembru 2021, bil-limitazzjoni li l-aċċess tagħha għal operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema, kif iddefiniti fil-punt (31) tal-Artikolu 2, għandu jkun limitat għal-livell medju tal-użu li tkun għamlet minn operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema matul il-perijodu ta' 12-il xahar qabel it-22 ta' Marzu 2017 bil-possibbiltà li jiġi kkalkulat u applikat tali limitu b'mod konġunt għal numru ta' entitajiet ta' stralċ li jappartjenu għall-istess grupp, meta jkun rilevanti. Wara dan, dik l-entità ta' stralċ m'għandhiex tibqa' eliġibbli biex taċċessa operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema.”;

3.

fl-Artikolu 158, jiddaħħal il-paragrafu 3a li ġej:

“3a.   B'referenza għal entitajiet ta' stralċ mhux meqjusa eliġibbli skont l-Artikolu 55a(5), l-Eurosistema tista' tissospendi, tillimita jew teskludi, għal raġunijiet ta' prudenza, l-aċċess għall-operazzjonijiet ta' politika monetarja minn kontropartijiet li jgħaddu likwidità tal-Eurosistema lil entità ta' stralċ mhux eliġibbli.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u implimentazzjoni

1.   Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

2.   Il-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jikkonformaw ma' din il-Linja Gwida u japplikawhom mill-21 ta' Lulju 2017. Huma għandhom jinnotifikaw lill-BĊE bit-testi u l-mezzi relatati ma' dawk il-miżuri sa mhux aktar tard mid-19 ta' Ġunju 2017.

Artikolu 3

Destinatarji

Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-18 ta' Mejju 2017.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta' Diċembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2014/60) (ĠU L 91, 2.4.2015, p. 3).


Fuq