EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 52008AB0070

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat- 18 ta' Novembru 2008 fuq it-talba tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea dwar proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 94/19/KE dwar Skemi ta' Garanzija ta' Depożitu fir-rigward tal-livell ta' kopertura u d-dewmien tal-ħlas (CON/2008/70)

ĠU C 314, 9.12.2008, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 314/1


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-18 ta' Novembru 2008

fuq it-talba tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea dwar proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 94/19/KE dwar Skemi ta' Garanzija ta' Depożitu fir-rigward tal-livell ta' kopertura u d-dewmien tal-ħlas

(CON/2008/70)

(2008/C 314/01)

Introduzzjoni u bażi legali

Fl-24 ta' Ottubru 2008 il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea għal opinjoni dwar proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 94/19/KE dwar Skemi ta' Garanzija ta' Depożitu fir-rigward tal-livell ta' kopertura u d-dewmien tal-ħlas (1) (minn issa 'l quddiem id-“direttiva proposta”).

Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni dwar id-direttiva proposta hija bbażata skond l-Artikolu 105(4) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita' Ewropea. Skond l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 17.5 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

1.   Osservazzjonijiet ġenerali

1.1

Il-BĊE jinnota li l-kriżi ta' bħalissa fis-suq finanzjarju kkonfermat li skemi ta' garanzija ta' depożitu huma vitali biex tinżamm il-kunfidenza tad-depożitanti u għalhekk biex tiġi salvagwardata l-istabbiltá finanzjarja. Il-BĊE jaqbel ma' l-għan bażiku li tittejjeb il-kunfidenza tad-depożitanti, u jifhem li għal raġunijiet ta' urġenza d-direttiva proposta tiffoka fuq iż-żieda tal-livell ta' kopertura ta' skemi nazzjonali ta' garanzija ta' depożitu (minn issa 'l quddiem l-“iskemi nazzjonali”) konformi mal-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' l-Ecofin tas-7 ta' Ottubru 2008 (2), li jnaqqsu d-dewmien tal-ħlas u li ma titkompliex l-għażla ta' bħalissa għal ko-assigurazzjoni.

1.2

Fl-istess ħin il-BĊE jinkoraġġixxi l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex tkompli x-xogħol dwar il-konverġenza ta' l-iskemi nazzjonali, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-armonizzazzjoni tal-mekkaniżmi ta' l-iffinanzjar tagħhom, u biex tippreżenta rapport dwar il-kwistjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-31 ta' Diċembru 2009 (3). Minħabba l-importanza ta' l-arranġamenti ta' l-iffinanzjar ta' l-iskemi nazzjonali għall-effettivitá tas-safety net finanzjarja u biex tiġi salvagwardata l-istabbiltá finanzjarja, il-BĊE jinsab ħerqan biex jikkontribwixxi għax-xogħol futur tal-Kummissjoni f'dan il-qasam u jinkoraġġixxi t-tlestija fil-ħin tar-rapport tal-Kummissjoni. F'dan il-kuntest, il-BĊE jirrimarka b'enfasi li l-arranġamenti ta' l-iffinanzjar ta' l-iskemi nazzjonali għandhom, inter alia, jaderrixxu mal-projbizzjoni ta' l-iffinanzjar monetarju stabbilitá fit-Trattat, u b'mod partikolari mal-projbizzjoni li timpedixxi lill-banek ċentrali nazzjonali milli jipprovdu faċilitajiet ta' overdraft jew kull tip ieħor ta' faċilita' fit-tifsira ta' l-Artikolu 101 tat-Trattat (4), kif intqies b'mod aktar speċifiku f'opinjonijiet passati tal-BĊE dwar abbozzi ta' leġiżlazzjoni nazzjonali (5) u fir-Rapporti ta' Konverġenza tal-BĊE (6).

2.   Osservazzjonijiet speċifiċi

2.1   Livell ta' kopertura tal-garanzija

Il-BĊE jilqa' ż-żieda fl-ammont minimu ta' depożiti ggarantiti sa EUR 50 000 sat-tmiem ta' l-2008 u ż-żieda l-oħra sa EUR 100 000 (7), kif imsemmi fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Ottubru 2008 (8). Fl-istess ħin il-BĊE jenfasizza li kull żieda fil-kopertura li teċċedi l-aħħar mill-ammonti msemmija hawn fuq, għandha tkun ippreċeduta b'koordinazzjoni mill-qrib fuq il-livell ta' l-UE, billi differenzi sostanzjali bejn miżuri nazzjonali jista' jkollhom effett kontroproduttiv u joħolqu rregolaritajiet (distortions) fis-suq wieħed.

2.2   Tnaqqis fid-dewmien tal-ħlas

Il-BĊE jilqa' l-intenzjoni biex jitnaqqas b'mod sinifikanti d-dewmien fil-ħlasijiet ta' depożiti ggarantiti u b'hekk tissaħħaħ il-kunfidenza tad-depożitanti (9). F'dan il-kuntest, il-BĊE jenfasizza li l-analiżi riċenti fuq il-livell internazzjonali enfasizzat li ħlas fil-pront tal-klejms tad-depożitanti hija ta' importanza kbira għall-protezzjoni effettiva tad-depożiti. Fl-istess ħin, għandu jiġi segwit metodu prattiku biex jiġi introdott it-tnaqqis meħtieġ fid-dewmien tal-ħlas, b'hekk tiġi ppreservata l-kredibbiltá ta' l-iskemi ta' garanzija ta' depożitu. Dan jimplika t-twaqqif ta' proċessi operattivi effiċjenti biex jivverifikaw il-klejms u l-ħlas lid-depożitanti, kif ukoll biex jiżguraw li jkun hemm iffinanzjar biżżejjed. B'mod partikolari, il-proċeduri għandhom jitqiegħdu fis-seħħ ħalli jekk bank li jopera fuq il-livell internazzjonali jfalli, id-depożitanti jirċievu l-ħlasijiet bl-istess mod effiċjenti daqs li kieku jsir kieku l-bank li jkun falla kien qed jopera fi Stat Membru wieħed. Barra minn dan, il-BĊE jissuġġerixxi li l-pjan tal-Kummissjoni biex tivvaluta jekk ikunx possibbli tarmonizza aktar l-arranġamenti ta' l-iffinanzjar użati mill-iskemi nazzjonali, għandu jkun akkompanjat b'reviżjoni ta' l-effettivitá tal-proċeduri tal-ħlas. Finalment, minbarra li jitqassar il-perijodu tal-ħlas, il-BĊE jissuġġerixxi li l-kunfidenza tal-pubbliku fl-iskemi ta' garanzija ta' depożitu tista' tittejjeb billi jittejjeb l-għarfien tad-depożitanti dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tal-protezzjoni ta' depożitu, inter alia permezz tal-pubblikazzjoni xierqa tat-termini u kundizzjonijiet mill-istituzzjonijiet ta' kreditu.

Magħmula fi Frankfurt am Main, fit-18 ta' Novembru 2008.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  COM(2008) 661 finali.

(2)  Ara l-istqarrija għall-istampa ta' l-2894 laqgħa tal-Kunsill (13784/08), li tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Kunsill f'www.consilium.europa.eu, kif imsemmi fis-sitt paragrafu tas-sezzjoni 1 tal-memorandum spjegattiv għad-direttiva proposta.

(3)  L-Artikolu 12 tad-Direttiva 94/19/KE, kif emendat bl-Artikolu 1(6) tad-direttiva proposta; cf. recitals 1 u 7 tad-direttiva proposta.

(4)  Interpretat skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3603/93 tat-13 ta' Diċembru 1993 li jispeċifika d-definizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-projbizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 104 u 104b(1) tat-Trattat (ĠU L 332, 31.12.1993, p. 1).

(5)  Ara l-paragrafi 11-14 ta' l-Opinjoni tal-BĊE CON/2001/32 tal-11 ta' Ottubru 2001 fuq it-talba tal-Ministeru tal-Finanzi Portugiż dwar abbozz ta' digriet li jemenda l-qafas legali ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu u kumpaniji finanzjarji; il-paragrafi 11-13 ta' l-Opinjoni tal-BĊE CON/2005/50 ta' l-1 ta' Diċembru 2005 fuq it-talba tan-Národná banka Slovenska dwar abbozz ta' liġi li jemenda l-Att Nru 118/1996 Coll. dwar il-protezzjoni tad-depożiti fil-banek u dwar l-emendi ta' ċerti liġijiet, kif l-aħħar emendati; il-paragrafi 2.1-2.3 ta' l-Opinjoni tal-BĊE CON/2007/26 tas-27 ta' Awwissu 2007 fuq it-talba tal-Ministeru tal-Finanzi Pollakk dwar abbozz ta' liġi li jemenda l-Liġi dwar il-Fond ta' Garanzija tal-Banek; u l-paragrafi 2.2-2.8 ta' l-Opinjoni tal-BĊE CON/2008/5 tas-17 ta' Jannar 2008 fuq it-talba tal-Ministeru tal-Finanzi Pollakk dwar abbozz ta' liġi li jemenda l-Liġi dwar il-Fond ta' Garanzija tal-Banek.

(6)  Ara, e.ż., ir-Rapport ta' Konverġenza tal-BĊE 2006, p. 30.

(7)  L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 94/19/KE, kif emendat bl-Artikolu 1(3)(a) tad-direttiva proposta, u kif ikkumplimentat bl-ewwel u t-tieni subparagrafi ta' l-Artikoli 2(1) tad-direttiva proposta, li tipprovdi għall-applikazzjoni retroattiva tal-livell miżjuda ta' kopertura mill-15 ta' Ottubru 2008; cf. recital 3 tad-direttiva proposta u sezzjoni 5.3 tal-memorandum spjegattiv mad-direttiva proposta.

(8)  Il-Kunsill qabel li “'l-Istati Membri kollha, għal perijodu inizjali ta' lanqas sena, jipprovdu protezzjoni ta' garanzija ta' depożitu għal individwi għal ammont ta' mhux anqas minn EUR 50 000, jirrikonoxxi li ħafna Stati Membri jaħsbu biex iżidu l-ammont minimu protett għal EUR 100 000”.

(9)  L-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 94/19/KE, kif emendat bl-Artikolu 1(1) tad-direttiva proposta, u l-Artikolu 10(1) u (2) tad-Direttiva 94/19/KE, kif emendat bl-Artikolu 1(5) tad-direttiva proposta; cf. recital 5 tad-direttiva proposta u sezzjoni 5.1 tal-memorandum spjegattiv mad-direttiva proposta.


Fuq